Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/919

Brussell, 27 Ġunju 2007

Flessigurtà: l-inklu ż joni ta' aktar nies f'postijiet tax-xogħol aqwa

Illum il-Kummissjoni qiegħda tipproponi t-twaqqif ta' prinċipji komuni ta' flessigurtà sabiex tippromwovi l-kompetittività, l-impjiegi u s-sodisfazzjon mix-xogħol billi tgħaqqad il-flessibilità u s-sigurtà għall-ħaddiema u l-kumpaniji. Strateġiji tal-flessigurtà jistgħu jgħinu sabiex jimmodernizzaw is-swieq Ewropej tax-xogħol u jindirizzaw aħjar l-isfidi u l-opportunitajiet tal-globalizzazzjoni. Huma jinkludu fl-istess waqt l-arranġamenti kuntrattwali flessibbli u ta' min jorbot fuqhom, politiki attivi tas-swieq tax-xogħol, strateġiji komprensivi ta' tagħlim li jissokta matul il-ħajja u sistemi moderni ta' ħarsien soċjali filwaqt li jipprovdu sostenn xieraq ta' introjtu matul perjodi ta' qgħad. Il-Kummissjoni tistipula wkoll numru ta' rotot tipiċi li jgħinu lill-Istati Membri jfasslu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom infushom għall-flessigurtà u jitgħallmu mill-esperjenzi u l-aqwa prassi ta' xulxin. Skond l-istrateġija ta' Liżbona ta' l-UE għall-Impjieg u t-Tkabbir Ekonomiku, il-prinċipji komuni ta' flessigurtà għandhom l-għan li jiżguraw li aktar Ewropej japprofittaw mill-ekonomija globali ta' llum li qed tinbidel b'rata mgħaġġla.

Vladimír Špidla, il-Kummissarju ta' l-UE għall-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs qal, "il-flessigurtà hija l-aqwa mod kif jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jgawdu livell għoli ta' sigurtà ta' l-impjieg sabiex ikunu jistgħu jsibu impjieg tajjeb f'kull stadju tal-ħajja attiva tagħhom; u jistgħu jittamaw għal żvilupp tajjeb tal-karriera f'ambjent ekonomiku li qed jinbidel b'rata mgħaġġla." Żied jgħid: "Il-flessigurtà tipprovdi bilanċ bejn drittijiet u responsabilitajiet, għall-ħaddiema u l-kumpaniji kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi: Kollha kemm huma għandhom dover li jikkontribwixxu għall-impjieg, is-soċjetà u t-tkabbir sostenibbli. L-istrateġija ta' flessigurtà ma tinvolvix li s-sigurtà tittieħed minn grupp partikolari sabiex isservi grupp ieħor, iżda minflok timmassimizza l-interazzjoni pożittiva bejn il-flessibilità u s-sigurtà. Li neħtieġu issa huwa li l-partijiet interessati jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw li din tkun suċċess għall-ekonomiji, il-ħaddiema u n-negozji ta' l-Ewropa."

L-Ewropa teħtieġ li ssib modi ġodda kif tagħmel is-swieq tagħha tax-xogħol aktar flessibbli u fl-istess waqt tipprovdi sigurtà ta' l-impjieg. Il-flessigurtà hija strateġija komprensiva għall-politika tas-suq tax-xogħol li tgħaqqad biżżejjed flessibilità fl-arranġamenti kuntrattwali - sabiex tippermetti li l-ażjendi u l-impjegati jadattaw għal bidla - flimkien mal-provvista ta' sigurtà għall-ħaddiema sabiex jibqgħu f'xogħlhom jew ikunu jistgħu jsibu wieħed ġdid malajr bl-assikurazzjoni ta' introjtu xieraq bejn l-impjiegi. Il-Komunikazzjoni tenfasizza li hija tista' tkun pożittiva kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-kumpaniji. Il-flessibilità tfisser li tinvolvi l-iżgurar ta' tranżizzjoni faċli tal-ħaddiema sabiex isibu xogħol, u sabiex jiċċaqalqu minn xogħol għal ieħor; hija tkopri l-flessigurtà esterna u interna fi ħdan l-istess kumpanija. Is-sigurtà mhijiex biss għall-ħaddiema iżda wkoll għan-negozji: it-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema jipprovdi wkoll siġurtà u benefiċċji addizzjonali għal min iħaddem. Il-flessibilità u s-sigurtà jistgħu jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku.

Il-Komunikazzjoni, ibbażata fuq konsultazzjonijiet estensivi ma' partijiet interessati ewlenin, tidentifika l-oqsma prinċipali tal-politika tal-flessigurtà (il-komponenti tal-flessigurtà) u tistipula proposti għal tmien prinċipji komuni ta' flessigurtà. Dawn il-prinċipji huma punti ta' referenza li dwarhom għandhom jaqblu l-Istati Membri. Huma jinkludu:

  • Li titqawwa l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' l-UE għall-Impjiegi u t-Tkabbir Ekonomiku u jissaħħaħ il-mudell soċjali Ewropew.

  • Li jinkiseb bilanċ bejn id-drittijiet u r-responsabilitajiet;

  • Li l-flessigurtà tiġi adattata għal ċirkustanzi, ħtiġijiet u sfidi differenti ta' l-Istati Membri;

  • Li titnaqqas il-lakuna bejn dawk li jinsabu f'arranġamenti kuntrattwali atipiċi, kultant prekarji min-naħa l-waħda (imsejħa 'outsiders'), u min-naħa l-oħra dawk li qegħdin f'impjiegi permanenti fulltime (imsejħa 'insiders');

  • L-iżvilupp ta' flessigurtà interna u esterna, billi tingħata għajnuna lill-impjegati sabiex jitilgħu l-iskaluni tal-karriera (interna) kif ukoll b'mod tranżversali fis-suq tax-xogħol (esterna);

  • L-appoġġ ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs għal kulħadd;

  • Il-produzzjoni ta' pakketti bbilanċjati ta' politika sabiex jippromwovu klima ta' fiduċja bejn l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati l-oħra;

  • L-iżgurar ta' distribuzzjoni ġusta ta' l-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-politiki tal-flessigurtà, u l-kontribut għal politiki baġitarji rigorużi u finanzjarjament sostenibbli.

Il-Komunikazzjoni tippreżenta wkoll erba' "rotot" tipiċi għall-Istati Membri sabiex jiżviluppaw l-istrateġiji tagħhom infushom tal-flessigurtà li huma adattati għall-isfidi nazzjonali tagħhom. Ovvjament mhemmx kejl wieħed tajjeb għal kulħadd - il-qagħdiet tas-suq tax-xogħol ivarjaw ħafna madwar l-UE. Pereżempju, f'uħud mill-pajjiżi, l-isfidi jistgħu jkunu ffukati fuq soluzzjonijiet fi ħdan il-kumpaniji, f'oħrajn l-enfasi tista' tkun aktar fuq it-tranżizzjonijiet bejn l-impjiegi. Dawn ir-rotot huma mfassla fuq il-bażi ta' esperjenzi reali veri u politiki ta' l-Istati Membri, li kienu analizzati minn Grupp ta' Esperti fuq il-flessigurtà u r- rapporteur tagħhom, il-Professur Ton Wilthagen.

L-aspetti separati ta' politika koperti mill-flessigurtà u l-komponenti tagħha mhumiex ġodda - iżda strateġiji tal-flessigurtà jippreżentaw approċċ ġdid, integrat li permezz tiegħu l-elementi differenti jistgħu jappoġġjaw 'il xulxin b'mod reċiproku.

L-istrumenti finanzjarji ta' l-UE għall-Koeżjoni - u b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew għall-perjodu ta' l-ipprogrammar 2007 - 2013 - jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-aspetti baġitarji tal-flessigurtà, pereżempju permezz ta' taħriġ fil-livell ta' kumpanija, programmi ta' tagħlim li jissokta matul il-ħajja, jew għall-promozzjoni ta' l-intraprenditorjat.

Indaġni riċenti ta' l-Ewrobarometru (il-Ħarifa ta' l-2006) uriet li ċ-ċittadini Ewropej jifhmu u jaċċettaw il-ħtieġa għal adattament u bidla li jikkaratterizzaw il-flessigurtà. 72% jħossu li l-kuntratti ta' l-impjieg għandhom ikunu aktar flessibbli b'tali mod li joħolqu aktar impjiegi; 76% jemmnu li xogħol għal ħajtek hija xi ħaġa ta' l-imgħoddi; u 88% huma tal-fehma li t-tagħlim li jissokta matul il-ħajja jtejjeb l-opportunitajiet li wieħed isib impjieg aktar malajr.

Il-flessigurtà għandha pożizzjoni prominenti fil-Linjigwida Integrati li dwarhom kien hemm qbil unanimu mill-Istati Membri u li jikkonsolidaw l-implimentazzjoni kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali ta' l-Istrateġija ta' Liżbona dwar it-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi. Il-flessigurtà tista' tirnexxi biss bl-involviment tal-partijiet interessati kollha. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jaħdmu ma' l-imsieħba soċjali bil-ħsieb li jinkludu l-istrateġiji tagħhom għall-flessigurtà fil-Programmi Nazzjonali tagħhom ta' Riforma skond l-Istrateġija.

Għal aktar tagħrif ara:

Kollegament għal komunikazzjoni

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52007DC0359:EN:NOT

Kollegament għar-rapport ta' l-Espert li fih eżempji ta' flessigurtà fis-27 Stat Membru

http://ec.europa.eu/employment_social/employment_strategy/flex_expert_en.htm

L-isfond:

http://ec.europa.eu/employment_social/employment_strategy/flex_meaning_en.htm

Konferenza tal-Partijiet Interessati dwar il-flessigurtà, 20 ta' April 2007:

http://ec.europa.eu/employment_social/employment_strategy/flex_stakeholderconference_en.htm


Side Bar