Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/870

Brussell, il-25 ta' Ġunju 2007

Ir-Regolament ta' l-UE dwar ir-Roaming jidħol fis-seħħ fis-27 Stat Membru fit-30 ta' Ġunju

Bis-saħħa ta' l-intervent ta' l-UE se jkun ħafna irħas li tuża l-mobile tiegħek meta tkun imsiefer. Bil-pubblikazzjoni tar-Regolament ta' l-UE dwar ir-Roaming fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-UE fi tmiem din il-ġimgħa, din il-biċċa leġiżlazzjoni importanti fis-suq intern se ssir liġi li torbot fis-27 Stat Membru fit-30 ta' Ġunju. Dan se jtemm fi żmien qasir bħal qatt qabel il-proċess leġiżlattiv, li beda fit-12 ta' Lulju 2006 mill-Kummissjoni Ewropea, biex jitrażżnu t-tariffi tar-roaming li l-konsumaturi u min jivvjaġġja fuq xogħol kellhom jissaportu s'issa meta kienu msefrin f'pajjiżi oħra ta' l-UE. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, flimkien mal-Kummissjoni, se jimmonitorjaw it-tranżizzjoni lejn regoli ġodda tar-roaming sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda abbuż.

"Fl-aħħar iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jieħdu ftit tan-nifs hekk kif ir-Regolament tar-Roaming ta' l-UE fl-aħħar isir liġi li torbot fl-Istati Membri kollha. Nisperaw li issa jispiċċaw għal kolllox it-tariffi eċċessivi tar-roaming. Ninnota b'sodisfazzjon li ċerti operaturi qed joffru l-Eurotariff il-ġdida saħansitra mill-1 ta' Lulju," qalet il-Kummissarju Ewropew għat-Telekomunikazzjoni Viviane Reding. "Il-Kummissjoni, madankollu, se tibqa' tissorvelja l-prezzijiet, partikolarment għall-SMS u d-data roaming, biex jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jsofrux b'modi oħra u li wara tliet snin ma tibqax teżisti l-ħtieġa għar-regolazzjoni tas-suq. Nittama li issa l-operaturi jifhmu l-kapaċità ta' l-UE li tieħu azzjoni. Il-messaġġ tiegħi lilhom: Iċċaqilqu issa u raħħsu t-tariffi ta' l-SMS u tad-data roaming malajr, inkella se jkollna nintervjenu fi żmien qasir."

Fit-12 ta' Lulju 2006, il-Kummissjoni pproponiet Regolament ta' l-UE dwar ir-roaming fuq in-netwerks pubbliċi tal-mobile fi ħdan il-Komunità, sabiex it-tariffi tar-roaming jitnaqqsu saħansitra sa 70% (ara IP/06/978) Wara li ntlaħaq qbil fost l-aktar mgħaġġlin li qatt saru bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, ir-Regolament ta' l-UE dwar ir-Roaming fl-aħħar ġie approvat, biss 11-il xahar wara, fis-7 ta' Ġunju (ara IP/07/696 u MEMO/07/233).

Ir-Regolament ta' l-UE, minn dan is-sajf 'l hemm, se jippermetti lill-konsumaturi jibbenefikaw minn 'Ewrotariffa' li tiffissa limitu massimu għat-telefonati li tagħmel (€0.49 eskl. VAT) u dawk li tirċievi (€0.24 eskl. VAT) meta tkun barra mill-pajjiż. L-operaturi mistennija jikkompetu 'l isfel minn dan il-limitu, li se jkompli jitnaqqas fl-2008 u l-2009.

B'hekk:

  • L-operaturi tal-mobiles huma obbligati joffru Eurotariffa lill-klijenti kollha tagħhom sa mhux aktar tard mit-30 ta' Lulju 2007.
  • Il-klijenti mingħajr pakkett ta' roaming eżistenti u li jirreaġixxu immedjatament se jibbenefikaw mill-Eurotariffa sa mhux aktar tard mit-30 ta' Awwissu 2007.
  • Għal dawk li ma jirreaġixxux u li m'għandhomx pakkett ta' roaming eżistenti, l-Eurotariffa se tapplika awtomatikament mit-30 ta' Settembru 2007.
  • L-abbonati li diġà għandhom pakkett tar-roaming jistgħu ukoll jagħżlu Ewrotariffa u għandhom jinfurmaw l-operatur tagħhom b'din l-għażla.

Ir-Regolament ta' l-UE dwar ir-Roaming, li ċ-ċittadini laqgħuh b'idejhom miftuħa (ara IP/06/1515) iġiegħel ukoll lill-operaturi jżommu lill-klijenti kollha tagħhom infurmati dwar il-prezzijiet tar-roaming. Dawn l-obbligi ta' trasparenza se jippermettu wkoll lill-konsumaturi jidentifikaw faċilment l-aqwa offerti disponibbli, kif ukoll li jkunu jafu minn qabel il-prezzijiet li jinteressawhom l-aktar meta jkunu msefrin, jiġifieri dawk tar-roaming.

Se jkun hemm ukoll limiti fuq il-bejgħ bl-ingrossa għall-prezzijiet li l-operaturi jimponu fuq xulxin għar-roaming, li se japplikaw fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-lum. Għat-12-il xahar li ġej, il-limitu fuq il-bejgħ bl-ingrossa huwa ta' €0.30.

Il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-UE fid-29 ta' Ġunju 2007 tfisser li r-Regolament ta' l-UE dwar ir-Roaming se jsir liġi fit-30 ta' Ġunju fis-27 Stat Membru kollha. Ir-Regolament se jkun applikabbli għal tliet snin. Matul dan il-perjodu, il-Kummissjoni, flimkien mar-regolaturi nazzjonali, se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tar-Regolament. Il-Kummissjoni se tivvaluta r-Regolament fi żmien 18-il xahar sabiex tiddetermina jekk ittawwalx il-perjodu effettiv tar-Regolament u jekk ikunx meħtieġ li terġa' tintervjeni sabiex tinkludi wkoll l-SMS u d-data roaming.

Is-sit tal-Kummissjoni b'aktar tagħrif dwar ir-roaming (IP/05/901), fejn issib ukoll kampjuni tat-tariffi tar-roaming skond il-pajjiż, huwa dan
http://ec.europa.eu/roaming

Ara wkoll MEMO/07/251


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website