IP/07/807
Brussell, it-12 ta' Ġunju 2007
L-Ikel Organiku: Regolament ġdid
biex ikompli jitrawwem l-iżvilupp fis-settur Ewropew ta' l-ikel
organiku
Il-ministri Ewropej għall-agrikoltura llum
laħqu ftehim politiku dwar regolament ġdid fuq il-produzzjoni organika
u t-tikketjar, u dan għandu jkun aktar sempliċi kemm għall-bdiewa
kif ukoll għall-konsumaturi. Ir-regoli l-ġodda
jistipulaw sett sħiħ ta' għanijiet, prinċipji u regoli
bażiċi għall-produzzjoni organika, u jinkludu sistema permanenti
ġdida għall-importazzjoni kif ukoll sistema ta' kontroll aktar
konsistenti. L-użu tal-logo organiku ta' l-UE ser ikun mandatorju,
iżda jista' jkollu miegħu logos nazzjonali jew privati. Il-post fejn
ġew ikkoltivati l-prodotti irid ikun indikat għall-informazzjoni
tal-konsumatur. L-ikel jista' jkollu fuqu l-logo organiku jekk talanqas 95% ta'
l-ingredjenti ikunu organiċi. Iżda l-prodotti li mhumiex
organiċi se jkunu jistgħu jindikaw l-ingredjenti organiċi fuq
il-lista ta' l-ingredjenti biss. L-użu ta' organiżmi ġenetikament
modifikati se jibqa' pprojbit. Issa ser ikun ċar li l-limitu ġenerali
ta' 0.9% għall-preżenza aċċidentali ta' organiżmi
ġenetikament modifikati (GMOs) se japplika wkoll għall-prodotti
organiċi. Mhux ser ikun hemm tibdil fil-lista ta' sustanzi awtorizzati
għall-biedja organika. Ir-regoli l-ġodda joħolqu wkoll
il-bażi sabiex jiżdiedu regoli għall-akkwakultura organika,
l-inbid, l-alka tal-baħar u l-ħmira. Fit-tieni parti ta' dan
l-eżerċizzju ta' reviżjoni u b'kontinwità ma' dan
ir-Regolament il-ġdid, ir-regoli dettaljati eżistenti stretti ser
jiġu ttrasferiti mir-Regolament preċedenti għar-Regolament
il-ġdid.
Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp
Rurali, qalet: "Dan huwa ftehim eċċellenti li ser jgħin
lill-konsumaturi jagħrfu l-prodotti organiċi madwar l-UE aktar
faċilment, filwaqt li jagħtihom garanzija preċiża ta' dak li
jkunu qed jixtru. Is-suq ta' l-ikel organiku huwa wieħed ta'
suċċess, u wieħed li qed jikber u nispera li dan is-sett
ġdid ta' regoli jipprovdi l-qafas biex tan it-tkabbir ikompli –
permezz tat-tlaqqigħ tad-domanda tas-suq ma' l-imprenditorjat tal-bdiewa
Ewropej."
Ir-Regolament il-ġdid:
- ser jiddefinixxi b'mod aktar espliċitu l-għanijiet,
il-prinċipji u r-regoli tal-produzzjoni għall-biedja organika, filwaqt
li jipprovdi l-flessibilità meħtieġa, filwaqt li jitqiesu
l-kundizzjonijiet lokali u l-fażijiet ta' l-iżvilupp,
- ser jiżgura li l-għanijiet u l-prinċipji japplikaw bl-istess
mod għall-fażijiet kollha tal-produzzjoni organika ta' l-annimali,
tal-prodotti mill-akkwakultura, tal-pjanti u ta' l-għalf, kif ukoll
fil-produzzjoni ta' l-ikel organiku.
- ser jiċċara r-regoli tal-GMOs, partikolarment li l-prodotti GMO
ikomplu jiġu pprojbiti għal kollox fl-użu tal-produzzjoni
organika u li l-massimu ġenerali ta' 0.9% ta' preżenza
aċċidentali ta' GMOs awtorizzati, japplika wkoll għall-ikel
organiku,
- ser jelimina l-lakuna li teżisti attwalment, biex prodotti b'kontenut
mhux intenzjonat ta' GMOs ta' aktar minn 0.9%, ma jkunux jistgħu
jibqgħu jinbiegħu bħala prodotti organiċi,
- ser jagħmel obbligatorju l-logo ta' l-UE għall-prodotti
organiċi domestiċi, filwaqt li jippermetti li dan ikun akkumpanjat
mill-logos nazzjonali jew privati biex ikun promoss il-"kunċett komuni"
tal-produzzjoni organika,
- mhux ser jipprojbixxi standards privati aktar stretti,
- ser jiżgura li jkun biss l-ikel li għandu għallinqas 95% ta'
ingredjenti organiċi, li jiġi mmarkat bħala organiku,
- ser jippermetti li prodotti li mhumiex organiċi jindikaw il-prodotti
organiċi fil-lista ta' l-ingredjenti biss,
- ma jinkludix lis-settur tar-ristoranti u tal-kantins, iżda jippermetti
lill-Istati Membri li jirregolaw dan is-settur jekk jixtiequ, sakemm issir
reviżjoni fuq il-livell Ewropew fl-2011,
- ser isaħħaħ l-approċċ ta' kontroll imsejjes fuq
il-valutazzjoni tar-riskji u jtejjeb is-sistema ta' kontrolli billi jallinjaha
mas-sistema ta' kontroll ta' l-ikel u l-għalf ta' l-UE li tapplika
għall-ikel u l-għalf kollu, iżda jżomm kontrolli
speċifiċi li jintużaw fil-produzzjoni organika,
- se jistabbilixxi sistema ġdida permanenti għall-importazzjoni, li
tippermetti lil pajjiżi terzi jesportaw lejn is-suq ta' l-UE taħt
l-istess kundizzjonijiet jew kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li
japplikaw għall-produtturi ta' l-UE,
- ser jirrikjedi l-indikazzjoni ta' fejn ġew imkabbra l-prodotti,
inklużi dawk importati, li fuqhom jidher il-logo ta' l-UE, ser joħloq
il-bażi biex jiżdiedu r-regoli dwar l-akkwakultura organika, l-inbid,
l-alka tal-baħar u l-ħmira,
- mhux ser jemenda l-lista ta' sustanzi permessi fil-produzzjoni organika, u
se jesiġi l-pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta'
sustanzi ġodda u sistema ċentralizzata biex jittieħdu
d-deċiżjonijiet dwar l-eċċezzjonijiet,
- ser ikun il-bażi għat-trasferiment tar-regoli dettalji
mir-Regolament preċedenti għar-Regolament il-ġdid, u se jkun fih,
fost affarijiet oħra, l-listi tas-sustanzi, ir-regoli għall-kontroll u
regoli dettaljati oħra.
Fl-2005, fl-Unjoni Ewropea ta' 25 Stat
Membru, madwar 6 miljun ettaru ta' art ġew ikkoltivati organikament inkella
kienu qed jiġu konvertiti għall-produzzjoni organika. Dan jimmarka
żieda ta' aktar 2% meta mqabbel ma' l-2004. Matul l-istess perjodu,
l-għadd ta' operaturi organiċi żdied b'aktar minn 6%.