Navigation path

Left navigation

Additional tools

Konsumaturi: L-UE żżid il-miżuri biex tħares lil dawk li jieħdu vaganza permezz tat-Timeshare u klabbijiet li joffru skont fuq il-btajjel

European Commission - IP/07/775   07/06/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/07/775

7 ta' Ġunju 2007

Konsumaturi: L-UE żżid il-miżuri biex tħares lil dawk li jieħdu vaganza permezz tat-Timeshare u klabbijiet li joffru skont fuq il-btajjel

Il-konsumaturi madwar l-Ewropa se jibbenefikaw minn aktar protezzjoni għall-vaganzi tagħhom – meta jixtru jew ibigħu vaganzi bit-timeshare, vaganzi bit-timeshare għall-vapuri tal-cruises, braken tal-kanali jew karavannijiet u klabbijiet popolari li joffru skont fuq il-btajjel - permezz ta' regoli ġodda proposti llum mill-Kummissjoni Ewropea. L-għan huwa li tiżdied aktar il-fiduċja tal-konsumaturi fl-industrija tat-Timeshare (li tiswa aktar minn €10.5 biljun u hija responsabbli għal aktar minn 40,000 impjieg madwar l-UE) u biex jiġu eliminati negozjanti qarrieqa li jistgħu jagħtu malafama lill-operaturi leġittimi u jikkawżaw problemi lill-konsumaturi. Id-Direttiva ta' l-UE ta' 1994 dwar it-Timeshare tagħti lill-konsumaturi drittijiet bażiċi għal informazzjoni ċara, projbizzjoni fuq id-depożiti u d-dritt li jirtiraw jew li jbiddlu fehemthom. Il-proposti l-ġodda ppubblikati llum għandhom l-għan li jsolvu lakuni fir-regoli attwali. B'mod l-aktar importanti huma jestendu l-iskop tad-Direttiva ta' l-UE ta' 1994 dwar it-Timeshare biex ikopru prodotti ġodda li ħarġu fis-suq – bħal klabbijiet ta' skont fuq il-btajjel, u vaganzi simili għat-timeshare fuq vapuri tal-cruises, braken tal-kanali jew karavannijiet – u protezzjoni estiża għal oqsma importanti bħall-bejgħ mill-ġdid tat-timeshare u klabbijiet ta' skambji. Ir-regoli l-ġodda għandhom jiżguraw li l-konsumaturi huma mħarsa sewwa madwar l-UE u se joħolqu livell ugwali fis-suq tat-timeshare u ċerti prodotti oħra relatati mal-vaganzi.

"Id-Direttiva eżistenti ħadmet tajjeb fi ħdan il-limiti tagħha," qalet il-Kummissarju għall-Kosumaturi s-Sinjura Meglena Kuneva. "Madankollu, dawn il-prodotti tal-vaganzi għad għandhom ambjent ta' bejgħ bi pressjoni kbira u bosta prodotti ġodda daħlu fis-suq li m'humiex koperti bil-liġijiet eżistenti. Il-konsumaturi qed jiġu miċħuda d-drittijiet tagħhom, u l-prattiċi ta' negozjanti qarrieqa qed jagħtu malafama lill-operaturi leġittimi. B'dawn ir-regoli l-ġodda rridu noħolqu bażi ugwali għan-negozji, billi nipprovdu regoli sempliċi u ċari għal dik il-parti ta' l-industrija li timxi mar-regoli u nagħtu lill-konsumaturi serħan ill-moħħ meta jiffirmaw kuntratt għal vaganza tal-ħolm tagħhom."

Xi jfisser timeshare?

Timeshare huwa d-dritt li tqatta' perjodu ta' żmien (jiġifieri ġimgħa jew aktar) fi proprjetà tal-vaganzi għal perjodu speċifiku tas-sena, għal tliet snin jew aktar. Il-vaganzi bit-timeshare huma ferm popolari f'bosta pajjiżi ta' l-UE. Per eżempju r-Renju Unit, l-Iżvezja, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja, għandhom uħud mill-ogħla numru ta' konsumaturi li jixtru l-vaganzi bit-timeshare. Spanja, il-Portugall, il-Ġermanja, l-Italja u Franza għandhom industriji sostanzjali domestiċi tat-timeshare. Pajjiżi bħar-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Polonja qed juru suq li qed jikber għall-konsumaturi li jixtru vaganzi bit-timeshare.

Id-Direttiva attwali ta' l-1994 tħares l-interessi tal-konsumaturi billi:

  • Tagħti lix-xerrejja d-dritt għall-informazzjoni f'fuljett qabel l-iffirmar tal-kuntratt.
  • Tfittex li tevita 'pressjoni ta' bejgħ' billi tippermetti perjodu ta' riflessjoni (dritt ta' irtirar) ta' mill-anqas 10 ijiem.
  • L-operaturi ma jistgħux jaċċettaw depożiti mingħand ix-xerrejja matul il-perjodu tar-riflessjoni.

Għaliex il-Kummissjoni rrevediet il-liġi attwali?

Mill-adozzjoni tad-Direttiva fl-1994, kien hemm żviluppi kbar f'dan is-suq. Ġew żviluppati prodotti u kuntratti ġodda li ma jaqgħux fi ħdan l-iskop tal-leġiżlazzjoni. Għalhekk, il-konsumaturi li jixtruhom m'għandhomx l-istess drittijiet jew livelli ta' protezzjoni. Per eżempju, il-prodotti l-ġodda jistgħu jippermettu lill-konsumatur li juża tipi differenti ta' proprjetà (eż. vapuri tal-cruises, karavannijiet jew braken tal-kanali), jew il-kuntratti jistgħu jdumu għal inqas minn tliet snin. Problema oħra hija li l-bejgħ mill-ġdid u l-iskambju ta' l-iskemi tat-timeshare m'humiex koperti bir-regoli eżistenti.

X'se tkompri l-proposta l-ġdida?

Il-proposta l-ġdida se tieħu post id-Direttiva l-antika b'qafas modern, simplifikat u koerenti li jkopri l-prodotti tat-timeshare u vaganzi għal perjodu twil ta' żmien, kif ukoll l-iskambju u l-bejgħ mill-ġdid. Il-proposta se testendi l-iskop tar-regoli attwali biex tkopri:

  • Kuntratti fuq medda qasira ta' żmien - kuntratti ta' anqas minn tliet snin issa jkunu koperti.
  • Proprjetà mobbli - ir-regoli se jkopru kuntratti għal timeshare fuq proprjetà bħal braken tal-kanali, karavannijiet jew vapuri tal-cruises.
  • Prodotti ta' vaganzi għal perjodu twil – dawn jinkludu klabbijiet ta' skont għall-btajjel, fejn il-konsumaturi jħallsu ngħidu aħna 3,000 euro biex ikollhom password għal sit ta' l-internet u fejn jiġu mwiegħda "roħs kbir" li spiss ikun iqarraq, fuq lukandi, titjiriet u karozzi tal-kiri.
  • Bejgħ mill-ġdid tal-prodotti tat-timeshare – bosta proprjetarji tat-timeshares jiġu avviċinati minn aġenti kummerċjali li jitolbu ħlas biex ibigħulhom it-timeshares tagħhom.
  • Skambju tal-prodotti tat-timeshare – xi utenti tat-timeshare iħallsu addizzjonalment biex jingħaqdu fi klabb ta' skambju, fejn jistgħu jibdlu per eżempju ġimgħa fil-Kanarji għal ġimgħa fl-Alpi. Kundizzjonijiet ta' informazzjoni addizzjonali għandhom jiżguraw li l-klijenti jiksbu stampa realistika ta' l-offertà biex ma jispiċċawx jiddiżappuntaw ruħhom.

In-nuqqas ta' regolamentazzjoni ta' prodotti ta' vaganzi għal perjodu twil ta' żmien, bejgħ mill-ġdid u skemi ta' skambju jfisser li m'humiex koperti tajjeb b'regoli ta' perjodi ta' riflessjoni, depożiti u informazzjoni għall-konsumatur. Konsegwentement, konsumaturi li jiffirmaw għax jiġu pressati ftit ikollhom raġuni biex jibdlu d-deċiżjoni tagħhom. Il-proposta l-ġdida se żżid id-drittijiet tal-konsumaturi fis-suq tat-timeshare u prodotti ta' vaganzi għal perjodu twil ta' żmien, u joħolqu livell bażiku ugwali fil-qasam għall-bejjiegħa ta' dawn il-prodotti.

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/consumers/cons_int/safe_shop/timeshare/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website