Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-ġimgħa ewropea taż-żgħażagħ 2007: l-inklużjoni soċjali u d-diversità se jkunu prijorità fuq l-aġenda, hekk kif 200 żagħżugħ jinġabru fi Brussell

European Commission - IP/07/744   01/06/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/07/744

Brussell, l-1 ta' Ġunju 2007

Il-ġimgħa ewropea taż-żgħażagħ 2007: l-inklużjoni soċjali u d-diversità se jkunu prijorità fuq l-aġenda, hekk kif 200 żagħżugħ jinġabru fi Brussell

L-inklużjoni soċjali u d-diversità se jingħataw prijorità fuq l-aġenda matul it-tielet edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, li se sseħħ bejn it-3 u l-10 ta' Ġunju 2007. Id-dibattiti politiċi, kulturali u attivitajiet oħra se jseħħu fil-partijiet kollha ta' l-Ewropa, kollha marbuta mat-tnidija madwar l-Ewropa kollha tal-programm il-ġdid Iż-Żgħażagħ Jaġixxu .

Fi Brussell, madwar 200 żagħżugħ se jinġabru għall-attività: Iż-Żgħażagħ Jaġixxu, segwitu dirett tas-Samit taż-Żgħażagħ li seħħ dan l-aħħar f'Ruma u l-attività taż-żgħażagħ organizzata mill-Presidenza Ġermaniżi f'Köln. Bħala parti integrali mid-djalogu strutturat maż-żgħażagħ, id-dibattitu ta' Brussell se jwassal għal diskussjoni politika (fis-6 ta' Ġunju) mal-Kummissarji Ján Figel' u Vladimír Špidla, flimkien ma' rappreżentanti b'karigi għolja ta' istituzzjonijiet oħra ta' l-UE.

Lejliet it-tnidija tal-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ 2007, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat stħarriġ, Eurobarometer Flash, li juri li 38% taż-żgħażagħ Ewropej jikkunsidraw in-nuqqas ta' opportunitajiet ta' xogħol f'pajjiżhom bħala l-akbar diffikultà biex isibu xogħol. Jekk ikkonfrontati bl-idea tal-qagħad, mhumiex lesti li jagħmlu konċessjonijiet: filwaqt li 33% minnhom lesti jaċċettaw kwalunkwe xogħol jekk ikollu ċerti kundizzjonijiet bħal stabilità u salarju tajjeb, huwa biss wieħed minn għaxra li lest jaċċetta xogħol mingħajr dawn il-kundizzjonijiet[1].

Fil-kummenti tiegħu dwar il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, il-Kultura u ż-Żgħażagħ, Ján Figel’, qal: "Il-Kummissjoni tirrispetta l-impenn meħud fis-Samit taż-Żgħażagħ f'Ruma li għandna nikkonsultaw maż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet li jinteressawhom partikolarment. Għalhekk fi Brussell se niddiskutu l-problemi li għandhom x'jaqsmu ma' l-inklużjoni soċjali u d-diversità. Din se tkun ukoll opportunità eċċellenti biex jiġi enfasizzat kif il-programm Iż-Żgħazagħ Jaġixxu jista' jikkomplementa l-azzjoni politika billi jagħti appoġġ għal proġetti mnedija miż-żgħażagħ ma' l-Ewropa kollha."

L-attivitajiet organizzati f'livell lokali, reġjonali u nazzjonali mill-Aġenziji Nazzjonali tal-programm Iż-Żgħażagħ Jaġixxu se jikkontribwixxu lejn l-għan ġenerali tal-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ 2007 billi jipprovdu liż-żgħażagħ bi pjattaforma u b'opportunità li jipparteċipaw u jsemmgħu leħinhom. Wara s-suċċess fl-2003 u fl-2005 tal-Ġimgħat taż-Żgħażagħ, dawn l-attivitajiet issa se jiġu organizzati mill-Kummissjoni b'intervalli regolari, kull 18-il xahar.

L-attività: Iż-Żgħażagħ Jaġixxu! fi Brussell se tiġi organizzata flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u qed tiġi organizzata f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Forum Ewropew għaż-Żgħażagħ. Il-parteċipanti żgħażagħ magħżula mill-Ewropa kollha se jiddiskutu kwistjonijiet rilevanti marbuta mal-kunċett ta' l-inklużjoni soċjali u d-diversità, bħall-impjiegi, l-opportunitajiet indaqs, l-azzjoni kontra d-diskriminazzjoni, il-volontarjat, iċ-ċittadinanza attiva u t-tagħlim mhux formali. Se ssir ukoll referenza partikolari għall-ġejjieni ta' l-Ewropa.

Bħala parti mill-attività: Iż-Żgħażagħ Jaġixxu, "iċ-Ċelebrazzjoni taż-Żgħażagħ Ewropej" (fil-5 ta' Ġunju) se tippreżenta ċertifikati ta' rikonoxximent għal proġetti li tressqu dwar l-inklużjoni soċjali u d-diversità, li ġew iffinanzjati mill-programm YOUTH (2000-2006). Fil-preżenza tal-Kummissarju Ján Figel', iċ-ċelebrazzjoni se tiffoka fuq is-suċċess ta' dan il-programm, li ta l-appoġġ tiegħu lil aktar minn 100,000 proġett taż-żgħażagħ u li involva aktar minn nofs miljun ċittadin żagħżugħ. Se tenfasizza wkoll it-tnidija tal-programm il-ġdid Iż-Żgħażagħ Jaġixxu (2007-2013).

Għal aktar tagħrif:
Il-Programm: Iż-Żgħażagħ Jaġixxu:

http://ec.europa.eu/youth/index_en.html
il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ 2007:

http://www.youthweek.eu
Ir-rapport sħiħ ta' l-Ewrobarometru:

http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_202_en.pdf
Is-sommarju ta' l-Ewrobarometru:

http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_202_sum_en.pdf


[1] L-istħarriġ kien jinvolvi 19,000 żagħżugħ Ewropew bejn il-15 u t-30 sena. Imwettaq bejn it-30 ta' Jannar u l-4 ta' Frar 2007, il-Eurobarometer Flash huwa l-ewwel stħarriġ taż-żgħażagħ ta' dan it-tip fis-27 Stat Membru ta' l-UE.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website