Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

GALILEO f'salib it-toroq: l-implimentazzjoni tal-programmi Ewropej tan-navigazzjoni permezz tas-satelliti

Commission Européenne - IP/07/675   16/05/2007

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/07/675

Brussell, is-16 ta’ Mejju 2007

GALILEO f'salib it-toroq: l-implimentazzjoni tal-programmi Ewropej tan-navigazzjoni permezz tas-satelliti

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat Komunikazzjoni dwar il-progress li sar fil-programm GALILEO. Dan id-dokument huwa b'risposta għat-talba tal-Kunsill tal-ministri tat-trasport u l-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni jirriżultalha li l-pjan ta' l-implimentazzjoni ta' Galileo jeħtieġlu jinbidel biex titħares l-iskadenza ta' l-2012 għall-operazzjoni sħiħa ta' Galileo. Sabiex Galileo jkun jista' jiġi implimentat fl-2012, jeħtieġ li titfassal mill-ġdid is-sħubija bejn is-settur privat u dak pubbliku.

"L-Ewropa għandha bżonn sistema Ewropea ta' navigazzjoni permezz tas-satelliti, bħala infrastruttura essenzjali biex tiżgura applikazzjonijiet kruċjali bħalma huma l-kontroll tal-fruntieri, il-loġistika tat-trasport, l-operazzjonijiet finanzjarji kif ukoll is-sorveljanza ta' l-infrastrutturi kritiċi ta' l-enerġija u l-komunikazzjoni. Il-Kummissjoni qed tagħmel ħilitha kollha biex tiggarantixxi s-suċċess tal-programm," stqarr Jacques Barrot, il-Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mit-trasport. "Galileo jirrappreżenta kontribut kbir għall-politiki Komunitarji, u jġorr fuq spallejh l-ambizzjonijiet Ewropej f'dik li hija l-politika dwar l-ispazju, it-teknoloġija u l-innovazzjoni," żied jgħid.

In-navigazzjoni permezz tas-satelliti hija teknoloġija li lill-utenti fi kwalunkwe waqt tħallihom jagħrfu l-lok preċiż li jkunu fih, mad-dinja kollha kemm hi.

Is-sistema Ewropa tan-navigazzjoni GALILEO tħaddan fiha kostellazzjoni ta' 30 satellita, f'orbiti ta' 24 000 km u b'5 servizzi differenti.

Il-ħidma favur it-twaqqif tal-programmi Ewropej tan-navigazzjoni permezz tas-satelliti GALILEO u EGNOS[1] waslet f'salib it-toroq, u llum jeħtieġ li ssir għażla politika dwar kif se jiġu implimentati.

In-nuqqas ta' progress fin-negozjati dwar kuntratt ta' konċessjoni, li kien jipprevedi t-twaqqif u l-ġestjoni ta' l-infrastruttura min-naħa tas-settur privat, jipperikola serjament it-twettiq tal-proġett. Kien għalhekk li l-Kunsill tal-Ministri tat-Trasport tat-22 ta' Marzu 2007 lill-Kumissjoni talabha tippreżentalu, għal-laqgħa li jmiss tiegħu tax-xahar ta' Ġunju, rapport dettaljat dwar il-progress fin-negozjati mal-konsorzju kandidat, kif ukoll xenarji alternattivi għal implimentazzjoni malajr ta' l-infrastruttura spazjali. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pjan ta' l-implimentazzjoni attwali, li jipprevedi involviment bikri tas-settur privat, ma jħallix li l-proġett jintemm b'suċċess fiż-żmien maħsub, u dan jista' jġib miegħu spejjeż żejda konsiderevoli għas-settur pubbliku. Il-Kummissjoni tipproponi li l-pjan jinbidel b'tali mod li l-iskadenzi u l-ispejjeż ikunu jistgħu jiġu kkontrollati aħjar, u biex l-industriji ta' l-applikazzjonijiet u tas-servizzi tan-navigazzjoni jkollhom moħħhom aktar mistrieħ dwar id-disponibbiltà fil-fatt tas-sinjali ta' Galileo. Il-Kummissjoni turi li l-implimentazzjoni ta' l-infrastruttura inizjali kollha, immexxija u ffinanzjata mis-settur pubbliku, tirriżulta l-aktar vantaġġuża, l-aktar realistika u, fl-aħħar mill-aħħar, l-aktar ekonomika. Bil-maqlub ta' l-implimentazzjoni ta' l-infrastruttura, l-operat tas-sistema sejjer jingħata f'idejn konċessjonarju privat. .

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea biex jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa, f'dak li jirrigwarda l-politika, il-finanzi u l-ġestjoni tal-programm, sabiex jiżguraw is-suċċess tal-proġett fl-iqsar żmien possibbli, u jirrispondu bla dewmien għall-bżonnijiet tas-swieq tan-navigazzjoni permezz tas-satelliti.

L-applikazzjonijiet li joħorġu min-navigazzjoni permezz tas-satelliti fil-ħajja ta’ kuljum huma bosta, mill-iggwidar tal-vetturi sas-sikurezza tat-trasport, kif ukoll b’applikazzjonijiet f’diversi attivitajiet kummerċjali (is-settur bankarju, dak ġeoloġiku, ix-xogħlijiet pubbliċi, l-enerġija, eċċ.). In-navigazzjoni permezz tas-satelliti qed tippenetra s-setturi kollha tas-soċjetà, u dan lill-programm GALILEO jagħtih dik li tista’ tiġi deskritta bħala dimensjoni “ċivili”.

Għal aktar tagħrif dwar GALILEO, ara s-siti:

http://ec.europa.eu/dgs/energy_transport/galileo/index_en.htm .

http://www.esa.int/export/esaSA/navigation.html


[1] EGNOS jew "European Geostationary Navigation Overlay Service" (sistema Ewropea ta' navigazzjoni permezz tal-kopriment ġeostazzjonarju) minn issa stess tippermetti li jiġu offruti servizzi li jixbhu 'l dawk li se toffri fil-ġejjieni s-sistema GALILEO, partikolarment permezz tat-trażmissjoni ta' messaġġ ta' integrità. Madankollu, tiddependi mis-sistema GPS.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site