Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE

IP/07/673

Brussell, is-16 ta' Mejju 2007

Il-Kummissjoni tipproponi li Malta tadotta l-ewro fl-2008

Il-Kummissjoni Ewropea llum ikkonkludiet li Malta laħqet grad għoli ta' konverġenza sostenibbli ma' l-Istati Membri taż-żona ta' l-ewro, u li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tadotta l-ewro. Abbażi ta' dan ir-Rapport ta' Konverġenza favorevoli, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill li Malta tadotta l-ewro fl-1 ta' Jannar 2008. Id-deċiżjoni aħħarija sejrin jeħduha f'Lulju l-Ministri tal-Finanzi ta' l-UE, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, u wara diskussjoni mill-mexxejja ta' l-UE waqt is-samit ta' Ġunju.

"Malta laħqet grad għoli ta' konverġenza ekonomika maż-żona ta' l-ewro, u lesta biex tadotta l-ewro f'Jannar 2008. Madankollu, biex jiġi żgurat li l-adozzjoni ta' l-ewro tassew tkun suċċess, Malta għandha tissokta fl-isforzi tagħha favur it-tisħiħ fiskali u ż-żamma tal-kompetittività esterna, inkluż permezz ta' politiki li jġibu 'l quddiem it-tkabbir tal-produttività. Malta jeħtiġilha wkoll tħaffef aktar u ttemm it-tħejjijiet prattiċi kruċjali biex tiżgura li t-tibdil iseħħ bla intoppi, kif sar fis-Slovenja fil-bidu ta' din is-sena."

Fis-27 ta' Frar, il-gvern Malti talab lill-Kummissjoni biex tqis jekk il-pajjiż kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jadotta l-ewro. Biex pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea jsir parti miż-żona ta' l-ewro, jeħtieġlu jkun laħaq grad għoli ta' konverġenza ekonomika sostenibbli, imkejla mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 121(1) tat-Trattat ta' l-UE rigward il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern, l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-istabbiltà tar-rati tal-kambju, u l-konverġenza tar-rati ta' l-imgħax fit-tul. Jeħtieġ ukoll eżami tal-kompatibbiltà tal-qafas ġuridiku mat-Trattat.

Wara li eżaminat it-talba bl-attenzjoni kollha, il-Kummissjoni llum adottat Rapport tal-Konverġenza li jikkonkludi li Malta tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, u qed tipproponi lill-Kunsill li l-pajjiż jadotta l-ewro f'Jannar li ġej. Il-Bank Ċentrali Ewropew ukoll adotta Rapport tal-Konverġenza li jasal għall-istess konklużjoni.

L-inflazzjoni

L-inflazzjoni medja f'Malta fuq it-12-il xahar sa Marzu 2007 kienet 2.2%, taħt il-valur ta' referenza ta' 3.0%, u x'aktarx għandha tibqa' taħt il-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin. Inflazzjoni bażi moderata tindika li l-pressjonijiet sottostanti ta' l-inflazzjoni baqgħu limitati. Il-progress lejn l-istabbiltà tal-prezzijiet intrifed mid-dixxiplina fil-pagi u minn aktar kompetizzjoni f'xi swieq tal-prodotti, bi rbit ukoll ma' l-integrazzjoni fis-suq waħdieni ta' l-UE u l-effetti tal-globalizzazjzoni. It-titijib fl-istabbiltà tal-prezzijiet iserraħ fuq pedamenti sodi, u dan jagħti x'wieħed jifhem li livelli moderati ta' l-inflazzjoni se jkomplu wara l-adozzjoni ta' l-ewro.

Madankollu, Malta jeħtiġilha tibqa' għassa u trażżan ir-riskji ta' l-inflazzjoni hekk kif jitjiebu l-kunidzzjonijiet ċikliċi. Tkun ta' siwi pożizzjoni fiskali prudenti bil-għan li ma jitħallewx jinġemgħu pressjonijiet eċċessivi tad-domanda, u tajjeb ukoll li l-iżviluppi fil-pagi jimxu id f'id mal-kisbiet fil-produttività. Huma f'lokhom ukoll riformi strutturali biex jittejjeb il-funzjonament tas-swieq tal-prodotti (partikolarment l-utiliatjiet).

Il-qagħda finanzjarja

Separatament, illum, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li Malta kkoreġiet id-defiċit finanzjarju tagħha, u rrakkomandat li l-Kunsill ECOFIN iħassar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv li nbdiet ma' l-adeżjoni fl-UE fl-2004 (ara IP/07/XX). Il-proporzjon tad-dejn mal-PGD naqas minn 10% fl-2003 sa 2.6% fl-2006 u, skond it-tbassir tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni, fl-2007 jkun 2.1% id-dejn ta-l-gvern kiber b'mod sinifikanti fl-ewwel nofs tad-deċenju, imma mill-2004 'l hawn qabad it-triq tan-niżla sa ma laħaq 66.5% tal-PGD fl-2006. Fid-dawl ta' dan kollu, il-Kummissjoni jidhrilha li Malta kkoreġiet id-defiċit b'mod kredibbli u sostenibbli, u li d-dejn tal-gvern qiegħed jonqos b'rata sodisfaċenti lejn ilvalur ta' referenza tat-Trattat ta' 60% tal-PGD. Għaldaqstant, Malta tissodisfa l-kriterju finanzjarju. Madankollu, Malta għandha tissokta fl-isforzi tagħha li tbaxxi l-proporzjon tad-dejn mal-PGD, u timxi aktar 'il quddiem fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riforma tal-kura tas-saħħa biex ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi tagħha.

Ir-rata tal-kambju

Il-lira Maltija ilha tieħu sehem fl-ERM II sa mit-2 ta' Mejju 2005, jiġifieri għal 24 xahar, fil-waqt ta' l-adozzjoni ta' dan ir-rapport. Waqt il-parteċipazzjoni tagħha fl-ERM II, il-lira baqgħet stabbli vis-à-vis r-rata ċentrali u ma għaddietx minn tensjonijet qawwija.

Ir-rati ta' l-imgħax fit-tul

Ir-rata medja ta' mgħax f'perjodi fit-tul ta' Malta fis-sena sa Marzu 2007 kienet ta' 4.3%, taħt il-valur ta' referenza ta' 6.4%. Ir-rati medji ta' l-imgħax fit-tul f'Malta ilhom taħt il-valur ta' referenza sa mill-adeżjoni ma' l-UE. Firxiet ta' rendimenti fif-tul vis-à-vis ż-żona ta' l-ewro varjaw f'livell relattivament moderati u komplew jonqsu mill-2005 'l hawn, u jagħtu xhieda ta' riskju residwu tal-pajjiż limitat kif ivvalutat mis-swieq

Il-konverġenza ġuridika

L-inkonsistenzi kollha li kien għad fadal ġew ittrattati b'Liġi li temenda l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta, li l-Parlament adottaha fit-28 ta' Frar 2007. Il-leġiżlazzjoni f'Malta, partikolarment l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta, hija kompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat tal-KE u l-Istatut tas-SEBĊ.

Ir-rapport tal-koverġenza disponibbli f'dan is-sit:

http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/convergencereports_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website