Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/499

Brussell, is-16 ta' April 2007

Storja ta' esperjenza personali ta' diskriminazzjoni tirbaħ il-Premju Ewropew tal-Ġurnaliżmu

Brussell 16.04.2007 - Artiklu ta' ġrajja kommoventi dwar l-isfruttament tal-ħaddiema barranin fir-reġjun tal-Pulja fl-Italja, u li għadda minnha l-awtur innifsu, rebaħ l-ewwel premju tal-Konkors Ewropew tal-Ġurnaliżmu 2006 "Għad-Diversità, Kontra d-Diskriminazzjoni." It-tieni u t-tielet post marru għand l-Ungerija u l-Belġju rispettivament filwaqt li l-parteċipazzjoni Finlandiża reħbet il-premju speċjali għall-Ġurnalisti Żgħażagħ. Vladimír Špidla, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs, se jagħti ġieħ lir-rebbieħa waqt ċerimonja ta' premjazzjoni li se ssir illum fi Brussell. Din hija t-tielet darba li qed isir dan il-Konkors.

Il-Konkors huwa inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex jingħata ġieħ lill-ġurnalisti li xogħolhom jikkontribwixxi għal għarfien aħjar tad-diversità u d-diskriminazzjoni. "Il-midja għandha r-rwol ewlieni f'li jitqajjem għarfien dwar dawn il-kwistjonijiet importanti. Mhux se nittolleraw ebda forma ta' diskriminazzjoni," qal il-Kummissarju Špidla. "Il-kuraġġ u d-dedikazzjoni ta' dawn il-ġurnalisti jistħoqqhom ġieħ. Huma juruna l-bżonn urġenti li jissokta l-isforz għad-diversità fis-soċjetà."

L-artiklu rebbieħ, "Kont irsir fil-Pulja", ta' Fabrizio Gatti, ippubblikat fir-rivista L'Espresso, jirrakkonta dwar ħaddiema immigranti fl-agrikoltura li jridu joqogħdu għal kundizzjonijiet ta' xogħol imqabbla milll-awtur mal-jasar. Gatti għamilha ta' ħaddiem immigrant u permezz ta' riċerka bir-reqqa u rakkont ħaj wera "l-qagħda diffiċli taċ-ċittadini tat-tieni klassi fl-Ewropa li jgħaddu minn diskriminazzjoni ħarxa msejsa fuq l-oriġini etnika tagħhom," skond kif qalet il-ġurija. It-tieni premju rebħu l-artiklu fuq l-internet bit-titlu "It-tifla żingara tagħna stess" ta' Miklós Hargitai mill-Ungerija, ippubblikat fuq Népszabadság Online. Dan l-artiklu jesplora kwistjonijiet kumplessi marbuta ma' l-adozzjoni ta' gruppi ta' minoranza, f'dan il-każ il-poplu Roma. Petra Sjouwerman mill-Belġju, il-korrispondent fl-Iskandinavja għal De Morgen, rebħet it-tielet premju bl-artiklu "Kumpanija tingaġġa nies awtistiċi biss", u li fih tesplora kif "ix-xorti differenti" tista' tkun ta' vantaġġ.

Sadanittant il-premju speċjali Ġurnalisti Żgħażagħ, ta ġieħ lill-artiklu intitolat "Ommijiet li jitgħallmu l-lingwa ta' wliedhom", ta' Henna Helne mill-Finlandja, ippubblikat fir-rivista Anna. Dan l-artiklu jagħti ħarsa pożittiva lejn id-dibattitu dwar l-integrazzjoni filwaqt li jħeġġeġ għarfien dwar "id-diskriminazzjoni multipla", f'dan il-każ minħabba l-età, is-sess u l-oriġini etnika.

Ir-rebbieħa fil-kategorija ewlenija ntgħażlu minn 568 parteċipazzjoni valida fl-Istati Membri kollha ta' l-UE, filwaqt li l-premju speċjali ntgħażel minn grupp ta' 125 artiklu li kkwalifikaw. L-artikli ġew iġġudikati minn ġurija ta' professjonisti fil-qasam tal-midja u esperti ta' kontra d-diskriminazzjoni li taw kas tal-valur ta' l-aħbar ta' l-artikli, il-profondita fir-riċerka u l-oriġinalità tagħhom.

L-edizzjoni ta' l-2007 tal-Premju Ewropew tal-Ġurnaliżmu tnediet fi Frar li għadda għal artikli ppubblikati bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' Settembru 2007 f'xi wieħed mis-27 Stat Membru ta' l-UE.

Għal aktar tagħrif dwar il-Premju u anki biex ikunu kkonsultati l-artikli rebbieħa minn kull Stat Membru għalll-2006 , jekk jogħġbok żur www.stop-discrimination.info.


Side Bar