Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tagħti sitt xhur lill-kumpaniji ta' l-ajru u lill-Istati Membri biex iħaddmu r-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri ta' l-ajru

European Commission - IP/07/471   04/04/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/07/471

Brussell, 4 April 2007

Il-Kummissjoni tagħti sitt xhur lill-kumpaniji ta' l-ajru u lill-Istati Membri biex iħaddmu r-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri ta' l-ajru

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rapport li jevalwa r-riżultati u l-applikazzjoni tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri ta' l-ajru[1]. Minkejja li sar xi progress f'dawn l-aħħar sentejn mindu ddaħħal, għandhom jittieħdu aktar passi importanti biex ikun garantit li l-kumpaniji ta' l-ajru japplikaw ir-regoli b'mod iktar koerenti u li dawn ikunu infurzati mill-Istati Membri. Dan hu l-punt ewlieni li feġġ mill-istudju[2] li l-Kummissjoni ordnat biex tikkomplimenta l-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-riżultati tar-regoli komuni li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini meta jivvjaġġaw bl-ajru.

"Minkejja li mhemmx dubju li llum il-passiġġieri ta' l-ajru jgawdu minn protezzjoni aħjar, jeħtiġilna niggarantixxu li l-kumpaniji ta' l-ajru u l-Istati Membri jikkonformaw totalment ma' l-obbligi tagħhom", saħaq il-Viċi President tal-Kummissjoni, Jacques Barrot responsabbli mit-trasport. "Il-Kummissjoni se tagħtihom sitt xhur biex iħaddmu r-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri ta' l-ajru u se nipprovdulhom is-sostenn kollu tagħha f'dak il-proċess".

Minkejja li l-passiġġieri li jitħallew l-art issa għandhom drittijiet speċifiċi, għadhom jinsabu f'qagħda aktar dgħajfa meta mqabbla mal-kumpaniji ta' l-ajru. Pereżempju, sikwit il-kumpaniji ta' l-ajru ma jinfurmawx il-passiġġieri bid-drittijiet tagħhom meta t-titjiriet tagħhom ikunu interrotti, minkejja li r-Regolament jobbligahom li jagħmlu hekk, billi l-passiġġieri għandhom bżonn din l-informazzjoni biex jieħdu drittijiethom.

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li tinħtieġ aktar ħidma f'għadd ta' oqsma: titjib fl-infurzar, kjarifika ta' l-interpretazzjoni ta' ċerti aspetti tar-Regolament, tiġi stabbilita ċ-ċarezza bejn dewmien u kanċellazzjoni billi jingħataw drittijiet differenti lill-passiġġieri skond iċ-ċirkostanzi, jiżdied ir-rwol ta' l-Organi Nazzjonali ta' l-Infurzar li jissorveljaw l-applikazzjoni tar-regoli komuni.

Matul dawn is-sitt xhur li ġejjin, il-Kummissjoni se tintensifika l-kooperazzjoni ma' dawn l-Organi Nazzjonali ta' l-Infurzar u l-kumpaniji ta' l-ajru biex tikseb riżultati aħjar. Jekk ir-riżultat finali ma jkunx sodisfaċenti, il-Kummissjoni se tibda proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri. F'każ li dawn il-proċeduri u kuntatti jonqsu milli jaslu għal riżultati sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra temenda r-Regolament attwali.

Ir-Regolament daħħal regoli ġodda dwar il-kumpens u l-assistenza għall-passiġġieri ta' l-ajru fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu abbord u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet u tnaqqis fil-grad mhux volontarju. Skond iċ-ċirkostanzi, ir-Regolament jeħtieġ li l-kumpaniji ta' l-ajru: jipprovdu lill-passiġġieri b'assistenza bħalma huma akkomodazzjoni, ikliet u ħwejjeġ oħra ta' xorb u ta' ikel u faċilitajiet ta' komunikazzjoni; joffru rotta differenti u rimborsi, iħallsu kumpens u jinfurmaw minn jeddhom lill-passiġġieri bi drittijiethom skond ir-Regolament.

Il-Kummissjoni ħejjiet ukoll materjal informattiv aġġornat biex tiggwida lill-passiġġieri aħjar fi drittijiethom. Poster ġdid se jkun disponibbli qabel is-sajf fl-ajruporti kollha.

http://ec.europa.eu/transport/air_portal/passenger_rights/information_en.htm

Għal aktar tagħrif: Memo/06/293


[1] Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91.

[2] http://ted.europa.eu/Exec?DataFlow=ShowPage&Template=TED/N_one_result_detail_curr.htm&docnumber=38536-2006&docId=38536-2006&StatLang=MT u http://ec.europa.eu/dgs/energy_transport/tenders/doc/2006/s36_038536_specifications_en.pdf


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website