Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-politika dwar l-ilma: L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom aktar favur kwalità tajba ta' l-ilma

European Commission - IP/07/388   22/03/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/07/388

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2007

Il-politika dwar l-ilma: L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom aktar favur kwalità tajba ta' l-ilma

Il-Kummissjoni Ewropea illum ippublikat rapport dwar il-ħidma ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea fl-implimentazzjoni tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma. L-għan tad-direttiva huwa li jintlaħaq livell tajjeb ta' kwalità ta' l-ilma tax-xmajjar, lagi, estwarji, ilmijiet kostali u l-ilma tal-pjan kollha fl-Unjoni Ewropea sa l-2015. Filwaqt li r-riżultati tar-rapport ivarjaw, joħroġ ċar li l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom aktar biex jintlaħaq l-għan tad-direttiva. Minkejja dan il-Kummissjoni hija fiduċjuża li huwa possibli li tintlaħaq din il-mira sa l-2015. Illum, il-Kummissjoni qed tniedi wkoll s-Sistema ta' l-Informazzjoni Ewropea dwar l-Ilma, portal ta' l-internet żviluppat ma' l-Aġenzija Ewropea dwar l-Ambjent li tiġbor firxa wiesgħa ta' dejta b'rabta ma' l-ilma minn madwar l-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Stavros Dimas qal: "L-immaniġjar sostenibbli ta' l-ilma huwa vitali għall-ħarsien tal-bijodiversità, il-benessri taċ-ċittadini u l-kompetittività ta' l-industriji Ewropej. Id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma u direttivi oħrajn dwar l-ilma huma parti minn politika ambizzjuża għall-ħarsien u l-immaniġjar ta' dan ir-riżors naturali vitali. L-importanza ta' l-immaniġjar ta' l-ilma qegħda dejjem tiżdied hekk kif neħtieġu nadattaw għall-konsegwenzi inevitabbli tal-bidla klimatika."

Il-Kummissarju għar-Riċerka Janez Potočnik żied jgħid: "Huwa ta' pjaċir għalija li x-xjenzati tagħna rreaġixxew għall-isfida li tiġi żviluppata l-ewwel sistema operattiva li tippermetti l-parteċipanti fl-Istati Membri sabiex jagħtu dejta ambjentali u ġeospażjali preċiża lill-Kummissjoni Ewropea u lill-imsieħba tagħha. Xjenza f'saħħitha hija indispensabbli biex issir il-politika li taqdi bl-aqwa mod l-interessi taċ-ċittadini Ewropej. "

Id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija Ewopea dwar l-Ambjent, Jacqueline McGlade qalet: "Iċ-ċittadini Ewropej għandhom id-dritt li jkunu mgħarrfa dwar l-istat ta' l-ilmijiet Ewropej u kemm hija effikaċi l-politika ta' l-UE dwar l-ilma. Is-Sistema Ewropea ġdida ta' l-Informazzjoni dwar l-Ilma tiġbor dejta li qabel ma kinietx disponibbli jew kienet imferrxa. It-tnedija tal-lum hija biss il-bidu. Sa l-2010, irridu li WISE tkun l-aktar sistema kumplessiva ta' l-informazzjoni dwar l-ilma fid-dinja."

Niżguraw ilma ta' kwalità tajba

L-għan tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma (WFD) ta' l-2000 jimmira li sa l-2015 tintlaħaq kwalità tajba ta' l-ilma għall-ilmijiet kollha madwar l-Unjoni Ewropea. Skond id-direttiva l-Istati Membri huma fl-obbligu li jadottaw Pjanijiet ta' Ġestjoni tal-Baċiri tax-Xmajjar sa tmiem l-2009. Id-dokument ippublikat illum jirrapporta dwar il-progress ta' l-Istati Membri sal-lum fl-adattament tal-leġiżlazzjoni tagħhom u fit-tnedija ta' l-istrutturi għall-immaniġjar tajjeb ta' l-ilma.

Ir-rapporti sottomessi mill-Istati Membri kollha kemm huma juru li sar progress sinifikanti.

Madankollu, juru wkoll għadd ta' nuqqasijiet. Wieħed minnhom huwa n-nuqqas ta' traspożizzjoni xierqa tad-direttiva fil-liġi nazzjonali u ieħor huwa n-nuqqas konsiderevoli minn għadd ta' Stati Membri li jinkorporaw strumenti ekonomiċi fis-sistemi ta' l-immaniġjar ta' l-ilma.

Kooperazzjoni dwar kwistjonijiet bejn il-fruntieri bħat-tniġġis ta' l-ilma bejn Stati Membri u pajjiżi bħar-Russja u t-Turkija teħtieġ ukoll li titjieb.

Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll żewġ rapporti oħra relatati. L-ewwel wieħed huwa l-aħħar rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament ta’ l-Ilma Urban Mormi. Din id-direttiva teħtieġ l-Istati Membri li jibnu faċilitajiet xierqa għat-trattament għal-lokalitajiet akbar minn ċertu daqs. Il-Kummissjoni sabet li 51% ta' l-impjanti kollha tat-trattament fl-Unjoni Ewropea – qabel it-tkabbir fl-2004 – jilħqu l-istandards skond dik id-direttiva. It-tieni rapport huwa dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati, li timmira li tnaqqas u tipprevjeni tniġġis bin-nitrati minn sorsi agrikoli fl-ilma tal-wiċċ u l-ilma tal-pjan. L-implimentazzjoni ta' dik id-direttiva għadha ma tlestietx f'għadd ta' Stati Membri u t-tendenzi ta' tniġġis ivarjaw konsiderevolment madwar l-Unjoni Ewropea.

Kwistjonijiet oħra dwar l-ilma

Għadd ta' direttivi oħrajn jiffurmaw parti mill-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-ilma. Dawn jinkludu d-direttivi dwar l-ilma ta' l-għawm, l-ilma tal-pjan, u l-ilma għax-xorb, u direttivi oħrajn futuri dwar l-ambjent tal-baħar u l-ġestjoni ta' l-għarar, li jinsabu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni fl-istadju ta' proposta.

Is-Sistema Ewropea ta' l-Informazzjoni dwar l-Ilma

Is-Sistema Ewropea ta' l-Informazzjoni dwar l-Ilma hija portal ta' l-internet li jipprovdi l-pubbliku ħafna informazzjoni dwar l-ilma u temi b'rabta ma' l-ilma bħal dejta dwar l-għawm u dejta oħra dwar il-kwalità ta' l-ilma u informazzjoni dwar siti tat-trattament ta' l-ilma urban mormi. Il-portal huwa sforz ta' kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea dwar l-Ambjent (EEA) u l-Kummissjoni Ewropea (l-Ambjent, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, u l-Eurostat).

Il-Konferenza Ewropea dwar l-Ilma

Fil-Jum Dinji ta' l-Ilma (it-22 ta' Marzu 2007) il-Kummissjoni tibda konferenza ta' jumejn li se tinfetaħ mill-Kummissarju għall-Ambjent Stavros Dimas u li se jattendu għaliha l-Ministri għall-Ambjent tal-Ġermanja u tal-Portugall, Sigmar Gabriel u Francisco Nunes Correia.

Il-konferenza se tkun miftuħa għall-pubbliku permezz ta' striming fuq l-internet.

Għal aktar tagħrif:

Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma

http://ec.europa.eu/environment/water/water-framework/index_en.html

Is-Sistema Ewropea ta' l-Informazzjoni dwar l-Ilma

http://water.europa.eu

Il-Konferenza Ewropea dwar l-Ilma (it-22 u t-23 ta' Marzu 2007)

http://ec.europa.eu/environment/water/water-framework/conference.html


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website