Navigation path

Left navigation

Additional tools

Inżidu d-Diversità tat-Televixin Ewropew u tas-Servizzi On-Demand: Il-Kummissjoni qed twitti t-triq għal Direttiva ġdida "Awdjoviżivi Mingħajr Fruntieri".

European Commission - IP/07/311   09/03/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/07/311

Brussell, id-9 ta’ Marzu 2007

Inżidu d-Diversità tat-Televixin Ewropew u tas-Servizzi On-Demand: Il-Kummissjoni qed twitti t-triq għal Direttiva ġdida "Awdjoviżivi Mingħajr Fruntieri".

Illum il-Kummissjoni nidiet test konsolidat tad-Direttiva mmodernizzata "Televixin Mingħajr Fruntieri". Wara l-ewwel qari fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill, issa ntlaħaq ftehim ġenerali mal-Kummissjoni fuq il-qafas legali tal-ġejjieni għas-settur awdjoviżiv Ewropew. Ir-regoli l-ġodda, li ntalbu b'mod speċjali mill-Parlament Ewropew, huma risposta għal żviluppi teknoloġiċi u joħolqu pjattaforma ġdida fl-Ewropa għal servizzi tal-midja awdjoviżiva li qegħdin jitfaċċaw (vidjo on-demand, televixin mobbli, servizzi awdjoviżivi permezz tat-televixin diġitali). It-televixin Ewropew u dawk li jipproduċu l-films ser jingħataw iżjed flessibiltà biex jipproduċu kontenut diġitali li mbagħad jistgħu joffruh b'xejn lill-konsumaturi bis-saħħa tar-reklamar. Id-Direttiva l-ġdida terġa ssostni l-pilastri tal-mudell awdjoviżiv Ewropew, li huma d-diversità kulturali, il-ħarsien tal-minuri u tal-konsumaturi, il-pluraliżmu fil-midja, u l-ġlieda kontra l-mibegħda razzjali u reliġjuża. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tiżgura l-indipendenza ta' regolaturi nazzjonali tal-midja. It-test konsolidat tad-Direttiva l-ġdida issa ser jgħaddi għat-tieni qari mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

"Bis-saħħa tal-ħidma ambizzjuża tal-Parlament Ewropew u l-isforzi intensi tal-Presidenza Ġermaniża matul dawn l-aħħar xhur, issa qegħdin noqorbu lejn qafas legali ġdid Ewropew għal settur tal-midja awdjoviżiva iżjed kompetittiv, iżjed varjat u iżjed pluralistiku," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u l-Mezzi tax-Xandir. "Jiena konfidenti li issa ser niksbu ftehim politiku fuq id-Direttiva l-ġdida "Awdjoviżivi Mingħajr Fruntieri" sa l-aħħar ta' Mejju. Imbagħad is-suq intern Ewropew għandu jkun verament miftuħ għal fornituri u konsumaturi tas-servizzi awdjoviżivi sa mhux iktar tard mill-aħħar ta' l-2008."

L-immodernizzar tad-Direttiva ta' l-1989 "Televixin Mingħajr Fruntieri" kienet proposta mill-Kummissjoni fit-13 ta' Diċembru 2005 (ara IP/05/1573 u MEMO/06/208) u minn dak iż-żmien 'l hawn għamlet progress rapidu fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri. L-intenzjoni tad-Direttiva l-ġdida hi li tgħin lill-industrija awdjoviżiva Ewropea biex issir iżjed kompetittiva, billi lis-servizzi tal-midja awdjoviżiva kollha tippermettilhom jipprofittaw mis-suq intern, irrispettivament mit-teknoloġija tat-trażmissjoni użata. Tintroduċi wkoll iżjed regoli flessibbli għax-xandir tradizzjonali tat-televixin biex jakkomodaw żviluppi fit-teknoloġija u s-suq, u t-tibdiliet fl-użanzi tat-telespettaturi.

Il-prinċipju tal-pajjiż ta’ l-oriġini huwa l-qofol tad-Direttiva l-ġdida, li kienet diġà l-ġebla tax-xewka tad-Direttiva oriġinali "Televixin Mingħajr Fruntieri" tal-1989. Dan il-prinċipju kien fundamentali fir-rwol tiegħu biex jagħti spinta lit-televixin transkonfinali permezz tas-satellita u l-ħolqien progressiv ta' stazzjonijiet televiżivi pan-Ewropej sa mill-aħħar tat-Tmeninijiet. Għall-ġejjieni għandha wkoll tiżgura li l-fornituri tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva, barra x-xandara, (bħal fornituri tal-vidjo on-demand, aħbarijiet on-demand, sports on-demand jew fornituri ta' kontenut awdjoviżiv li jista' jitniżżel fuq il-mowbajls) ikollhom jikkonformaw biss mal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn huma stabbiliti, u mhux ma' 27 sistema ġuridika nazzjonali differenti.

Id-Direttiva l-ġdida ssostni wkoll il-pluraliżmu fil-midja fis-27 Stat Membru ta' l-UE billi tiftaħ beraħ is-swieq nazzjonali tal-midja għal aktar kompetizzjoni minn pajjiżi oħra ta' l-UE u billi tiffaċilita offerta varjata ta' televixin u kontenut awdjoviżiv on-demand mill-Ewropa kollha.

Skond id-Direttiva l-ġdida, regoli dwar ir-riklamar bit-televixin għandhom ikunu anqas dettaljati milli kienu mill-1989 'l hawn. Skond l-isforz għal regolamentazzjoni aħjar mill-Kummissjoni Barroso, id-deċiżjoni fuq meta u kif ninterrompu bir-riklamar programmi tat-televixin bla ħlas titħalla f'idejn ix-xandara u l-produtturi tal-films u mhix tiġi ddeterminata minn qabel fi Brussell. L-ammont kollu ta' riklamar jibqa' limitat għal 12-il minuta fi kwalunkwe siegħa. Films, programmi tat-tfal, programmi ta' attwalità u aħbarijiet ma għandhomx ikunu interrotti b'riklami aktar minn darba kull 30 minuta. "Forom ġodda ta' riklamar bħar-reklamar moħbi (product placement) għandhom il-potenzjal li jipprovdu dħul sinifikanti għax-xandara tat-televixin u l-industrija awdjoviżiva globali," qalet il-Kummissarju Reding. "Napprezza li kemm il-Parlament Ewopew u l-Kunsill sostnew il-fehma tal-Kummissarju li hawnhekk, għandna bżonn insostnu l-kompetittività tal-film Ewropew, waqt li fl-istess ħin neskludu r-reklamar moħbi minn programmi tat-tfal, aħbarijiet, dokumentarji, u programmi ta' attwalità."

Id-Direttiva l-ġdida terġa' ssostni wkoll l-għanijiet tal-politika komuni li ilhom il-qofol tal-politika awdjoviżiva Ewropea sa mill-1989. Lill-Istati Membri titlobhom jieħdu miżuri xierqa biex iħarsu lill-minuri, jippromwovu xogħlijiet Ewropej u produzzjonijiet awdjoviżivi indipendenti, u jipprojibixxu kontenut li jqanqal il-mibegħda reliġjuża jew razzjali. Tinkoriġġixxi wkoll, b'mod espliċitu, l-awtoregolamentazzjoni industrijali u l-koregolamentazzjoni bejn l-istati u pajjiżi oħrajn (ara IP/07/138).

Waħda mill-kwistjonijiet miftuħin għad-diskussjoni fit-tieni qari hija l-proposta tal-Kummissjoni biex tiggarantixxi li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jkunu indipendenti minn gvernijiet nazzjonali u mill-fornituri ta' servizzi ta' midja awdoviżiva kollha, u biex tiżgura li jaħdmu b'mod imparzjali u trasparenti. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-indipendenza ta' l-awtoritajiet tal-midja hija essenzjali għad-demokrazija u kruċjali biex tiżgura l-pluraliżmu fil-midja (ara IP/07/52). Fl-ewwel qari l-Parlament Ewropew sostna din il-proposta bis-sħiħ.

L-isfond

Fit-13 ta' Diċembru, il-Kummissjoni pproponiet ir-reviżjoni tad-Direttiva "Televixin Mingħajr Fruntieri" biex tindirizza żviluppi sinifikanti fit-teknoloġija u s-suq tas-servizzi awdjoviżivi (ara IP/05/1573 u MEMO/06/208). Wara l-ewwel diskussjoni f'Mejju 2006 dwar il-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill fit-13 ta' Novembru 2006 qabel fuq approċċ ġenerali lejn abbozz ta' direttiva mmodernizzata dwar servizzi awdjoviżivi. Il-kompromess ippreparat mill-Presidenza u awtorizzat mill-Kunsill ġeneralment jimxi fuq il-proposta tal-Kummissjoni. Fit-13 ta' Diċembru 2006 il-Parlament Ewropew għalaq l-ewwel qari tad-Direttiva. Ħareġ qbil qawwi mal-proposta tal-Kummissjoni u l-approċċ ġenerali tal-Kunsill. Fit-12 ta' Frar 2007, f'Berlin, Kunsill informali pprepara l-bażi għall-adozzjoni ta' pożizzjoni komuni dwar id-Direttiva fl-24 ta' Mejju 2007.

Aktar tagħrif:

It-test konsolidat għad-Direttiiva "Awdjoviżiva Mingħajr Fruntieri" (fil-forma ta' dokument preliminari ta' ħidma) jista' jiġi kkonsultat (bl-Ingliż) fis-sit li ġej:

http://ec.europa.eu/comm/avpolicy/reg/tvwf/modernisation/proposal_2005/index_en.htm

Il-pakkett komplut għall-ġurnalisti dwar l-immodernizzar tad-Direttiva Televixin Mingħajr Fruntieri:

http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/itemlongdetail.cfm?item_id=2343


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website