Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/29

Brussell, 10 ta' Jannar 2007

Il-Kummissjoni tipproponi pakkett integrat dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-Seklu 21

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħarġet bi proposta ta' pakkett komprensiv ta' miżuri biex tiġi stabbilita Politika ġdida dwar l-Enerġja għall-Ewropa biex tilqa' kontra t-tibdil fil-klima u biex tingħata spinta għas-serħan il-moħħ dwar l-enerġija fl-UE, kif ukoll għall-kompetittività tagħha. Il-pakkett ta' proposti jippreżenta serje ta' miri ambizzjużi dwar l-emissjoni ta' gassijiet li jħallu l-effett tas-serer u dwar l-enerġija rinovabbli, u għandu l-għan li jinħoloq suq intern reali għall-enerġija kif ukoll biex tissaħħaħ ir-regolazzjoni effettiva. Il-Kummissjoni temmen li meta jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar il-qafas għal wara l-2012 dan għandu jwassal għal tnaqqis ta' 30% fl-emissjonijiet minn pajjiżi żviluppati sa l-2020. Biex tkompli tisħaq fuq l-impenn tagħha, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Unjoni Ewroppea tintrabat issa li tnaqqas l-emissjoni ta' gassijiet b'mill-anqas 20% sa l-2020, b'mod partikolari permezz ta' miżuri dwar l-enerġija.

Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso qal: "Illum l-Unjoni Ewropea qed tħaffef il-pass tagħha. Il-politika dwar l-enerġija kienet sa mill-bidu idea fil-qalba tal-proġett Ewropew. Irridu issa nerġgħu nqiegħduha fiċ-ċentru. Il-membri kollha ta' l-UE qed iħabbtu wiċċhom ma' l-isfidi li jġibu magħhom it-tibdil klimatiku, iż-żieda fuq id-dipendenza fuq l-importazzjoni kif ukoll iż-żieda fil-prezzijiet għall-enerġija. reazzjoni komuni Ewropea biex ikun hemm provvista ta' enerġija sostenibbli, li tkun ta' min joqgħod fuqha, kif ukoll kompetittiva. Il-proposti li qed tippreżenta l-Kummissjoni llum huma turija ta' l-impenn tagħna li nkunu minn ta' quddiem, kif ukoll tal-viżjoni għat-tul biex ikollna Politika ġdida dwar l-Enerġija għall-Ewropa b'reazzjoni għat-tibdil fil-klima. Jeħtieġ li naġixxu issa, biex inkunu nistgħu nagħtu forma lid-dinja ta' għada".

Il-Kummissarju għall-Politika dwar l-Enerġija, Andris Piebalgs qal, "Jekk nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba llum, l-Ewropa tkun tista' tmexxi d-dinja lejn rivoluzzjoni industrijali ġdida: l-iżvilupp ta' ekonomija li tuża anqas karbonju. L-ambizzjoni tagħna li jinħoloq suq intern effettiv, li jiġi promoss l-użu ta' taħlita enerġetika nadifa u effiċjenti kif ukoll li nagħmlu l-għażliet it-tajba fejn jidħlu r-riċerka u l-iżvilupp għandha tiddetermina jekk inkunux aħna li mmexxu f'din ir-realtà ġdida, jew inkella jekk ikollniex nimxu wara ħaddieħor."

Stavros Dimas, il-Kummissarju għall-Ambjent qal li "It-tibdil klimatiku huwa wieħed mill-akbar theddidiet għall-mod ta' għixien li għandna bħalissa. Ma nistgħux ngħaddu mingħajr ma nieħdu azzjoni kontra t-tibdil klimatiku. Illum, qbilna fuq sett ta' miri ambizzjużi iżda realistiċi li se jkunu ta' għajnuna fl-isforzi globali biex jitrażżan it-tibdil klimatiku u l-agħar konsekwenzi tiegħu. Inħeġġeġ lill-kumplament tad-dinja żviluppata biex issegwi l-eżempju tagħna, tnaqqas l-emissjonijiet daqsna, u tħaffef il-progress lejn ftehim internazzjonali dwar tnaqqis globali ta' l-emissjonijiet".

L-Ewropa għandha quddiemha sfidi reali. Hemm il-possibbiltà ta' aktar minn 50% li t-temperaturi globali jitilgħu b'aktar minn 5°C matul dan is-seklu . Skond projezzjonijiet u l-istrateġiji dwar l-enerġija u t-trasport li jeżistu bħalissa, mhux talli li l-emissjonijiet fl-UE mhux se jonqsu, talli se jiżdiedu b'madwar 5% sa l-2030. Jekk ikomplu x-xejriet u l-istrateġiji li hawn bħalissa, id-dependenza ta' l-UE fuq l-importazzjoni ta' l-enerġija se tiżdied minn 50% tal-konsum totali ta' l-enerġija fl-UE llum, għal 65% sa l-2030. Barra minn dan, is-suq intern ta' l-enerġija għadu mhux komplut, u dan itellef liċ-ċittadini ta' l-UE, kif ukoll lill-ekonomija ta' l-UE, milli tgawdi mill-benefiċċji sħaħ li ġġib magħha l-liberalizzazzjoni ta' l-enerġija.

Il-pakkett li l-Kummissjoni qed tipproponi llum għandu l-għan li jipprovdi soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi, fuq il-bażi ta' tliet pilasti:

1. Suq Intern reali ta' l-Enerġija

L-għan hu li l-utenti ta' l-enerġija fl-UE jingħataw għażla tassew, sew jekk ikunu ċittadini kif ukoll jekk negozji, u biex jiġu xprunati l-investimenti enormi meħtieġa fl-enerġija. Is-suq wieħed hu tajjeb mhux biss għall-kompetittività iżda wkoll għas-sostenibbiltà u s-serħan il-moħħ.

L-inkjesta ta' settur dwar il-kompetizzjoni (ara IP/07/26) kif ukoll il-komunikazzjoni dwar is-suq intern juru li hija meħtieġa aktar azzjoni biex dawn l-għanijiet jintlaħqu permezz ta' separazzjoni aktar ċara bejn il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-enerġija. Issejjaħ ukoll għal kontroll regolatorju indipendenti aktar b'saħħtu, meħud kont tas-suq Ewropew, kif ukoll ta' miżuri nazzjonali biex tinkiseb il-mira ta' l-Unjoni Ewropea ta' livelli minimi ta' intekonnessjoni ta' 10%, billi jkunu identifikati punti ta' konġestjoni u billi jinħatru koordinaturi.

2. Inħaffu l-konverżjoni lejn enerġija li tuża anqas karbonju

Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-UE żżomm il-pożizzjoni ta' tmexxija dinjija fil-qasam ta' l-enerġija rinovabbli billi qed tipproponi, b'mod li jorbot, li 20% tat-taħlita totali ta' l-enerġija tagħha tkun tinkiseb minn enerġija rinovabbli sa l-2020. Dan ikun jirrekjedi tkabbir kbir ħafna fit-tliet setturi kollha ta' enerġija rinovabbli: l-elettriku, il-biokarburi kif ukoll it-tisħin u t-tkessiħ. Din il-mira dwar l-enerġija rinovabbli tkun issupplimentata b'mira minima ta' 10% għall-użu tal-biokarburi. B'żieda ma' dan, pakkett leġiżlattiv dwar l-enerġija rinovabbli fl-2007 ikun jinkludi miżuri speċifiċi biex titħaffef il-penetrazzjoni fis-suq sew tal-biokarburi kif ukoll tat-tisħin u t-tkessiħ.

Ir-riċerka hija wkoll kruċjali biex jonqsu l-ispejjeż ta' l-enerġija nadifa u biex l-industrija ta' l-UE titqiegħed fuq quddiem ta' settur teknoloġiku li qed jikber malajr u li jiddependi fuq anqas karbonju. Biex jintlaqgħu dawn l-oġġettivi, il-Kummissjoni se tipproponi Pjan Ewropew dwar it-Teknoloġija ta' l-Enerġija. L-Unjoni Ewropea se żżid ukoll in-nefqa tagħha annwali fuq ir-riċerka dwar l-enerġija b'mill-anqas 50% għas-seba' snin li ġejjin.

Bħalissa, l-elettriku li ġej min-nukleari jifforma 14% tal-konsum ta' l-enerġija fl-UE, u 30% ta' l-elettriku ta' l-UE. Il-proposti tal-Kummissjoni jisħqu li huwa għal kull stat membri li jiddeċiedi hu jekk għandux jiddependi jew le fuq l-enerġija nukleari. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li fejn fl-UE il-livell ta' enerġija nukleari jonqos, dan għandu jkun kumpensat bl-introduzzjoni ta' sorsi oħra ta' enerġija li jużaw anqas karbonju għaliex inkella l-għan li jonqsu l-emissjonijiet li jħallu l-effett tas-serer jkun ta' sfida akbar.

3. Effiċjenza ta' l-enerġija

Il-Kummissjoni tisħaq fuq l-għan li jiġi ffrankat 20% tal-konsum ta' l-enerġija primarja totali sa l-2020. Jekk dan il-għan jirnexxi, ikun ifisser li sa l-2020 l-UE tkun tuża bejn wieħed u ieħor 13% anqas enerġija mil-lum, biex b'hekk tkun qed tiffranka 100 biljun euro, u madwar 780 tunellata ta' CO2 fis-sena.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li jiżdied l-użu ta' vetturi aktar effiċjenti fl-użu ta' l-enerija; Li jkun hemm standards aktar iebsa, u li jkun hemm ittikkettjar aħjar fuq it-tagħmir; Prestazzjoni enerġetika aħjar tal-bini li jeżisti bħalissa fl-UE, u effiċjenza aħjar tal-ġenerazzjoni tas-sħana u ta' l-elettriku, tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll ftehim internazzjonali ġdid dwar l-effiċjenza fl-enerġija.

Il-proposti bbażati fuq dawn it-tliet pilastri jkollhom bżonn li jiġu ssostanzjati permezz ta' strateġija esterna koerenti u kredibbli.

Strateġija dwar l-Enerġija internazzjonali, fejn l-UE titkellem b'vuċi waħda

L-Unjoni Ewropea ma tistax tikseb waħedha l-għanijiet tagħha dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima. Trid taħdem sew ma pajjiżi żviluppati kif ukoll ma' dawk li għadhom fit-triq ta' żvilupp, kif ukoll mal-konsumaturi ta' l-enerġija u dawk li jipproduċuha. L-Unjoni Ewropea se tiżviluppa mekkaniżmi effettivi ta' solidarjetà biex tilqa' għal kull kriżi ta' provvista ta' enerġija u se tiżviluppa b'mod attiv strateġija esterna komuni dwar l-enerġija biex aktar u aktar tkun tista' "titkellem b'vuċi waħda" ma' pajjiżi terzi. Se timpenja ruħha biex tiżviluppa partenarjati reali dwar l-enerġija ma' fornituri, li jkunu bbażati fuq it-trasparenza, il-prevedibbiltà kif ukoll ir-reċiproċità.

Fuq il-bażi tal-proċess ta' konsultazzjoni li segwa l-Green Paper li ħarġet fl-2006, il-Kummissjoni diġà għamlet progress lejn strateġija dwar l-enerġija esterna aktar koerenti, kif jidher bil-ħolqien ta' netwerk ta' korrispondenti dwar is-serħan il-moħħ fl-enerġija. Il-Kummissjoni qed tipproponi serje sħiħa ta' miżuri konkreti biex jissaħħu l-ftehimiet internazzjonali, fosthom it-Trattat dwar Karta ta' l-Enerġija, ir-reġim dwar il-klima ta' wara Kyoto, u l-estenzjoni għal imsieħba globali tat-tpartit ta' l-emissjonijiet u li jibqgħu jiġu estiżi ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi biex l-enerġija ssir parti integrali tar-relazzjonijiet esterni kollha ta' l-UE u b'mod speċjali tal-Politika Ewropea ta' Viċinat. Bħala iniżjattivi ġodda ewlenin il-Kummissjoni qed tipproponi li tiżviluppa partenarjat komprensiv bejn l-Afrika u l-Ewropa, kif ukoll ftehim internazzjonali dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija.

Hija meħtieġa b'urġenza azzjoni konkreta. Meħuda flimkien, l-inkjesta skond is-settur, l-evalwazzjoni strateġika u l-pjan ta' azzjoni huma l-qalba ta' Politika ġdida dwar l-Enerġija għall-Ewropa. Dan il-proċess huwa tentattiv biex issir il-mixja mill-prinċipji lejn proposti leġiżlattivi konkreti. Il-Kummissjoni se tara li l-proposti dwar l-enerġija u t-tibdil tal-klima jkunu approvati matul il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa u tippreżenta leġiżlazzjoni fid-dawl ta' dawn id-diskussjonijiet.

) (32-2) 29 82010

Id-dokumenti kollha jinsabu fl-indirizzi li ġejjin:
http://europa.eu/press_room/presspacks/energy/index_en.htm
http://europa.eu/press_room/presspacks/energy/index_de.htm
http://europa.eu/press_room/presspacks/energy/index_fr.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website