Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/258

Brussell, it-27 ta’ Frar 2007

“L-Ewropa Tiegħek – Il-Ġejjieni Tiegħek”: l-ewwel Summit taż-Żgħażagħ ta’ l-UE li għandu jsir f’Ruma fi żmien xahar

Fl-24-25 ta’ Marzu 2007 iktar minn 200 żagħżugħ minn 27 Stat Membru ser jinġabru fil-kapital ta’ l-Italja għall-ewwel summit taż-Żgħażagħ ta’ l-UE biex jiċċelebraw l-anniversarju ta’ l-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma fl-1957. Is-Summit taż-Żagħżaġħ ser jippermetti lil dawn iż-żgħażagħ mill-kontinent kollu li jagħtu l-opinjonijiet tagħhom u jesprimu l-aspirazzjonijet tagħhom għall-ġejjieni. Il-konklużjonijiet tagħhom għandhom jitwasslu lill-mexxejja Ewropej li ser jinġabru ġewwa Berlin f’dak l-istess week-end.

L-istituzzjonijiet ta’ l-UE[1] qed jingħaqdu mal-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej sabiex jorganizzaw l-ewwel Summit taż-Żgħażagħ ta’ l-UE ġewwa Ruma fl-24-25 ta’ Marzu 2007. Is-summit għandu jseħħ fil-Campidoglio, l-istess bini fejn ġie ffirmat it-Trattat ta’ Ruma mis-sitt Stati Membri fondaturi (L-Italja, l-Ġermanja, Franza, Lussemburgu, Belġju u l-Olanda) 50 sena ilu. L-objettiv tas-summit taż-żgħażagħ huwa li jiġu rikonoxxuti l-kisbiet ta’ l-Ewropa iżda kulħadd għandu jħares ‘il quddiem lejn l-Ewropa ta’ għada.

Il-Viċi President Margot Wallström, li hija risponsabbli għar-Relazzjonijiet Istituzzjonali u l-Istrateġija tal-Komunikazzjoni, żiedet tgħid: “Dan il-50 anniversarju huwa żmien ta’ ċelebrazzjoni ta’ l-objettivi li nkisbu fil-passat u biex nirriflettu fuq l-isfidi u l-opportunitajiet fil-ġejjieni. L-Unjoni ġabret flimkien lill-Ewropa għal darb’oħra, saħħitha u ċ-ċittadini ngħataw libertà, stabbiltà u prosperità. Madanakollu, filwaqt li l-UE tikber fiż-żmien u s-soċjetajiet tagħna qed jevolvu, l-integrazzjoni Ewropea tevolvi wkoll. Dan is-summit għandu joffri okkażjoni mingħajr preċedenti għad-diskussjoni ta’ din l-Unjoni Ewropea ’li qed tinbidel’.

Il-Kummissarju Ewropew li huwa responsabbli għall-Edukazzjoni u Żgħażagħ, Ján Figel’, qal: “Iż-żgħażagħ tal-lum ser jifformaw iċ-ċittadini ta’ l-UE ta’ għada, u iktar dawn ma jiġu involuti f’dibattiti u f’fora iktar malajr dwar il-ġejjieni Ewropew tagħhom, iktar ser ikunu jistgħu jaffrontaw aħjar l-isfidi li ġejjin”.

Iktar minn 200 parteċipant żgħażagħ minn kull aspett tal-ħajja, u minn 27 Stat Membru ser jattendu. Ser ikun hemm sitt parteċipanti minn kull Stat Membru, flimkien ma’ 30 rappreżentant ta’ l-NGOs taż-żgħażagħ internazzjonali u tmien rappreżentanti tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Erbgħa mis-sitt parteċipanti nazzjonali ser jintgħażlu f’dibattiti taż-żgħażagħ fuq livell nazzjonali, reġjunali u lokali li jkunu saru bejn Jannar u kmieni f’Marzu.

Iż-żgħażagħ kienu bdew il-preparamenti tagħhom għas-Summit f’laqgħa ġewwa Brussell fis-17-20 ta’ Jannar 2007. Skond il-konklużjonijiet adottati f’din il-laqgħa preparatorja, il-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ fl-istati membri kollha ta’ l-UE bdew jorganizzaw dibattiti nazzjonali, f’kooperazzjoni stretta ma’ l-uffiċċji tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni, l-uffiċċji ta’ informazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Aġenziji Nazzjonali tal-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni, il-programm ġdid ta’ l-iffinanzjar għaż-żgħażagħ. Dawn id-dibattiti nazzjonali għandhom jippermettu lin-nies biex jevolvu fuq livelli nazzjonali, reġjunali u lokali, biex jagħżlu delegati, u jaċċċertaw avviċinament minn isfel għal fuq fil-preparazzjoi tas-Summit taż-Żgħażagħ.

Is-Summit taż-Żgħażagħ għandu jinfetaħ is-Sibt fl-24 ta’ Marzu fl-Università ta’ Ruma (Roma III, Fakultà tal-letteratura). Wara nofsinhar, iż-żgħażagħ ser inqasmu f’sitt gruppi ta’ xogħol biex jiddiskutu:

  • il-futur tat-Trattat ta’ l-UE,
  • il-mudell soċjali u ekonomiku ta’ l-UE,
  • l-iżvilupp sostenibbli,
  • ir-rwol ta’ l-UE f’dinja globalizzata,
  • id-demokrazzija u s-soċjetà ċivili
  • iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni.

Il-Ħadd il-25 ta’ Marzu, is-Summit għandu jinġabar fil-binja tal-Campidoglio għal sessjoni plenarja, fejn il-konklużjonijiet finali u l-messaġġi dwar il-ġejjieni ta’ l-Ewropa għandhom jiġu adottati. Dawn għandhom iservu ta’ bażi għad-djalogu strutturat bejn żgħażagħ Ewropej u l-Istituzzjonijiet Ewropej fis-snin li ġejjin. F’dibattitu madwar Mejda Tonda ż-żgħażagħ għandhom jiddiskutu wkoll il-messaġġi tal-Viċi President Wallström, tal-Kummissarju Figel’ u r-rappreżentanzi f’istituzzjonijiet oħrajn ta’ l-UE. Dan id-dibattitu għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta’ l-internet.

Is-Summit taż-Żgħażagħ f’Ruma ser iseħħ parallelament mal-Kunsill Informali Ewropew ġewwa Berlin fil-25 ta’ Marzu 2007, fejn il-Kapijiet ta’ l-Istat u l-Gvernijiet għandhom jadottaw dikjarazzjoni politika li jistipulaw il-valuri u l-ambizzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.

Is-Summit taż-Żgħażagħ huwa mistenni li jagħti bidu għall-proċess ta’ djalogu u ta’ dibattitu li jimmobilizza liż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u jwassal għall-preparazzjoni u l-mobilizzazzjoni ta’ l-elezzjonijiet Ewropej fl-2009.

L-Ewropej Żgħażagħ għandhom rwol kruċjali fl-ambitu Ewropew. Huma multiplikaturi ta’ l-idea Ewropea li hija riflessa fil-Programm Ġdid Żgħażagħ fl-Azzjoni li beda f’Jannar 2007. Il-għan huwa li jiġi offrut appoġġ finanzjarju lill-mobbiltà taż-żgħażagħ u lill-proġetti tax-xogħol taż-żgħażagħ sa l-2013. F’Ġunju li ġej, il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ ser iseħħ ġewwa Brussell biex jiġu enfasizzati l-kisbiet tal-proġetti taż-żgħażagħ iffinanzjati mill-Programm YOUTH preċedenti, u biex jitkompla d-dibattitu bejn żgħażagħ u minn jagħmel il-politiki.

Aktar tagħrif jista’ jinkiseb f’uq:

http://50.europa.eu

http://europa.eu/youth/

http://ec.europa.eu/youth/index_en.html


[1] L-avveniment huwa organizzat mill-Kummissjoni Ewropea b’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website