Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/204

Brussell, il-21 ta' Frar 2007

25% tnaqqis fl-ammont ta' aċċidenti fuq ix-xogħol sal-2010 – strateġija ġdida ta' l-UE

Il-mard u l-aċċidenti marbuta max-xogħol għandhom jitnaqqsu bi kwart madwar l-UE bi strateġija ġdida ta' ħames snin għas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, adottata mill-Kummissjoni llum. Din ġiet wara 17% tnaqqis fl-aċċidenti fatali mill-2002 u 20% tnaqqis fl-aċċidenti li jwasslu għal assenza mix-xogħol ta' tliet ijiem jew aktar. Iżda l-progress għadu mhux uniformi fost il-pajjiżi, setturi, kumpaniji u kategoriji ta' ħaddiema differenti. Il-bidliet fil-ħajja tax-xogħol qed iġibu magħhom riskji okkupazzjonali ġodda filwaqt li ċertu mard marbut mal-post tax-xogħol qiegħed jiżdied.

"Il-mard okkupazzjonali u l-aċċidenti fuq ix-xogħol fl-Ewropa huma piż kbir kemm fuq il-ħaddiema kif ukoll fuq min iħaddem. Kull sena 4 miljun aċċident fuq ix-xogħol li jirrappreżentaw spejjeż ekonomiċi enormi għall-ekonomija Ewropea. Kwota konsiderevoli ta' dawn l-ispejjeż taqa' fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali u fuq il-finanzi pubbliċi," qal Vladimír Špidla, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs. "It-titjib tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema huwa pass ewlieni fl-aġenda ta' l-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi. Jekk insaħħu l-produttività u l-kwalità fuq ix-xogħol inkunu qed nagħtu spinta lit-tkabbir u l-kompettitività Ewropej."

Minkejja l-avvanzi ewlenin ta' l-aħħar ħames snin, għad hemm ħafna lok għat-titjib. L-ispejjeż ta' l-aċċidenti fuq ix-xogħol u l-problemi tas-saħħa marbuta max-xogħol ma jiġġarbux b'mod indaqs mill-atturi kollha. It-telf tad-dħul finanzjarju minħabba assenzi mix-xogħol iqum lill-ħaddiema Ewropej madwar EUR 1 biljun fis-sena. Min iħaddem iħabbat wiċċu ma' spejjeż marbuta mal-ħlas ta' pagi ta' ħaddiema bil-lif tal-mard, is-sostituzzjoni ta' ħaddiema assenti u t-telf tal-produttività – li ħafna minnhom ma jkunux koperti bl-assigurazzjoni.

L-intrapriżi żgħar u medji huma partikolarment vulnerabbli u jirrappreżentaw 82% tal-korrimenti fuq ix-xogħol u 90% ta' l-aċċidenti fatali. Is-setturi bħall-bini, l-agrikoltura, it-trasport u s-saħħa kollha jippreżentaw riskji ogħla iktar mill-medja ta' aċċidenti fuq ix-xogħol, filwaqt li l-ħaddiema żgħażagħ, il-migranti, il-ħaddiema kbar fl-età u dawk b'kundizzjonijiet mhux sikuri ta' xogħol jintlaqtu b'mod sproporzjonat.

Qegħdin jiżdiedu problemi speċifiċi tas-saħħa, inklużi l-mard muskoloskeletali – bħal uġigħ fid-dar, problemi fil-ġogi u uġigħ minħabba strejn repetittiv – u l-mard ikkawżat minn strejn psikoloġiku.

L-istrateġija l-ġdida għall-2007-2012 għandha l-għan li tikseb tnaqqis globali ta' 25% ta' l-aċċidenti u l-mard okkupazzjonali fl-UE. Din tistipula serje ta' azzjonijiet fil-livell Ewropew u dak nazzjonali fl-oqsma ewlenin li ġejjin:

  • It-titjib u s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u t-titjib ta' l-implimentazzjoni tagħha fil-prattika permezz ta' strumenti li ma jorbtux ġuridikament bħall-iskambju ta' l-aħjar prassi, kampanji ta' informazzjoni u tagħrif u taħriġ aħjar.
  • Id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġiji nazzjonali aġġustati skond il-kuntest speċifiku ta' kull Stat Membru. Dawn l-istrateġiji għandhom jikkonċentraw fuq is-setturi u l-kumpaniji li huma milquta l-aktar u jistabbilixxu miri nazzjonali għat-tnaqqis ta' aċċidenti u mard okkupazzjonali.
  • L-integrazzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol f'oqsma politiċi nazzjonali u Ewropej oħra (edukazzjoni, saħħa pubblika, riċerka) u t-tfittxija għal sinerġiji ġodda.
  • Identifikazzjoni u evalwazzjoni mtejba tar-riskji potenzjali ġodda permezz ta' iktar riċerka, skambju ta' għarfien u l-applikazzjoni prattika tar-riżultati.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/employment_social/health_safety/index_en.htm


Side Bar