Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Autres langues disponibles: FR EN DE EL

IP/07/1993

Brussell, it-28 ta’ Diċembru 2007

Tlett ijiem oħra, u Ċipru u Malta jadottaw l-ewro

Fi żmien tlett ijiem, Ċipru u Malta se jadottaw l-ewro, li mbagħad tkun daħlet fi 15 mis-27 Stat Membru ta’ l-UE, biex taqdi popolazzjoni ta’ 320 miljun.

“L-adozzjoni ta’ l-ewro hija avveniment storiku għal Ċipru u Malta, li se jingħaqdu maż-żona ta’ l-ewro erba’ snin biss wara li saru membri ta’ l-Unjoni Ewropea. Merħba bikom u kull riżq’, awgura Joaquín Almunia, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji. Żied jgħid: “L-ewro hija valuta b’saħħitha u stabbli li ġabet magħha l-aktar livell baxx ta' inflazzjoni għal talanqas ħames deċennji, flimkien ma’ rati ta’ l-interessi favorevoli ferm għall-biċċa l-kbira tat-13-il pajjiż li diġà adottawha. Iżda hekk kif Ċipru u Malta jaqbdu t-triq lejn dak li x’aktarx huwa l-aktar aspett tanġibbli ta’ l-integrazzjoni ta’ l-UE, għandhom iżommu f’moħħhom ukoll li s-sħubija fiż-żona ta’ l-ewro teħtieġ impenn kontinwu lejn finanzi pubbliċi sodi u riformi strutturali biex ikunu jistgħu jiffjorixxu fl-unjoni monetarja u jaħsdu l-benefiċċji tagħha".

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2007 laqa’ l-adozzjoni ta’ l-ewro minn Ċipru u Malta fl-2008, wara li l-Kummissjoni kkonkludiet fir-Rapporti ta’ Konverġenza xahar qabel, li dawn kienu ssodisfaw il-kriterji ta’ Maastricht. Id-deċiżjoni formali ttieħdet mill-Kunsill ECOFIN f’Lulju, flimkien mad-deċiżjoni dwar ir-rata tal-kambju. Il-lira Ċiprijotta tikkorrispondi għal €1.71 u lira Maltija għal €2.33.

Minn dik id-data, iż-żewġ pajjiżi kkompletaw u ffinalizzaw it-tħejjijiet prattiċi li għandhom jiżgurawlhom bidla għall-ewro mingħajr xkiel.

Ċipru

Ċipru ssellef il-karti tal-flus ta’ l-ewro meħtieġa mill-istokkijiet tal-Eurosystem permezz tal-Bank tal-Greċja u rċieva l-muniti ta’ l-ewro miz-Zekka tal-Finlandja, wara sejħa għall-offerti.

Il-Bank Ċentrali ta’ Ċipru ilu jforni kontanti ta' l-ewro lis-settur bankarju minn Ottubru li, min-naħa tiegħu, ilu jforni lill-bejjiegħa bl-imnut u negozji oħra f'operazzjoni li għadha għaddejja. Ukoll fil-31 ta’ Diċembru, li se tkun vaganza speċjali biex is-sistemi ta’ l-informatika tal-banek ikunu jistgħu jaqilbu għall-ewro, il-bejjiegħa bl-imnut se jkunu jistgħu jirċievu kontanti ta’ l-ewro mill-banek tagħhom.

Mill-1 ta’ Novembru, ċerti banek kienu qed joffru liċ-ċittadini l-possibbiltà li jibdlu l-karti tal-flus Ċiprijotti f’karti ta’ l-ewro bir-rata tal-kambju u mingħajr tariffi tal-kambju. Iċ-Ċittadini setgħu wkoll jixtru minikits tal-muniti ta' l-ewro minn qabel, biex ikunu jistgħu jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-valuta l-ġdida.

Fl-1 ta’ Jannar, minkejja li vaganza pubblika, għadd ta’ banek fiċ-ċentri ta’ l-ibliet se jkunu miftuħa madwar il-pajjiż biex jiffaċilitaw il-bdil tal-kontanti. Sas-1 a.m. għallinqas 70% tal-550 ATM fil-pajjiż ikunu ġew ipprogrammati biex iqassmu biss karti tal-flus ewro. It-30% li jkun għad fadal għandhom ikunu nqalbu għall-ewro sa nofsinhar ta’ l-istess jum. Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess u jiġi limitat l-ammont ta’ bqija li jkollha tingħata lura fil-ħwienet, fl-ewwel xhur l-ATMs se joħorġu biss karti ta’ l-€ 10 u €20.

Dawk il-konsumaturi li jkun għad għandhom kontanti nazzjonali wara li jintemm il-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja fil-31 ta’ Jannar se jkunu jistgħu jibdluhom għall-ewro b’xejn sat-30 ta’ Ġunju, b’limitu ta’ CYP 1 000 f’karti u CYP 50 f’muniti għal kull tranżazzjoni. Il-Bank Ċentrali se jibqa’ jibdel il-muniti nazzjonali għall-ewro sa l-2009 u l-karti sa l-2017.

Malta

F’Malta, il-forniment tal-flus kontanti ta' l-ewro lill-banek beda f'nofs Settembru, wara li l-Bank Ċentrali ta' Malta rċieva l-muniti li kienu ordnati mingħand il-Monnaie de Paris, iz-zekka Franċiża. Il-karti tal-flus ewro instilfu mill-istokkijiet tal-Eurosystem, permezz tal-Bank ta’ l-Italja.

Minn Diċembru, il-banek bdew joħorġu l-kontanti ta’ l-ewro lill-bejjiegħa bl-imnut u negozjanti oħra, biex dawn ikunu jistgħu joħorġu l-bqija f’ewro mill-1 ta’ Jannar. Iċ-ċittadini setgħu jakkwistaw wieħed jew aktar minn 330 000 minikit tal-muniti ta’ l-ewro, li kienu disponibbli mill-10 ta’ Diċembru.

Il-Banek se jkunu magħluqa fl-1 ta’ Jannar, iżda għallinqas 60% mill-154 ATM f’Malta jkunu ġew ipproggrammati biex joħorġu l-karti tal-flus Ewro f’nofsillejl ta’ l-1 ta’ Jannar, filwaqt li l-40% li jkun għad fadal jinqalbu matul il-jum ta’ wara, u l-operazzjoni ta’ konverżjoni għandha titlesta sa’ l-4 p.m. Bħal fil-każ ta’ Ċipru, għall-bidu se jqassmu karti tal-flus ta' l-ewro f'denominazzjonijiet żgħar biss.

Fit-2 u t-3 ta’ Jannar, il-banek se jkunu miftuħa għan-negozju normali mal-pubbliku għad-depożiti ta’ kontanti, kambju ta’ valuti u kambju lejn l-ewro.

Sa tmiem Marzu 2008, il-banek kummerċjali se jibdlu l-kontanti tal-lira Maltija f’ewro, b’xejn, f’ammonti bla limitu għall-klijenti tagħhom u b’limitu ta’ MTL 250 għal min mhux klijent. Il-Bank Ċentrali se jibqa’ jibdel il-muniti u l-karti tal-flus Maltin għall-ewro sa Frar 2010 u 2018 rispettivament.

Il-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja, li matulu l-lira tista' tibqa' tintuża għall-ħlas flimkien ma' l-ewro, jintemm fil-31 ta' Jannar, l-istess bħal f’Ċipru.

L-Isfond

L-ewro nħolqot fl-1999 bħala valuta tal-kontabbiltà u fl-2002 bħala kontanti, f’liema punt iddaħħlet fi 12-il pajjiż ta’ l-UE. Is-Slovenja saret it-13-il membru taż-żona ta’ l-ewro fl-2007.

Ċipru u Malta huma l-iżgħar żewġ ekonomiji fiż-żona ta’ l-ewro. Il-populazzjonijiet tagħhom huma 778 684 u 407 810 rispettivament sal-bidu ta’ l-2007.

Fl-2006, il-PGD per capita ta’ Ċipru kien ta’ 92% tal-medja ta’ l-UE. Dak ta’ Malta kien ta’ 77%.

Nota għall-midja awdjoviżiva: Joaquín Almunia, Il-Kummissarju għall-affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, irrekordja kelmtejn ta’ merħba għaż-żewġ pajjiżi, u dawn jinsabu fuq l-EbS.

http://www.cc.cec/home/ebs/schedule.cfm
Għal aktar tagħrif dwar l-ewro ara l-Memo/07/596 u ara l-websajt tad-DĠ ECFIN:
http://ec.europa.eu/economy_finance/the_euro/
http://ec.europa.eu/economy_finance/focuson/focuson10520_en.htm

Għat-tħejjijiet nazzjonali għall-bidla, ara:

Ċipru:

http://www.euro.cy/

Malta:

http://www.euro.gov.mt/
Biex tara kif jidhru n-naħat nazzjonali tal-muniti Ċiprijotti u Maltin idħol fuq:
http://ec.europa.eu/economy_finance/the_euro/coins8662_en.htm
http://ec.europa.eu/economy_finance/the_euro/coins8677_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site