IP/07/1982
Brussell, il-21 ta' Diċembru 2007
Ċipru u Malta se jadottaw l-ewro fl-1 ta’ Jannar 2008 bir-rata ta’ 0.585274 liri Ċiprijotti u MTL 0.429300 għal kull ewro. Dan ifisser li lira Ċiprijotta tikkorrispondi għal € 1.71 u lira Maltija għal € 2.33.
Minn Jannar, iż-żona ta’ l-ewro se tinkludi 15 mis-27 pajjiż ta’ l-UE u popolazzjoni ta’ 320 miljun mit-total ta' 495 miljun fl-UE. L-2008 sejra timmarka t-tieni tkabbir taż-żona ta' l-ewro mill-2002 'l hawn – is-Slovenja diġà adottat il-valuta unika fl-1 ta’ Jannar 2007.
L-aħħar tħejjijiet prattiċi għall-bidla lejn l-ewro f’Ċipru u f'Malta mexjin sewwa u skond il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-bidla.
Ċipru
Il-banek Kummerċjali bdew jirċievu muniti ta’ l-ewro mill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru fit-22 ta’ Ottubru u l-karti ta’ l-ewro fid-19 ta’ Novembru. Il-Bank Ċentrali ta' Ċipru jistima li s-settur bankarju se jirċievi madwar 80% (f’valur aktar milli f’volum) tal-karti tal-flus ewro meħtieġa għall-ekonomija nazzjonali qabel l-1 ta’ Jannar, u 64% tal-muniti meħtieġa.
In-negozjanti, partikolarment il-bejjiegħa, bħalissa qed jirċievu l-kontanti ta’ l-ewro mill-banek tagħhom. Dan għandu jiżgura li jistgħu jagħtu lura l-bqija esklussivament f’ewro mill-ewwel jum u se jgħin biex il-bidla tal-kontanti timxi b’pass aktar mgħaġġel. Barra minn hekk, mit-3 ta’ Diċembru, kienu disponibbli 40 000 starter-kit ta' muniti ta' l-ewro għan-negozjanti (kull wieħed b'valur ta' €172) u mill-istess data ġew offruti 250 000 mini-kit għall-pubbliku ġenerali (kull wieħed b'valur ta' €17.09).
Ir-riżultati minn stħarriġ reċenti jindikaw li l-impriżi Ċiprijotti huma ppreparati sewwa għall-bidla, u li ma ltaqgħu ma’ l-ebda problema sinfikanti. Madwar 7,130 impriża, inklużi l-akbar bejjiegħa u banek, qed jieħdu sehem f’Kodiċi ta’ Pprezzar Ġust, li nfetaħ mill-gvern f’Lulju 2007, li permezz tiegħu jintrabtu li jġibu rwieħhom b’mod ġust u li ma jippruvawx japprofittaw irwieħhom mill-bidla. Dawk li jintrabtu li jżommu mal-Kodiċi iwaħħlu sinjal mat-tieqa tal-ħanut tagħhom. Il-wiri doppju tal-prezzijiet bil-lira Ċiprijotta u bl-ewro ilu mandatorju minn Settembru, u dan għen lill-konsumaturi biex jidraw l-iskala l-ġdida ta’ valuri. L-implimentazzjoni tiegħu tissegwa minn ħames Ewro-Osservatorji, li l-ispetturi tagħhom iżuru regolarment lill-bejjiegħa madwar Ċipru. Il-Ministeri tal-Finanzi u Kummerċ u ta' l-Industrija jissorveljaw l-iżviluppi tal-prezzijiet f'kooperazzjoni ma' l-uffiċċju ta' l-istatistika u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi.
Malta
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta beda bil-frontloading tas-settur bankarju b’kontanti ta’ l-ewro f’nofs Settembru. Il-Bank Ċentrali jistima li madwar 92.5% (għal darb’oħra, f’termini ta’ valur aktar milli volum) tal-41.5 miljun ewro f’karti li huma meħtieġa biex jinbidlu mal-lira Maltija se jingħataw lill-banek qabel l-1 ta’ Jannar 2008, kif ukoll 71% tal-140 miljun ewro f’muniti li huma meħtieġa fl-ekonomija Maltija.
Il-forniment ta’ kontanti ta’ l-ewro lis-settur tan-negozju beda fl-1 ta’ Diċembru. Barra minn hekk, mill-1 u l-10 ta’ Diċembru rispettivament, kienu disponibbli 33 000 sett starter-kit għan-negozjanti (kull wieħed b'valur ta' €131) u 330,000 mini-kit għall-pubbliku ġenerali (kull wieħed b'valur ta' €11.65).
Minħabba li Malta għandha livell partikolarment għoli ta’ flus fl-idejn, il-Bank Ċentrali ilu jħeġġeġ lill-pubbliku għal bosta xhur biex jiddepożita l-flus kontanti żejda fil-banek, sabiex jitnaqqas il-volum ta’ kontanti li jkollu jinbidel wara jum l-€ Il-kontanti nazzjonali fiċ-ċirkolazzjoni li se jiġu rritornati lill-Bank Ċentrali mill-1 ta’ Jannar huma stmati li jammontaw għal madwar 37 miljun f’karti tal-flus u 128 miljun f’muniti.
Skond l-aħħar stħarriġ, in-negozji Maltin huma
mħejjija tajjeb għall-ewro. Il-wiri doppju tal-prezzijiet ilu
mandatorju mill-1 ta’ Lulju 2007. Aktar minn 6,500 impriża, li
jirrappreżentaw madwar 80% tal-ħwienet, intrabtu li ma jżidux
il-prezzijiet ta' l-oġġetti u tas-servizzi "minħabba li tkun
għaddejja bidla fil-munita", billi ssieħbu ma’ l-inizjattiva
tal-prezzijiet FAIR, li ġiet imnedija mill-Kumitat Nazzjonali
għall-Bidla għall-Ewro. L-awtoritajiet Maltin għandhom ukoll
skema ta’ ‘Sorveljanza tal-Prezzijiet’ li tevalwa
l-iżviluppi tal-prezzijiet u tinforma lill-konsumaturi. Dawn il-miżuri
kollha huma kruċjali biex tittejjeb il-kunfidenza tal-konsumaturi
fil-bidla. Barra minn hekk, il-konsumaturi nfushom iridu jibqgħu
b’għajnejhom miftuħa u għandhom jisfidaw kwalunkwe negozji
inġusti u kwalunkwe abbużi fil-prezzijiet matul il-perjodu tal-bidla.
Nota għall-midja awdjoviżiva: Joaquín Almunia, Il-Kummissarju
għall-affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, irrekordja kelmtejn ta’
merħba għaż-żewġ pajjiżi, u dawn jinsabu fuq
l-EbS.
http://www.cc.cec/home/ebs/schedule.cfm
Għal
aktar tagħrif dwar l-ewro ara l-Memo/07/596 u ara l-websajt tad-DĠ
ECFIN:
http://ec.europa.eu/economy_finance/the_euro/
http://ec.europa.eu/economy_finance/focuson/focuson10520_en.htm
Għat-tħejjijiet nazzjonali għall-bidla, ara:
Ċipru:
http://www.euro.cy/
Malta:
http://www.euro.gov.mt/
Biex tara
kif jidhru n-naħat nazzjonali tal-muniti Ċiprijotti u Maltin
idħol fuq:
http://ec.europa.eu/economy_finance/the_euro/coins8662_en.htm
http://ec.europa.eu/economy_finance/the_euro/coins8677_en.htm