Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ir-riforma tal-PAK: Ir-riforma ta’ l-inbid se timbotta l-kompetittività ta’ l-inbejjed Ewropej 'il quddiem

European Commission - IP/07/1966   19/12/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES IT PT EL CS HU SK SL BG RO

IP/07/1966

Brussell, 19 ta' Diċembru 2007

Ir-riforma tal-PAK: Ir-riforma ta’ l-inbid se timbotta l-kompetittività ta’ l-inbejjed Ewropej 'il quddiem

IL-Kummissjoni Ewropea tilqa’ il-ftehim ta’ llum mill-ministri ta’ l-agrikoltura ta’ l-Unjoni Ewropea għal riforma ta’ l-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni ta' l-inbid (OKS). Il-bidliet se jġibu magħhom bilanċ fis-suq ta’ l-inbid u t-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ intervent fis-suq li huma ta’ ħela u għaljin. Se jippermettu wkoll li l-baġit jintuża għal miżuri iktar pożittivi u proattivi li jimbuttaw ‘il quddiem il-kompetittività ta’ l-inbejjed Ewropej. Ir-riforma tippermetti l-istrutturar mill-ġdid b’ħeffa tas-settur ta' l-inbid minħabba li tinkludi skema volontarja ta’ tliet snin għall-qlugħ tad-dwieli biex jitneħħa mis-suq l-inbid żejjed u li mhuwiex kompetittiv. Se ssir it-tneħħija gradwali tas-sussidji għad-distillazzjoni fil-każijiet ta’ kriżi u għad-distillazzjoni ta’ l-alkoħol għax-xorb, u l-flus allokati għall-pakketti nazzjonali jistgħu jintużaw għal miżuri bħall-promozzjoni ta’ l-inbid fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, l-innovazzjoni, l-istrutturar mill-ġdid u l-modernizzazzjoni tal-vinji u l-kantini. Ir-riforma se tiżgura l-ħarsien ambjentali fir-reġjuni li jipproduċu l-inbid, tipproteġi l-politiki tradizzjonali u stabbiliti sew ta’ kwalità u tissimplifika r-regoli ta’ l-ittikkettar, kemm għall-benefiċċju tal-produtturi kif ukoll tal-konsumaturi. Ir-riforma se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2008.

“Jiena kuntenta ħafna li rnexxielna nilħqu kompromess u nixtieq nirringrazzja lill-ministri għar-rieda tagħhom biex insolvu dawn il-kwistjonijiet diffiċli,” qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. “Minflok ma nonfqu ħafna mill-baġit tagħna fir-rimi ta’ prodotti mhux meħtieġa, issa nistgħu niffukaw fuq il-kompetizzjoni li għandna u biex nerġgħu nieħdu lura sehemna tas-suq. Ma rnexxielniex nieħdu kull ma ridna, iżda spiċċajna bi ftehim ibbilanċjat sew. Nispera li l-Istati Membri jużaw l-istrumenti l-ġodda disponibbli b’mod xieraq.”

Punti ewlenin ta’ l-OKS riveduta ta’ l-inbid

Pakketti finanzjarji nazzjonali: dawn jippermettu lill-Istati Membri jadattaw miżuri għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom. Miżuri possibbli jinkludu: il-promozzjoni fil-pajjiżi terzi, l-istrutturar mill-ġdid u l-konverżjoni tal-vinji, il-modernizzazzjoni tal-katina tal-produzzjoni, l-innovazzjoni, l-appoġġ għal ħsad bikri, u miżuri ġodda għall-ġestjoni tal-kriżijiet.

Miżuri ta' Żvilupp Rurali: parti mill-flus se jiġu trasferiti f’miżuri ta’ żvilupp rurali, speċifikament għal reġjuni li jipproduċu l-inbid. Il-miżuri jistgħu jinkludu l-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ, it-titjib tal-kummerċjalizzazzjoni, taħriġ vokazzjonali, l-appoġġ għal organizzazzjonijiet ta' produtturi, l-appoġġ biex jiġu koperti l-ispejjeż addizzjonali u t-telf tad-dħul dovut għaż-żamma ta’ ambjenti kulturali u l-irtirar qabel iż-żmien.

Id-drittijiet tat-tħawwil: għandha ssir tneħħija gradwali sa l-2015, bil-possibiltà li jitkomplu fuq livell nazzjonali sa l-2018.

It-tneħħija gradwali ta’ l-iskema tad-distillazzjoni: sa l-aħħar ta’ l-2011/12, id-distillazzjoni fil-każijiet ta’ kriżi se tkun limitata għal erba’ snin, bid-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri, b’nefqa massima ta’ 20 fil-mija tal-pakkett finanzjarju nazzjonali fl-ewwel sena, 15 fil-mija fit-tieni sena, 10 fil-mija fit-tielet

sena u 5 fil-mija fir-raba’ sena. Se ssir tneħħija gradwali tad-distillazzjoni ta’ l-alkoħol għax-xorb matul erba’ snin, bi ħlas akkoppjat għall-perjodu tranżizzjonali, sostitwit mill-Ħlas Uniku għall-Farms diżakkoppjat. L-Istati Membri se jkollhom l-għażla ta’ ħtieġa għad-distillazzjoni tal-prodotti sekondarji, imħallsa mill-pakkett nazzjonali u fuq livell ħafna iktar baxx minn kif inhu bħalissa, li jkopri l-ispejjeż tal-ġbir u t-trasformazzjoni tal-prodotti sekondarji.

L-introduzzjoni tal-Ħlas Uniku għall-Farms: Ħlas Uniku għall-Farms diżakkoppjat se jkun mogħti lill-produtturi ta’ l-għeneb għall-inbid bid-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri u lill-produtturi kollha li jaqilgħu d-dwieli tagħhom.

Il-qlugħ tad-dwieli: Skema volontarja ta’ tliet snin għall-qlugħ tad-dwieli għal żona totali ta’ 175 000 ettaru b’livell dejjem jonqos ta’ primjum matul tliet snin. Stat Membru jista’ jwaqqaf il-qlugħ tad-dwieli jekk iż-żona tkun iktar minn 8 fil-mija taż-żona ta’ vinja totali ta’ dak l-Istat Membru jew 10 fil-mija taż-żona totali tar-reġjun. Il-Kummissjoni tista’ twaqqaf il-qlugħ tad-dwieli jekk iż-żona tilħaq il-15 fil-mija taż-żona ta’ vinja totali ta’ Stat Membru. L-Istati Membri jistgħu wkoll jeskludu l-qlugħ tad-dwieli f’żoni ta’ muntanji jew ta’ għoljiet weqfin u għal raġunijiet ambjentali.

Prattiki tal-produzzjoni ta’ l-inbid: ir-responsabbiltà biex jiġu approvati prattiki enoloġiċi ġodda jew li jiġu modifikati dawk eżistenti se jiġu ttrasferiti lill-Kummissjoni, li se tivvaluta l-prattiki enoloġiċi aċċettati mill-OIV u tinkorpora xi wħud minnhom fil-lista ta' prattiki aċċettati ta' l-UE.

Regoli għal tikkettar aħjar: Il-kunċett ta’ inbejjed tajbin ta’ l-UE se jkun ibbażat fuq inbejjed ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta u dawk ta’ Oriġini ta’ Denominazzjoni Protetta. Politiki nazzjonali ta’ kwalità stabbiliti sew se jkunu protetti. L-ittikkettar se jkun iktar sempliċi u, pereżempju, se jippermetti lill-inbejjed ta’ l-UE mingħajr GI jindikaw il-varjetà u l-annu fuq it-tikketta. Ċerti termini tradizzjonali u għamliet tal-fliexken jistgħu jibqgħu jiġu protetti.

Iċ-chaptalisation: din se tibqa permessa, minkejja li l-livelli massimi ta’ l-arrikkiment jew biz-zokkor jew bil-most se jitnaqqsu. Għal raġunijiet eċċezzjonali tal-klima, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni żżid il-livell ta’ l-arrikkiment.
Għajnuna għall-użu tal-most: l-għajnuna għall-most tista’ titħallas bl-istess mod użat bħalissa għal erba’ snin. Wara dan il-perjodu tranżizzjonali, in-nefqa fuq l-għajnuna għall-most se tinbidel fi ħlasijiet diżakkoppjati lill produtturi ta’ l-inbid.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website