Navigation path

Left navigation

Additional tools

Antitrust: Il-Kummissjoni tipprojbixxi l-ħlasijiet ta’ l-iskambji multilaterali tal-MasterCard bejn il-pajjiżi taż-ŻEE

European Commission - IP/07/1959   19/12/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/07/1959

Brussell, id-19 ta' Diċembru 2007

Antitrust: Il-Kummissjoni tipprojbixxi l-ħlasijiet ta’ l-iskambji multilaterali tal-MasterCard bejn il-pajjiżi taż-ŻEE

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li l-ħlasijiet ta’ l-iskambji multilaterali tal-MasterCard (MIF) għal tranżazzjonijiet transkonfinali ta’ ħlas bil-kards ta’ kreditu u debitu għall-konsumatur bil-MasterCard u l-Maestro fiż-Zona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jiksru r-regoli tat-Trattat tal-KE dwar prattiċi kummerċjali restrittivi (Artikolu 81). Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-MIF tal-MasterCard, li hija tariffa imposta fuq kull ħlas f’ħanut meta jkun ipproċessat il-ħlas, għolliet l-ispiża biex tkun aċċettata l-kard mill-bejjiegħa bl-imnut mingħajr ma wasslet għal aktar effiċjenza. Il-MasterCard għandha sitt xhur biex tirregola ruħha ma’ l-ordni tal-Kummissjoni biex tirtira dawn il-ħlasijiet. Jekk il-MaterCard tonqos milli tirregola ruħha, il-Kummissjoni tista’ timponi penali kuljum ta’ 3.5% tad-dħul globali kuljum fis-sena ta’ negozju preċedenti. L-Mif mhumiex xi ħaġa illegali. Madanakollu, MIF fi skema miftuħa ta’ ħlas bil-kard bħalma hi l-MasterCard tkun kompatibbli biss mar-regoli ta' kompetizzjoni ta' l-UE jekk din tkun ta’ kontribut għall-progress tekniku u ekonomiku u tkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi. Fl-UE, isiru aktar minn 23 biljun ħlas fis-sena bil-kards, li jaqbżu l-valur ta’ €1350 biljun.

Il-Kummissarju tal-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet: "Ftehimiet ta’ ħlasijiet ta’ l-iskambji multilatrali bħalma huma tal-MasterCard iżidu l-ispiża biex tkun aċċettata l-kard mill-bejjiegħa bl-imnut. Il-konsumaturi jispiċċaw ibatu l-ispejjeż kollha, billi jirriskjaw li jħallsu darbtejn għall-kards ta' debitu: darba pemezz ta’ ħlas annwali lill-bank tagħhom u t-tieni darba permezz ta’ prezzijiet ogħla mill-ħanut mhux biss minn dawk li jużaw il-kards iżda minn dawk li jħallsu bil-flus kontanti. Il-Kummissjoni ser taċċetta biss dawn il-ħlasijiet meta dawn b’mod ċar ikunu jkunu qed jinkorraġġixxu l-innovazzjoni għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li jużawhom."
L-MIF

Il-mudell kummerċjali tal-MasterCard jinkludi mekkaniżmu li jiddetermina prezz minimu li n-negozjanti jridu jħallsu biex jaċċettaw il-kards tal-ħlas ta’ l-organizzazzjoni. Dan il-mekkaniżmu hu bbażat fuq netwerk kumpless ta’ ħlasijiet interbankarji li jkunu miftiehma b’mod reċiproku li għalihom l-industrija tirreferi bħala "ħlasijiet ta’ l-iskambji". Fid-deċiżjoni tal-lum hemm in kwistjoni l-ħlasijiet alternattivi ta' l-iskambji bejn il-pajjiżi taż-ŻEE ("MasterCard's MIF"). L-MIF tal-MasterCard hija tariffa fuq kull ħlas li jsir f’ħanut. Din it-tariffa tvarja bejn 0.4% tal-valur tat-tranżazzjoni li jiżdied b’€0.05 u 1.05% li jiżdied b’€0.05 għall-ħlasijiet bil-kards ta’ debitu tal-Maestro, u bejn 0.80% u 1.20% għal tranżazzjonijiet bil-kards ta’ kreditu għall-konsumaturi tal-MasterCard. Il-ħlas jinżamm mill-bank tal-klijent (il-"bank li jitlob il-ħlas") u jkun mitlub li jitħallas mill-bank tan-negozjant (il-bank li jirċievi l-ħlas"), li dan imbagħad jikkalkula l-element tal-ħlas meta jiġi biex jistabbilixxi l-prezzijiet lin-negozjanti.

L-MIF tal-MasterCard tapplika kważi fuq il-ħlasijiet bil-kard transkonfinali kollha fiż-ŻEE u fuq il-ħlasijiet bil-kard domestiċi fil-Belġju, l-Irlanda, l-Italja, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta u l-Greċja. Kwazi 45% tal-kards għall-ħlas fiż-ŻEE jew għandhom fuqhom il-logo tal-MasterCard jew tal-Maestro u l-kards tal-MasterCard huma aċċettati f’madwar 85% tan-negozji li jaċċettaw il-kards ta' debitu fiż-ŻEE.

Il-Kummissjoni pprojbixxiet l-MIF tal-MasterCard minħabba li din tgħolli l-bażi li bih il-banek li jirċievu l-ħlas jitolbu l-prezz lin-negozjanti li jaċċettaw ħlasijiet bil-kards, billi l-MIF jammontaw għall-parti l-kbira tal-prezz finali li n-negozji jħallsu talli jaċċettaw il-ħlasijiet bil-MasterCard. Ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni dwar il-prezzijiet tagħmel ħsara lin-negozji u lill-klijenti tagħhom.

Il-MasterCard ippreżentat l-MIF tagħha bħala strument biex "jimmassimizza il-produzzjoni tas-sistema". Madanakollu, matul l-erba’ snin ta’ investigazzjoni il-MasterCard naqset li tissottometti il-provi empiriċi meħtieġa biex turi kwalunkwe effett pożittiv fuq l-innovazzjoni u l-effiċjenza li jippermetti li parti sostanzjali mill-benefiċji ta’ l-MIF jgħaddu għand il-konsumaturi. Għaldaqstant il-Kummissjoni kkonkludiet li l-MIF tal-MasterCard ma twassalx għall-effiċjenzi oġġettivi li jistgħu jibbilanċjaw l-effetti negattivi tal-kompetizzjoni fuq il-prezz bejn il-banek li huma parti mis-sistema.
L-investigazzjoni

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni inizzjalment kienet ibbażata fuq sensiela ta’ notifiki li kien issottometta l-predeċessur legali tal-MasterCard, Europay International S.A., bejn Mejju 1992 u Lulju 1995, kif ukoll fuq ilment li sar f’Mejju 1997 minn EuroCommerce. Wara żewġ Dikjarazzjonijiet ta’ Oġġezzjoni (ara MEMO/06/260) u wara Seduta verbali f’Novembru 2006, il-Kummissjoni kompliet tivverifika l-argumenti tal-MasterCard permezz ta’ riċerka tal-fatti addizzjonali.
Prattika f’ każi tal-passat

Fl-2002, il-Kummissjoni kienet eżentat sistema simili proposta mill-Visa (ara IP/02/1138) wara li l-Visa ppreżentat riformi sostanzjali għall-MIF tagħha. B’mod partikolari, il-Visa offriet li b’mod progressiv tnaqqas il-livell tal-ħlasijiet minn 1.1% to 0.7% sa tmiem l-2007 u li tiffissa l-ħlas għal-livell ta’ l-ispejjeż għal sevizzi speċifiċi. Il-Visa tejbet ukoll it-trasparenza tal-ħlasijiet u ppermettiet lill-banek biex jiżvelaw lin-negozji l-informazzjoni dwar l-MIF. Madanakollu, l-eżenzjoni tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2007 u minn dak il-mument il-Viża ser tkun responsabbli li tiżgura li s-sistema tagħha hi totalment konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni ta’ l-UE.
SEPA

Id-deċiżjoni ta’ l-MIF tal-MasterCard hi segwitu ta’ l-inkjesta settorjali tal-Kummissjoni fl-attività bankarja fl-2005 u fl-2006 (ara IP/07/114 u MEMO/07/40), li sabet li l-ftehimiet ta’ l-iskambji tal-ħlasijiet jistgħu jkunu ta’ ostakolu għall-industrija tal-ħlas bil-kards li tkun effettiva mil-lat ta’ spejjeż u segwitu tal-ħolqien ta’ Żona Unika ta' Ħlas bl-Ewro (SEPA). L-inkjesta żvelat li f’ħames pajjiżi taż-ŻEE (id-Danimarka, l-Olanda, in-Norveġja il-Fillandja, il-Lussemburgu) is-sistema ta’ ħlas bil-kard tiffunzjona mingħajr l-ebda MIF. Id-deċiżjoni tal-MasterCard ser issostni l-ħolqien tas-SEPA billi tinkorraġġixxi aktar kompetizzjoni fis-suq tal-kards u ma tħallix li jkun hemm żieda artifiċjali fil-ħlasijiet tan-negozjanti minħabba mekkaniżmu illegali fil-prezzjijiet bħalma huma l-MIF tal-MasterCard.

Ara wkoll MEMO/07/590.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website