IP/07/1922
Brussell, 13 ta' Diċembru 2007
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso qal, "Dan it-trattat jimmarka waqt ta' bidla fl-istorja ta' l-integrazzjoni Ewropea. It-Trattat ta' Liżbona jpoġġi liċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-proġett Ewropew. Wara sitt snin sħaħ ta' negozjati nistgħu npoġġu fil-ġenb kwistjonijiet istituzzjonali u nikkonċentraw l-enerġija kollha tagħna biex inwasslu l-kisbiet politiċi liċ-ċittadini tagħna. Jien nappella lill-Istati Membri biex jonoraw l-impenji tagħhom u jfittxu li jirratifikaw it-trattat fi żmien tajjeb biex jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2009."
"Dan it-Trattat il-ġdid huwa tajjeb għaċ-ċittadini Ewropej," qalet il-Viċi-President tal-Kummissjoni Margot Wallström, responsabbli għal Relazzjonijiet Istituzzjonali u l-Istrateġija tal-Komunikazzjoni. "Huwa se jsaħħaħ l-effiċjenza u jagħti lill-Unjoni vuċi waħda fir-relazzjonijiet esterni. In-nies se jkollhom sehem ikbar fil-politiki Ewropej permezz ta' setgħat imsaħħa li se jkollhom ir-rappreżentanti tagħhom li huma eletti direttament fil-Parlament Ewropew u fir-rwol imsaħħaħ tal-Parlamenti Nazzjonali. L-"Inizjattiva taċ-Ċittadini" l-ġdida se tagħti ċans lil miljun ċittadin biex jitolbu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta. Aktar demokrazija hija fundamentali għal Unjoni bbażata fuq il-kunsens taċ-ċittadini u se tgħin biex tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea."
It-Trattat ta' Liżbona jemenda t-trattati attwali ta' l-UE u -KE, mingħajr ma jieħu posthom. Huwa se jagħti lill-Unjoni qafas legali u għodda meħtieġa biex jintlaħqu l-isfidi tal-ġejjieni u jkunu mwieġba l-esiġenzi taċ-ċittadini.
It-Trattat ta' Liżbona se jġib miegħu bosta benefiċċji: it-trattat il-ġdid se jassigura li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom vuċi fl-affarijiet Ewropej u jaraw id-drittijiet fundamentali tagħhom imniżżla f'ċarter. L-UE se tkun mgħammra aħjar biex tilħaq l-aspettatitivi fl-oqsma ta' l-enerġija, il-bidla fil-klima, il-kriminalità transkonfinali u l-immigrazzjoni. Hija se tkun kapaċi wkoll li titkellem b'vuċi waħda fix-xena internazzjonali.
Fost it-titjib prinċipali ippjanat hemm:
Unjoni aktar demokratika u miftuħa u kontabbli – kemm iċ-ċittadini u kemm il-parlament nazzjonali se jaraw mill-qrib it-teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll li d-diskussjonijiet dwar l-abbozzi ta' liġijiet ikunu miftuħa għal skrutinju pubbliku. L-Ewropej se jingħataw l-opportunità li jinfluwenzaw il-liġijiet proposti ta' l-UE.
Unjoni aktar effettiva – permezz ta' istituzzjonijiet effettivi u effiċjenti. Fosthom teħid ta' deċiżjonijiet b'aktar ħeffa, aktar konsistenti fuq kwistjonijiet dwar rispett lejn il-liġi, billi l-UE tingħata abbiltà akbar biex tiġġieled il-kriminalità, it-terroriżmu u t-traffikar fil-bnedmin.
aktar drittijiet lill-Ewropej – il-valuri u l-miri ta' l-UE jkunu elenkati b'mod aktar ċar minn qat qabel. U ċarter tad-drittijiet fundamentali se tingħata l-istess status legali bħat-trattati ta' l-UE nfushom.
Attur globali aktar prominenti – l-UE se taħdem biex ikun hemm aktar koerenza bejn id-diversi saffi ta' politika esterna, bħad-diplomazija, is-sigurtà, il-kummerċ u l-għajnuna umanitarja.U l-blokk se jingħata personalità legali waħda biex isaħħaħ is-setgħa tiegħu fin-negozjati.
Dan it-titjib jagħti lill-Unjoni l-kapaċità li twassal bidla, tagħmel lill-Ewropej aktar sikuri u prosperi u tiftaħ l-opportunitajiet tagħhom biex jinfluwenzaw il-globalizzazzjoni.
Sfond
It-Trattat ta' Liżbona, imfassal mill-Konferenza Intergovernattiva (KIG) ta' l-2007, kien approvat fil-Kunsill Ewropew informali fit-18-19 ta' Ottubru u se jkun iffirmat mill-Istati Membri fit-13 ta' Diċembru 2007. Il-firma tat-Trattat se tkun segwita bil-proċess ta' ratifika fis-27 pajjiż. Huwa ttamat li t-Trattat il-ġdid jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2009.
Il-websajt il-ġdida tipprovdi tagħrif li hu aċċessibbli u
jista' jinqara faċilment fit-23 lingwa uffiċjali ta' l-UE.
Fil-paġni tagħha, il-qarrejja jistgħu jiskopru kif it-Trattat
il-ġdid se jgħin lill-UE tittratta l-isfidi tad-dinja ta' llum u
tippromwovi aktar effiċjenza, demokrazija u trasparenza fi ħdan
l-istituzzjonijiet tagħha. Huma disponibbli wkoll tweġibiet
għall-iktar mistoqsijiet komuni, akkumpanjati minn folji bil-fatti li
jispjegaw tema b'tema l-bidliet prinċipali li ġab miegħu
t-Trattat.
Żur il-websajt tal-Kummissjoni dwar it-Trattat il-ġdid
ta' Liżbona fuq: