IP/07/1915
Brussell, 12 Diċembru 2007
Konsumaturi: Regoli ġodda ta' l-UE
jattakkaw ir-reklamar qarrieqi u prattiċi aggressivi ta'
bejgħ
Ġimagħtejn biss qabel il-Milied, regoli
deċiżivi ġodda ta' l-UE biex jattakkaw riklamar qarrieqi u
prattiċi aggressivi ta' bejgħ – fosthom projbizzjoni ta' offerti
taparsi "b'xejn" u projbizzjoni ta' reklamar bil-fittaġni
(eżortazzjoni diretta) għat-tfal fuq l-Internet – se jidħlu
fis-seħħ madwar l-UE
(12 ta' Diċembru 2007). Dawn
ir-restrizzjonijiet huma parti minn lista sewda estensiva ta' skemi li huma
projbiti mid-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Inġusti (PKI)
– li hija mmirata b'mod partikulari lejn tużżana minn uħud
fost l-iktar prattiċi abbużivi, minn reklamar li jservi ta' lixka,
għal skemi piramidi, artikli forma ta' riklam u dikjarazzjonijiet foloz
dwar il-kura tas-saħħa li jintużaw kontra l-konsumaturi.
Id-Direttiva dwar il-PKI issaħħaħ sostanzjalment standards
eżistenti ta' l-UE dwar reklamar qarrieqi u ddaħħal standards
ġodda ta' l-UE kontra prattiċi kummerċjali aggressivi – li
jkopru fittaġni, sfurzar, influwenza żejda. Id-Direttiva għandha
l-għan li tagħti spinta lill-fiduċja tal-konsumatur u tan-negozju
fis-Suq Waħdieni biex in-nies jibbenefikaw bis-sħiħ minn xiri
transkonfinali. Sa llum huma biss 14-il Stat Membru li implimentaw id-direttiva.
Il-Kummissjoni nediet proċedimenti kontra Stati Membri li għadhom ma
adottaw ebda regoli nazzjonali.
Il-Kummissarju ta’ l-UE għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Meglena
Kuneva, qalet: "Prattiċi inġusti jisirqu lill-konsumaturi u jfixklu
s-swieq kompetittivi. Ma jista' jkun hemm ebda post fis-Suq Waħdieni ta'
l-Ewropa għal kummerċjanti li jagħmlu pressjoni fuq,
jagħmluha ta’ buli jew iqarrqu bin-nies, partikularment fil-Milied li
huwa l-iktar żmien bieżel tas-sena għax-xiri. Huwa għalhekk
li l-Ewropa qed tieħu l-inizjattiva; dawn huma wħud mir-regoli l-iktar
ebsin dwar bejgħ qarrieqi u bi pressjoni fid-dinja."
Ir-regoli l-ġodda
Hemm erba' elementi ewlenin fid-Direttiva l-ġdida:
- Klawżola Ġenerali: Klawżola ġenerali ta' influwenza
kbira tiddefinixxi prattiċi li huma inġusti u għalhekk
ipprojbiti.
- Prattiċi li jqarrqu (Azzjonijiet u Ommissjonijiet) u Prattiċi
Aggressivi – iż-żewġ kategoriji prinċipali ta'
prattiċi kummerċjali inġusti – huma definiti
fid-dettall.
- Salvagwardji għal konsumaturi vulnerabbli: Id-Direttiva għandha
dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li joffru prevenzjoni kontra
l-isfruttament ta' konsumaturi vulnerabbli.
- Lista Sewda: Lista sewda estensiva ta' prattiċi li huma projbiti
fiċ-ċirkustanzi kollha.
L-agħar
tużżana – il-Lista Sewda
Lista sewda estensiva telenka aktar minn 30 skema li
fiċ-ċirkustanzi kollha huma kkunsidrati inġusti.
Hija tinkludi "l-agħar tnax"-il skema li huma magħrufa sew li
jikkawżaw ħsara fost il-konsumaturi.
- 1. Reklamar li jservi ta' lixka: Iħajjar lill-konsumatur biex jixtri
minn kumpanija billi jkun reklamat prodott bi prezz baxx ħafna
mingħajr ma jkun hemm disponibbli stokk raġjonevoli.
- 2. Offerti "b'xejn" foloz: Billi joħolqu l-impressjoni falza ta'
offerti b'xejn billi jiddeskrivu prodott bħala "gratis", "b'xejn", "bla
ħlas" jew xi ħaġa simili jekk il-konsumatur ikollu jħallas
biss l-ispiża li ma tistax tkun evitata biex jirrispondi
għall-prattika kummerċjali u jiġbor jew iħallas
għall-kunsinna ta' l-oġġett.
- 3. Eżortazzjonijiet diretti għat-tfal biex jixtru prodotti
reklamati "Mur ixtri l-ktieb issa" jew biex jiffittaw lill-ġenituri
tagħhom jew adulti oħra "jiffittaw bis-saħħa" biex jixtru
għalihom prodotti reklamati "Għadu kemm ħareġ vidjo
ġdid bit-titlu Alice u l-ktieb maġiku minn Fondi – għid lil
ommok biex tiksbu mingħand tal-gazzetti lokali." Eżortazzjoni diretta
lit-tfal hija pprojbita għat-televiżjoni, il-lista sewda testendiha
lill-mezzi kollha tal-massa, l-aktar importanti għar-reklamar fuq
l-internet.
- 4. Dikjarazzjonijiet foloz dwar ħila fil-kura – minn
allerġiji għal telf ta' xagħar għal tnaqqis
fil-piż.
- 5. Artikli forma ta' reklami: Bl-użu ta' kontenut editorjali
fil-mezzi tal-massa biex jippromwovu prodott fejn il-kummerċjant ikun
ħallas għall-promozzjoni mingħajr ma jagħmel dan
ċar.
- 6. Skemi piramidi: Skema promozzjonali piramida fejn il-kumpens jinkiseb
primarjament mill-introduzzjoni ta' konsumaturi oħra fl-iskema milli
mill-bejgħ jew konsum ta' prodotti.
- 7. Rebħ ta' premji: Tinħoloq l-impressjoni falza li
l-konsumatur ikun rebaħ premju meta ma jkun hemm ebda premju jew jekk
tittieħed azzjoni biex jinġabar il-premju din tkun bil-kundizzjoni li
l-konsumatur iħallas il-flus jew jidħol fi spiża.
- 8. Impressjoni li tqarraq dwar drittijiet tal-konsumatur: Ikunu
ppreżentati drittijiet mogħtija bil-liġi lill-konsumaturi
bħala fattur distintiv tal-kummerċjant.
- 9. Offerti limitati: Ikun iddikjarat b'mod falz li prodott ikun
disponibbli biss għal żmien limitat ħafna biex il-konsumaturi
jiċċaħħdu minn opportunità biżżejjed biex
jagħmlu għażla infurmata.
- 10. Lingwaġġ tas-servizz ta' wara l-bejgħ: Impenn biex
ikun ipprovdut servizz ta' wara l-bejgħ lill-konsumaturi u dan is-servizz
ikun disponibbli biss b'lingwaġġ differenti mingħajr ma jkun
iddikjarat ċar qabel ma l-konsumatur jikkommetti ruħu
għat-tranżazzjoni.
- 11. Bejgħ bl-inerzja: Jintalab ħlas immedjat jew bi żmien
imtawwal għal jew ir-ritorn jew biex jinżammu prodotti fornuti
mill-kummerċjant, imma mhux mitlub mill-konsumatur.
- 12. Garanziji mifruxa ma' l-Ewropa li joħolqu l-impressjoni falza li
s-servizz ta' wara l-bejgħ b'rabta ma' prodott ikun disponibbli fi Stat
Membru barra dak li fih ikun mibjugħ il-prodott."
"B'xejn"
għandha tfisser b'xejn – Il-każ ta' M. Folċini mill-Italja
F'Settembru 2007, is-Sur Folcini ffirma fuq websajt għal indirizz
ġdid ta' l-e-mail. Huwa nnota li kien hemm kaxxa żgħira
fil-qiegħ ta' l-iskrin li kienet tgħid ħames testi b'xejn kuljum.
Huwa kklikkja fuqha u immedjatament ittieħed għal paġna oħra
li għal darb'oħra kienet tgħid, b'ittri kbar, 5 TESTI B'XEJN
KULJUM. Skond l-istruzzjonijiet li kien hemm, is-Sur Folcini ttajpja n-numru
tat-telefon ċellulari tiegħu, irċieva test b'messaġġ
b'password u ladarba dik il-password iddaħħlet fil-websajt,
intbagħat it-tieni test li infurmah li huwa issa kien irreġistrat u li
l-ħlas għas-servizz kien ta' tliet ewro kull ġimgħa. Huwa
mar lura biex jiċċekkja l-websajt u nnota li din tassew kienet
tgħid bi kliem irqiq ħafna li dan kien servizz bi ħlas.
Għal aktar tagħrif ara:
http://ec.europa.eu/consumers/rights/index_en.htm
http://ec.europa.eu/consumers/cons_int/safe_shop/fair_bus_pract/ucp_en.pdf