Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/1905

Brussell, 12 ta' Diċembru 2007

L-2010 se tkun is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali

Ilum il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat l-2010 bħala s-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali. Il-kampanja li se tiswa € 17-il miljun għandha l-għan li tafferma mill-ġdid l-impenn ta' l-UE li sa l-2010 tħalli impatt deċiżiv fuq l-eradikazzjoni tal-faqar.

"Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali hija waħda mill-miri ċentrali ta' l-UE u l-approċċ komuni tagħna kien għodda importanti biex jiggwida u jappoġġja l-azzjoni fl-Istati Membri,” qal il-Kummissarju għall-Affarijiet Soċjali Vladimir Špidla. ”Is-sena Ewropea se tmur pass 'il quddiem billi tqajjem għarfien fost il-pubbliku dwar il-mod kif il-faqar qed ikompli jirvina l-ħajja ta' kuljum ta' bosta Ewropej."

Tmienja u sebgħin miljun ruħ fl-UE – jew 16 % tal-popolazzjoni – bħalissa qed jgħixu f'riskju ta' faqar.

Is-Sena Ewropea 2010 għandha l-għan li tilħaq liċ-ċittadini ta' l-UE u lil kull parti pubblika, soċjali u ekonomika li hija interessata. L-erba' miri speċifiċi tagħha huma:

  • Ir-rikonoxximent tad-dritt tan-nies f’qagħda ta’ faqar u esklużjoni soċjali biex jgħixu f'dinjità u biex ikollhom parti sħiħa fis-soċjetà,
  • Iż-żieda fl-aċċettazzjoni pubblika ta’ linji politiċi ta' l-inklużjoni soċjali, b'enfażi fuq ir-responsabilità ta' kulħadd fit-trattament tal-faqar u l-emarġinazzjoni;
  • Soċjetà aktar koeżiva, fejn ħadd ma jiddubita li s-soċjetà kollha kemm hi tibbenefika mill-eradikazzjoni tal-faqar;
  • Impenn mill-atturi kollha, għaliex il-progress reali jeħtieġ sforz fuq medda twila ta' żmien li jinvolvi l-livelli kollha tal-governanza.

Data riċenti mill-Ewrobarometru turi li l-Ewropej jaraw il-faqar bħala problema mifruxa. Madwar l-UE, iċ-ċittadini jħossu li madwar wieħed minn kull tliet persuni (29 %) fiż-żona tagħhom jgħix fil-faqar u li wieħed minn kull għaxra jbati minn faqar estrem. Fl-Istati Membri kollha, parti mill-popolazzjoni hija soġġetta għal esklużjoni u tiċħid, b'kemm-il darba jiffaċċjaw aċċess limitat għal servizzi bażiċi. Dsatax fil-mija tat-tfal huma f'riskju ta' faqar madwar l-UE u li wieħed minn kull għaxra jgħixu f'familji fejn ħadd ma jaħdem.

Is-solidarjetà hija karatteristika ta' l-Unjoni Ewropea. Hija mira intrinsika ta' mudelli Ewropej ta' soċjetà u benefiċċji soċjali li n-nies ma għandhomx jinżammu lura milli jibbenefikaw minn u jikkontribwixxu għall-progress ekonomiku u soċjali. Il-bini ta' Ewropa aktar inklużiva huwa vitali għall-miri ta' l-Unjoni Ewropea lejn tkabbir ekonomiku sostnut, aktar impjiegi u aħjar u koeżjoni soċjali akbar.

Il-proċess Ewropew għal protezzjoni soċjali u inklużjoni soċjali jappoġġja lill-Istati Membri fil-ħidma tagħhom għal koeżjoni soċjali akbar fl-Ewropa permezz ta' metodu miftuħ ta' koordinazzjoni. U matul il-perjodu 2007-2013 madwar € 75 biljun se jitqassmu mill-Fond Soċjali Ewropew lill-Istati Membri u r-reġjuni.

Is-Sena Ewropea 2010 se taħbat mal-konklużjoni ta' l-istrateġija ta' 10 snin ta' l-UE għal tkabbir u impjiegi. L-azzjonijiet li se jsiru matul din is-Sena Ewropea se jaffermaw mill-ġdid l-impenn politiku tal-bidu li l-UE ħadet meta nbdiet l-istrateġija ta' Liżbona, fis-sena 2000, biex tagħmel "impatt deċiżiv fuq l-eradikazzjoni tal-faqar" sa l-2010. Is-Sena Ewropea se tniedi wkoll proċess li kien tħabbar fl-Aġenda Soċjali 2005-2010.

Fl-2007, l-UE kienet qed tiċċelebra s-Sena Ewropea ta' Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd. L-2008 se tkun is-Sena Ewropea għal Djalogu Interkulturali.

Aktar tagħrif
Proposta għal Deċiżjoni dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010):

http://ec.europa.eu/employment_social/news/2007/dec/antipoverty_1_en.pdf
Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni – L-Anness għall-Proposta – Stima ta' l-Impatt:

http://ec.europa.eu/employment_social/news/2007/dec/antipoverty_2_en.pdf
Soċjetà aktar koeżiva għal Ewropa aktar b'saħħitha / Il-proċess Ewropew għal protezzjoni soċjali u inklużjoni soċjali:


http://ec.europa.eu/employment_social/spsi/poverty_social_exclusion_en.htm Ewrobarometru Speċjali 279 – Faqar u esklużjoni – Settembru 2007 (X'jaħsbu ċ-ċittadini Ewropej dwar il-faqar u l-esklużjoni):


http://ec.europa.eu/employment_social/social_inclusion/studies_en.htm Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali (Ċifri prinċipali):

http://www.europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=MEMO/07/66&format=HTML&aged=1&language=EN&guiLanguage=en


Side Bar