Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/1862

Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2007

Il-Kummissjoni: Rapport tal-Qorti ta’ l-Awdituri jsaħħaħ il-każ għar-riforma fil-kontroll tas-sajd

Il-Kummissjoni Ewropea llum laqgħet ir-rapport ippubblikat mill-Qorti ta’ l-Awdituri dwar ġbir ta’ dejta, kontroll u infurzar fil-kuntest tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). Il-Kummissjoni kienet diġà ddeċidiet li r-reviżjoni tal-qafas ġuridiku tal-kontroll tal-PKS kellu jkun prijorità strateġika fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2008, u r-rapport tal-Qorti jsaħħaħ il-każ għal riforma maġġuri fil-politika ta' kontroll tal-PKS. Il-Qorti wettqet verifika estensiva f'dawn l-oqsma, li kienu jkopru kemm il-funzjonijiet tal-Kummissjoni stess, kif ukoll il-metodu ta’ l-implimentazzjoni tar-regoli tal-PKS mill-awtoritajiet tat-tmexxija tas-sajd f’sitt Stati Membri (id-Danimarka, Franza, l-Italja, l-Olanda, Spanja u r-Renju Unit). Il-mekkanizmi ta’ kontroll, ġbir ta’ dejta u infurzar tal-PKS jiġu implimentati fi Stati Membri fi ħdan qafas stabbilit fil-livell ta’ l-UE. Il-Qorti sabet xi nuqqasijiet sostenzjali f’dawn l-oqsma, u kkonkludiet li kienu suffiċjenti biex jipperikolaw il-funzjonament tajjeb ta' politika tat-tmexxija tas-sajd ibbażata fuq limitazzjoni tal-qabdiet. Il-Kummisssjoni, b’mod ġenerali, taqbel mal-konklużjonijiet tal-Qorti, li jsostnu il-pożizzjoni tagħha li r-Riforma tal-PKS ta' l-2002 ma kinitx biżżejjed f'dawn l-oqsma. Il-Kummissjoni diġà pproponiet leġiżlazzjoni li għandha ssolvi xi wħud mill-problemi li l-Qorti tenfasizza, b’mod partikolari fil-qasam ta’ ġbir ta’ dejta. Il-Kummissjoni issa beħsiebha taħdem ma’ l-Istati Membri u dawk kollha involuti biex tindirizza l-kwistjonijiet li baqa’, u biex tiżgura li l-PKS tipprovdi qafas verament sostenibbli għas-sajd Ewropew.

Il-Kummissarju Ewropej għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, Joe Borg, ikkumenta: "Ir-Rapport tal-Qorti ġie f'mument propizju. Il-Kummissjoni beħsiebha tfassal Regolament ġdid dwar Kontroll tas-Sajd fl-aħħar sitt xhur ta' l-2008. Il-biċċa l-kbira tal-konklużjonijiet tal-Qorti huma kważi l-istess bħall-analiżi tagħna stess. Il-Kummissjoni issa ser taħdem ma’ l-Istati Membri fil-Kunsill u dawk kollha involuti, skond il-konklużjonijiet tal-Qorti, biex twaqqaf qafas ta’ kontroll għall-PKS li jiffunzjona tajjeb.”Ir-Riforma ta’ l-2002 tal-PKS kienet immirata lejn il-ħtieġa ta’ immodernizzar u tisħiħ tal-qafas regolatorju sabiex issir verament adattata għall-iskop tagħha, u l-Kummissjoni, minn dak in-nhar, għamlet bosta proposti fl-oqsma speċifiċi indirizzati mill-Qorti ta’ l-Awdituri. Xi wħud mill-problemi tekniċi tal-ġbir ta’ dejta u tat-tmexxija li r-Rapport enfasizza ġew indirizzati fir-regolament adottat reċentement dwar sistemi elettroniċi ta' rrapurtar. L-impenn tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi għodod ta’ kontroll u ta’ infurzar xierqa joħroġ mir-Regolament adottat dan l-aħħar dwar sajd illegali, li mhux iddikjarat u mhux irregolat (IUU), li jiġġeneralizza l-prinċipju ta’ kontroll ‘mix-xibka sal-platt’.

Il-Qorti ta’ l-Awdituri għandha teżamina l-oqsma speċifiċi ta’ ġbir ta’ dejta, spezzjoni u infurzar taħt il-PKS, għaliex identifikathom bħala essenzjali għall-funzjoni tajba ta’ kwalunkwe politika tat-tmexxija tas-sajd ibbażata fuq limitazzjonijiet tal-qabdiet.

Il-Qorti kkonkludiet b’mod partikolari li:

  • Dejta dwar sajd miġbura fi Stati Membri mhijiex affidabbli u kompleta, u hija inadegwata bħala bażi biex jiġu stabbiliti Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) u kwoti;
  • il-proċeduri nazzjonali ta’ spezzjonar għas-sejbien u l-prevenzjoni ta' l-infrazzjonijiet mhumiex effettivi; kif ukoll
  • il-penali imposti minn awtoritajiet nazzjonali meta jindunaw b’xi infrazzjoni mhumiex onerużi biżżejjed biex ikunu ta’ deterrent.

Il-Qorti tirrimarka wkoll li l-Kummissjoni ma għandhiex il-poteri biex tagħmel pressjoni f’waqtha u perswassiva fuq Stati Membri meta dawn jonqsu li jirrispettaw l-obbligi tagħhom tal-PKS, u l-mezzi għall-verifikar effettiv d-dejta mogħtija mill-Istati Membri b’mod effettiv, u biex tevalwa l-prestazzjoni ta’ l-ispezzjoniet tagħhom.

Il-Qorti tikkonkludi li mingħajr funzjoni xierqa ta’ ġbir ta’ dejta, kontroll u infurzar, se jkun impossibbli li timplimenta politika effettiva bbażata fuq limitazzjonijiet ta’ qabdiet.

Ġeneralment il-Kummissjoni tilqa’ l-konklużjonijiet tar-rapport, li huwa b’mod ġenerali fuq l-istess linji ta’ l-analiżi tagħha stess tan-nuqqasijiet tal-PKS f’dawn l-oqsma. Bosta min-nuqqasijiet identifikati mill-Qorti fir-Rapport setgħu ġew indirizzati li kieku l-Kummissjoni kellha l-poteri li taġixxi b’mod effettiv f’dawn l-oqsma.

Il-Qorti targumenta wkoll li l-kapaċità żejda fil-flotta ġġib sajd żejjed u nuqqas ta' rrapurtar, u jiddispjaċiha illi l-Riforma tal-PKS ħalliet ir-responsabbiltà ta’ tnaqqis tal-kapaċità fuq l-Istati Membri. Il-Kummissjoni temmen li inċentivi biex titnaqqas il-kapaċità żejda għandhom jkunu fil-livell ta’ l-UE f’forma ta' appoġġ finanzjaru għal skemi ta’ dekommissjonar u li l-politika ta’ qabel ta’ kontroll tal-kapaċità tas-sajd uriet li kienet ineffettiva.

It-tibdil drastiku tar-Regolament tal-Kontroll tal-PKS huwa skedat bħala prijorità fl-2008, u l-Kummissjoni se tkompli tirrifletti f’termini iżjed ġeneriċi dwar kif ir-Riforma ta’ l-2002 għandha titkompla.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website