Navigation path

Left navigation

Additional tools

Politika ta' Viċinat Ewropea b'Saħħitha - jinħtieġu aktar sforzi

European Commission - IP/07/1843   05/12/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/07/1843

Brussell, il-5 ta' Diċembru 2007

Politika ta' Viċinat Ewropea b'Saħħitha - jinħtieġu aktar sforzi

Sforzi ulterjuri min-naħa ta' l-UE huma meħtieġa biex jitwettqu l-proposti li diġà kienu saru biex tissaħħaħ il-Politika Ewropea ta' Viċinat (PEV). Komunikazzjoni ġdida mill-Kummissarju għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Politika Ewropea ta' Viċinat, Benita Ferrero-Waldner, tistabbilixxi x'azzjonijiet jeħtiġilhom jieħdu l-Istati Membri u l-Kummissjoni, partikolarment fis-setturi tal-kummerċ, il-mobilità u l-ġestjoni tal-konflitti ffriżati fil-viċinat ta' l-UE. Għadd ta' azzjonijiet huma previsti għall-2008 biex ir-riformi settorjali fil-pajjiżi tal-viċinat jiġu rinfurzati. Komunikazzjoni oħra li għandha toħroġ fir-Rebbiegħa li ġejja ser tindirizza l-prestazzjoni ta' l-imsieħba tal-viċinat, flimien ma' rapporti ta' progress dwar kull pajjiż.

Il-Kummissarju Ferrero Waldner qalet: "Issa ninsabu fil-fażi ta' implimentazzjoni tal-Politika ta' Viċinat. Din hija inizjattiva ta' sjieda konġunta, u l-implimentazzjoni tagħha teħtieġ azzjoni miż-żewġ naħat, mill-UE u mill-ġierien tagħha. Il-Komunikazzjoni li ħarġet illum tistabbilixxi fejn hu meħtieġ li jsiru sforzi ulterjuri mill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-wegħdiet li saru lil sħabna jitwettqu, u li l-inċentivi għar-riforma li offrejna huma konkreti, kredibbli u rilevanti għall-ħtiġiet tagħhom".

Il-Kummissjoni ffissat l-għanijiet li ġejjin għas-sena 2008 u lilhinn minnha:

  • Impenn politiku akbar biex titkabbar l-integrazzjoni ekonomika u jittejjeb l-aċċess għas-suq. Il-Komunikazzjoni tappella lill-Istati Membri biex jappoġġjaw in-negozjati kurrenti fis-settur agrikolu, b'mod partikolari billi jillimitaw l-għadd ta' prodotti esklużi minn liberalizzazzjoni sħiħa.
  • L-iffaċilitar ta' vjaġġar leġittimu għal terminu ta' żmien qasir, u kif ukoll l-iżviluppar aktar ambizzjuż għat-tul fir-rigward tas-settur tal-migrazzjoni ġestita. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jadottaw il-"pakkett" tagħha dwar il-viżi, u biex jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet skond ir-regoli eżistenti biex l-ivvjaġġar ikun iffaċilitat.
  • Ingaġġ ulterjuri ma' l-imsieħba tal-PEV għall-ġestjoni tal-kunklitti ffriżati permezz ta' l-użu tal-firxa sħiħa ta' strumenti li l-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha, biex iż-żoni ta' konflitti u ż-żoni ta' wara l-konflitti jiġu stabilizzati.
  • Appoġġ Komunitarju intensifikat għar-riformi settorjali tal-pajjiżi msieħba f'setturi bħal: l-enerġija, il-bidla fil-klima, is-sajd, it-trasport, il-politika marittima, ir-riċerka, is-soċjetà ta' l-informazzjoni, l-edukazzjoni, l-impjieg u l-politika soċjali.

Minn meta ħarġet il-Komunikazzjoni li pproponiet miżuri biex tissaħħaħ il-PEV, għadd ta' elementi ssuġġeriti dakinhar diġà ġew implimentati:

  • Il-Kummissjoni llum iddeċidiet dwar l-ewwel allokazzjoni tagħha ta' €50 miljun lill-Fond ta' Investimenti għall-Politika ta' Viċinat li ser tiġi impenjata sa l-aħħar ta' din is-sena. Uħud mill-Istati Membri diġà esprimew l-intenzjoni tagħhom biex jikkontribwixxu għal dan il-Fond. L-operazzjoni tal-Fond ser tibda fl-2008.
  • L-ewwel allokazzjonijiet saru taħt il-Fond għall-Governanza l-ġdid, li jipprovdi appoġġ addizzjonali lill-pajjiżi msieħba li rreġistraw l-akbar progress fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet fit-tmexxija pubblika fil-pjani ta' azzjoni tagħhom. Il-Marokk (€28 miljun) u l-Ukraina (€22 miljun) huma l-ewwel benefiċjarji.
  • Tnediet is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed biex tipprovdi dimensjoni reġjonali għall-Viċinat tal-Lvant.
  • Jinsabu għaddejjin negozjati ma' l-Iżrael, il-Marokk u l-Ukraina biex ikun possibbli għal dawn il-ġirien li jipparteċipaw fi programmi u aġenziji Komunitarji. L-iffirmar imminenti tal-Protokoll ma' l-Iżrael ser jippermetti li dan il-pajjiż isir l-ewwel imsieħeb fil-PEV li jipparteċipa fil-Programm ta' Kompetittività u Innovazzjoni.
  • Il-Politika Ewropea ta' Viċinat, partenarjat għar-riforma ma' pajjiżi ġirien fin-Nofsinhar u l-Lvant, diġà kellha riżultati tanġibbli u konkreti[1]. Il-PEV ippermettiet li jitqabbdu għeruq b'saħħithom fir-relazzjonijiet ta' l-Unjoni ma' wħud mill-ġirien qariba tagħha (l-offerta ta' l-UE hija diretta lejn l-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Moldova, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana, is-Sirja, it-Tuneżija u l-Ukraina)[2], skond il-prinċipju tad-differenzazzjoni li jippermetti lil dawk li jixtiequ li jingaġġaw ma' l-UE b'mod aktar b'saħħtu jagħmlu dan.

Il-PEV tmur lilhinn mill-kooperazzjoni politika klassika billi tinkludi elementi ta' integrazzjoni ekonomika, u kif ukoll sostenn għar-riformi biex tistimula l-iżvilupp ekonomiku u soċjali. L-istrumenti biex jinkisbu dawn ir-riformi huma l-Pjani ta' Azzjoni li dwarhom hemm qbil komuni skedati għal matul 3 sa 5 snin b'impenji preċiżi għall-promozzjoni tal-modernizzazzjoni ekonomika, it-tisħiħ ta' l-istat tad-dritt, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-kooperazzjoni fil-ksib ta' l-għanijiet ewlenin fis-settur tal-politika barranija.
ENP Stockshots:

http://ec.europa.eu/avservices/video/video_prod_en.cfm?ref=054745
Għal aktar tagħrif dwar il-PEV ara
http://ec.europa.eu/world/enp/index_en.htm


[1] Ara MEMO/07/548

[2] Mhumiex koperti l-pajjiżi ta' l-EFTA/EEA (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera), il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali (il-Kroazja, l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija, l-Albanija, il-Bożnja-Ħerżegovina, il-Montenegro, is-Sebja inkluż il-Kosovo) u r-Russja.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website