Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/1809

Brussell, 29 ta' Novembru 2007

Il-Kummissjoni tilqa' l-bidu ta' era ġdida għall-mezzi awdjoviżivi ta' l-Ewropa

Illum il-Parlament Ewropew approva formalment mingħajr emendi l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar id-Direttiva l-ġdida tas-Servizzi tal-Mezzi Awdjoviżivi bla fruntieri. Id-Direttiva timmodernizza r-regoli għall-industrija awdjoviżiva u toffri qafas legali komprensiv li jkopri s-servizzi kollha tal-mezzi awdjoviżivi - inklużi servizzi mogħtija skond il-gosti ta' l-utent. Regoli inqas dettaljati, aktar flessibbli u orjentati lejn il-futur dwar riklami televiżivi għandhom jippermettu li l-kontenut awdjoviżiv ikun finanzjat aħjar. L-Istati Membri issa għandhom sentejn sabiex jagħmlu d-Direttiva liġi nazzjonali.

"Illum qed jisbaħ jum ġdid għall-industrija tas-servizzi awdjoviżivi konverġenti ta' l-Ewropa," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju Ewropew għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u l-Mezzi tax-Xandir. "B'dawn ir-regoli modernizzati li jtejbu ċ-ċertezza legali u jikkonfermaw mill-ġdid il-prinċipju tal-pajjiż ta' stabbiliment, il-politiki awdjoviżivi ta' l-Ewropa għandhom jilħqu b'mod aħjar it-talbiet ta' industrija dinamika u li timxi b'rata mgħaġġla filwaqt li jippreservaw standards għolja ta' protezzjoni tal-konsumatur. Għandu jkun hemm inqas regolamenti, finanzjament aħjar għall-kontenut u viżibilità aqwa għad-diversità kulturali u l-protezzjoni ta' minuri."

Id-Direttiva l-ġdida dwar is-Servizzi tal-Mezzi Awdjoviżivi bla fruntieri, għandha tippermetti lis-settur awdjoviżiv jaffronta t-tibdil profond li għandu quddiemu sabiex jakkomoda l-iżviluppi teknoloġiċi u l-iżviluppi tas-suq, kif ukoll id-drawwiet li qed jinbidlu ta' l-ispettaturi b'riżultat tal-konverġenza. Hija ssegwi l-ftehim politiku ta' Mejju bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-miri u d-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva (ara IP/07/706), bħalma huwa ambitu ġdid li jkopri s-servizzi kollha tal-mezzi awdjoviżivi, regoli aktar flessibbli tar-riklami, qafas legali għat-tqegħid fis-suq tal-prodott, drittijiet ġodda għal ċittadini u l-protezzjoni ssuktata ta' valuri Ewropej ewlenin. Id-Direttiva hija koerenti ma' inizjattivi oħra reċenti tal-Kummissjoni bħalma hija l-istrateġija Ewropea proposta fuq it-televiżjoni portabbli, il-pjan li jiġu mmassimizzati l-benefiċċji ta' l-ishma diġitali u l-programm il-ġdid ta' sostenn MEDIA 2007. Il-proċess li ġej ta' diskussjoni u proposti dwar Kontenut Onlajn Kreattiv għandu wkoll jissuplementa l-progress li sar permezz tad-Direttiva l-ġdida.

L-Istati Membri se jingħataw 24 xahar sabiex jikkonvertu r-regoli ġodda f'liġi nazzjonali, sabiex japplikawhom kompletament fl-2009. Il-Kummissarju Reding dan l-aħħar talab (ara SPEECH 07/560) lill-Istati Membri sabiex jimxu bi traspożizzjoni "sottili" tad-Direttiva jiġifieri ma jżidux ħafna dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti, li jostakolaw lill-industriji awdjoviżivi tagħhom milli jibbenefikaw kompletament mil-libertà li ġġib magħha d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Mezzi Awdjoviżivi bla fruntieri.

Sfond:

Fit-13 ta' Diċembru 2005, il-Kummissjoni pproponiet li ssir reviżjoni tad-Direttiva "Televiżjoni Bla Fruntieri" sabiex jiġu indirizzati żviluppi sinifikanti teknoloġiċi u tas-suq fis-settur tas-servizzi awdjoviżivi (ara IP/05/15733 u MEMO/06/208). Fid-9 ta' Marzu 2007 l-Kummissjoni adottat proposta aġġornata għal abbozz modernizzat tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Mezzi Awdjoviżivi (ara IP/07/311) sabiex tħejji t-triq għal dan il-ftehim bikri tat-tieni qari tagħha mill-Parlament u mill-Kunsill (ara MEMO/07/206).

It-test tad-Direttiva:

http://ec.europa.eu/avpolicy/reg/tvwf/modernisation/proposal_2005/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website