Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-Sitt Rapport dwar it-tħejjijiet prattiċi għall-euro: countdown għal Ċipru u Malta

European Commission - IP/07/1769   27/11/2007

Other available languages: EN FR DE EL

IP/07/1769

Brussell, is-27 ta' Novembru 2007

Is-Sitt Rapport dwar it-tħejjijiet prattiċi għall-euro: countdown għal Ċipru u Malta

Hekk kif fadal biss ħames ġimgħat qabel ma Ċipru u Malta jadottaw l-euro, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni finali ta' l-istat tat-tħejjijiet prattiċi għall-bidla fil-munita fiż-żewġ pajjiżi. Il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żewġ Stati Membri huma mħejjija sewwa għall-introduzzjoni ta' l-euro.

"Malta u Ċipru sejrin jadottaw l-euro f'Jannar 2008, anqas minn erba' snin wara li daħlu fl-UE. Din hija xi ħaġa li l-popli ta' Ċipru u Malta jistgħu jkunu kburin biha, għaliex sejrin isiru parti mill-akbar żona monetarja fid-dinja żviluppata, żona li biha gawdejna perjodu itwal minn qatt qabel ta' stabbiltà fil-prezzijiet u kundizzjonijiet favorevoli ta' finanzjament, sew għall-individwi kif ukoll għall-azjendi", qal Joaquin Almunia, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji. Żied jgħid: "Dan il-pass importanti jeħtiġilhom jidħlu għalih bil-kunfidenza kollha, imma wkoll b'għajnejhom miftuħin beraq biex jiżguraw li jkunu għal kollox midħla tal-munita l-ġdida u li kapaċi jindunaw b’kwalunkwe abbuż u jilqgħulu. L-awtoritajiet pubbliċi jeħtiġilhom ukoll ikunu attenti u jsegwu politika li tkompli tagħti riżultati ta' stabbiltà ekonomika bħala prerekwiżit għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' l-impjiegi.”

Illum il-Kummissjoni adottat is-sitt rapport dwar it-tħejjijiet prattiċi għat-tkabbir taż-żona ta' l-ewro. Qed tiffoka fuq Ċipru u Malta, li sejrin jadottaw l-euro f'Jannar 2008. Id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż mar-rapport jittratta l-istat tat-tħejjijiet fil-pajjiżi l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea li għad iridu jadottaw l-euro.

Ċipru

B'ħames ġimgħat biss quddiemna qabel l-1 ta' Jannar, it-tħejjijiet għall-introduzzjoni ta' l-euro f'Ċipru mxew ħafna 'l quddiem, u l-pajjiż jidher li huwa mħejji sewwa.

Maġġoranza (60%) tal-muniti ta' l-euro ordnati minn Ċipru waslu f'nofs Ottubru, bil-bqija mistennija li jaslu sa l-aħħar ta' dan ix-xahar. Il-muniti Ċiprijotti pproduċiethom iz-Zekka tal-Finlandja, wara sejħa pubblika għall-offerti.

L-ammont meħtieġ ta' karti tal-flus ta' l-euro wkoll waslu fil-bank ċentrali matul Ottubru. B'differenza mill-muniti ta' l-euro, li jipproduċihom kull pajjiż fiż-żona ta' l-euro, il-karti tal-flus jiġu mislufa temporanjament minn stokk komuni eżistenti.

It-twassil minn qabel ta' flus euro lill-banek kummerċjali beda fit-22 ta' Ottubru għall-muniti, u fid-19 ta' Novembru għall-karti tal-flus. Il-Bank Ċentrali ta' Ċipru jistima li s-settur bankarju qabel Jannar sejjer jirċievi madwar 80% tal-valur tal-karti tal-flus ta' l-euro meħtieġ għall-ekonomija nazzjonali. Il-valur ekwivalenti fil-muniti huwa 64%.

Il-banek imbagħad sejrin jipprovdu l-flus kontanti ta' l-euro lill-bejjiegħa bl-imnut qabel Jannar, ħalli jkunu jistgħu jagħtu l-bqija esklussivament fl-euro sa mill-ewwel ġurnata. Total ta' 40 000 sett ippakkjat minn qabel ta' muniti ta' l-euro għall-azjendi (kull wieħed b'valur ta' €172) u 250 000 sett iżgħar għall-pubbliku ġenerali (kull wieħed b'valur ta' €17.09) se jkunu offerti mit-3 ta' Diċembru.

Talanqas 70% ta' l-550 ATM tal-banek se jkunu lesti biex iqassmu l-flus kontanti fl-euro sa mis-siegħa ta' filgħodu fl-1 ta' Jannar, bil-bqija mistennija jinqalbu għall-euro sat-tmiem l-istess jum.

Il-Bank Ċentrali ta' Ċipru stima li hemm bżonn aktar minn 60 miljun karta tal-flus ta' l-euro (b'valur ta' €1.2 biljun) u 395 miljun munita ta' l-euro (b'valur ta' €100.26 miljun). Ir-Repubblika ta' Ċipru kellha popolazzjoni ta' 776 684 fil-bidu ta' l-2007.

Stħarriġ riċenti ta' l-opinjoni indika li l-impriżi Ċiprijotti huma ppreparati sewwa għall-bidla, u li ma kellhom l-ebda problema sinifikanti matul it-tħejjijiet tagħhom.

Imma l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali dwar il-bidla għall-euro għadha mħallta. Total ta' 67% jħossu li huma infurmati 'x'aktarx tajjeb' jew 'tajjeb ħafna' dwar l-euro, skond stħarriġ ta' l-Eurobarometer li sar f'Settembru. Dan jirrappreżenta żieda ta' 14-il punt perċentwali mqabbel ma' stħarriġ li sar f'April din is-sena. Dan huwa r-riżultat ta' aktar sforzi ta' komunikazzjoni. Imma kważi tliet kwarti ta' dawk li rrispondew jibżgħu li jkun hemm żidiet fil-prezzijiet fl-okkażjoni tal-bidla. L-awtoritajiet Ċiprijotti komplew isaħħu l-miżuri bil-għan li jqawwu l-kunfidenza fost il-konsumaturi: madwar 7 130 impriża, inkklużi bejjiegħa kbar bl-imnut, issieħbu fil-Kodiċi dwar Prezzijiet Ġusti li l-gvern varah f'Lulju 2007. It-turija tal-prezz biż-żewġ muniti, li ilu obbligatorju minn Settembru, huwa ssorveljat minn ħames Osservatorji ta' l-Euro. Il-Ministeri tal-Finanzi, tal-Kummerċ u ta' l-Industrija wkoll jissorveljaw il-prezzijiet, f'kooperazzjoni ma' l-uffiċċju ta' l-istatistika u l-assoċjazzjoni tal-konsumaturi.

Malta

Malta kompliet tirfina u tikkompleta t-tħejjijiet prattiċi tagħha u tidher li hija mħejjija sewwa għall-euro.

It-twassil minn qabel tal-flus kontanti ta' l-euro lill-banek beda f'nofs Settembru, wara li l-Bank Ċentrali ta' Malta rċieva l-muniti li kienu ordnati mingħand il-Monnaie de Paris, iz-zekka Franċiża.

Skond l-istimi tal-Bank Ċentrali, biex tinbidel il-lira Maltija hemm bżonn ta' 41.51 miljun karta tal-flus ta' l-euro (b'valur ta' €799 miljun) u 140 miljun munita ta' l-euro (b'valur ta' €39.29 miljun). Malta kellha popolazzjoni ta' 407 810 fil-bidu ta' l-2007.

Madwar 92.5 % tal-karti tal-flus sejrin jiddaħħlu fl-ekonomija Maltija u madwar 71 % tal-muniti ta' l-euro sejrin jiġu pprovduti lill-banek qabel Jannar: 33 000 sett ippakkjat minn qabel ta' muniti ta' l-euro għall-azjendi (kull wieħed b'valur ta' €131) u 330 000 sett iżgħar għaċ-ċittadini (kull wieħed b'valur ta' €11.65) se jkunu disponibbli mill-banek mill-bidu ta' Diċembru 2007.

Filwaqt li l-impriżi jidhru li huma mħejjija sewwa, għad hemm madwar żewġ terzi tal-popolazzjoni Maltija (65%) li wkoll jibżgħu li jkun hemm żidiet fil-prezzijiet fl-okkażjoni tal-bidla. L-awtoritajiet komplew jimplimentaw sett komprensiv ta' miżuri biex jindirizzaw dawn il-biżgħat. Dawn jinkludu l-inizjattiva dwar il-prezzijiet FAIR, li taħtha aktar minn 6 500 negozju (li jirrappreżentaw madwar 80% tal-ħwienet bl-imnut) impenjaw irwieħhom li ma jżidux il-prezzijiet ta' l-oġġetti u tas-servizzi "minħabba li tkun għaddejja bidla fil-munita". Din l-inizjattiva jikkumplementawha Ftehimiet dwar l-Istabbilità fil-Prezzijiet, konklużi ma' importaturi u manufatturi kbar.

L-Isfond

L-inflazzjoni fiż-żona ta' l-euro niżlet għal madwar medja ta' 2% minn nofs id-Disgħinijiet, hekk kif l-ekonomiji tal-pajiżi ta' l-UE li varaw l-euro – l-ewwel permezz ta' l-iffriżar tar-rati tal-kambju bilaterali fl-1999, u mbagħad permezz tal-flus kontanti ta' l-euro fl-2002 – ikkonverġew minn medja ta' 5% fil-bidu tad-Disgħinijiet. Anke wara li seħħew ir-restrizzjonijiet riċenti tal-kreditu, ir-rati ta' l-interess għadhom baxxi meta mqabbla ma' valuri fl-imgħoddi.

L-2008 sejra timmarka t-tieni tkabbir taż-żona ta' l-euro mill-2002 'l hawn. Is-Slovenja adottat il-munita unika fl-2007.
Għal aktar dettalji dwar it-tħejjijiet prattiċi għall-intorduzzjoni ta' l-euro f'Ċipru u Malta, kif ukoll f'pajjiżi oħra ta' l-UE, ara r-rapport u d-dokument ta' ħidma tal-persunal fl-indirizz:

http://ec.europa.eu/economy_finance/index_en.htm
Għall-Eurobarometer ikkonsulta:

http://ec.europa.eu/public_opinion/euro_en.htm

Għat-tħejjijiet nazzjonali għall-bidla, ara:
Ċipru:

http://www.euro.cy/euro/euro.nsf/dmlindex_en/dmlindex_en?opendocument
Malta:

http://www.euro.gov.mt/default.aspx


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website