Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/1766

Brussell, 26 ta' Novembru 2007

L-ambjent: Tidħol fis-seħħ id-Direttiva dwar il-ġestjoni tar-riskji mill-għargħar

Id-Direttiva l-ġdida dwar il-ġestjoni tar-riskji mill-għargħar li dieħla fis-seħħ illum għandha l-għan li jitnaqqsu r-riskji u l-konsegwenzi negattivi ta' l-għargħar fl-Unjoni Ewropea. Id-direttiva tirrikjedi li l-ġestjoni tar-riskji mill-għargħar tkun innegozjata bejn fruntiera u oħra u fiha impenji importanti biex tiżdied it-trasparenza u tinvolvi ċ-ċittadini. L-Istati Membri issa huma obbligati jidentifikaw baċiri tax-xmajjar u żoni kostali assoċjati, li huma mhedda mill-għargħar, u li jħejju mapep taż-żoni b'riskju mill-għargħar kif ukoll pjanijiet ta’ ġestjoni għal dawn iż-żoni.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Stavros Dimas, qal: "Huwa importanti li l-Istati Membri jipprevjenu l-għargħar u jipproteġu żoni li x'aktarx ikunu affetwati minn avvenimenti bħal dawn. Huwa wkoll vitali li ċ-ċittadini Ewropej ikunu mħejjija għall-okkorrenza potenzjali ta' l-għargħar. Din il-leġiżlazzjoni importanti tobbliga lill-Istati Membri jivvalutaw ir-riskji mill-għargħar, biex jinfurmaw liċ-ċittadini f'żoni li potenzjalment jistgħu jiġu affetwati u sabiex jinvolvuhom fil-proċess ta' l-ippjanar."

L-effetti ta' l-għargħar fl-Ewropa

Minkejja li l-għargħar jista' jkollu rwol naturali biex l-ekosistemi jingħataw ħajja ġdida, jista’ wkoll jikkawża ħsarat ambjentali kbar. It-tniġġis li jiġi ttrasportat mill-ilmijiet ta' l-għargħar jista' jgħaddi għal żoni minn fejn jinġibed l-ilma tax-xorb u għargħar kbir jista’ jkollu effetti katastrofiċi fuq ekosistemi żgħar.

Mill-1998, l-Ewropa batiet aktar minn 100 għargħar kbir, inklużi dawk max-xmajjar tad-Danubju u l-Elbe fis-sajf ta' l-2002. L-għargħar suċċessiv ta' l-2005 u l-2007 ikkonferma kemm l-Ewropa qed tkun dejjem aktar suxxettibbli għall-għargħar u saħħaħ il-ħtieġa għall-azzjoni. Mill-1998, l-għargħar fl-Ewropa kkawża aktar minn 700 mewta, wassal għaċ-ċaqliq ta' aktar minn nofs miljun ruħ u għal ħsarat ta' aktar minn €25 biljun.

Filwaqt li l-għargħar huwa fenomenu naturali, jista’ jseħħ aktar ta’ spiss minħabba l-attività tal-bnedmin bħall-iżvilupp ta' l-art u t-tibdil fil-klima. . Bil-miżuri ta' prevenzjoni xierqa, ir-riskju ta' għargħar jista' jitnaqqas u l-impatti tiegħu jiġu minimizzati.

Proċess fi tliet stadji

Din id-Direttiva l-ġdida[1] hija żieda importanti mal-leġiżlazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam ta' l-ilma, u tfasslet b'ċerta reqqa biex tkun kompatibbli mad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma (WFD). Tapplika għat-tipi kollha ta' għargħar, sew jekk joriġinaw minn xmajjar u għadajjar, f'żoni urbani u kostali, inkella li jirriżultaw minn flussi kbar ta' ilma minħabba l-maltemp u t-tsunami.

Fl-Istati Membri l-implimentazzjoni għandha ssir fi tliet stadji, li jibdew minn valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar mill-baċir tax-xmara u ż-żoni kostali assoċjati, li għandha ssir sa l-2011.

Dan għandu jiġi segwit mill-iżvilupp sa l-2013 ta' mapep ta' żoni fil-periklu u fir-riskju mill-għargħar. Il-mapep għandhom jidentifikaw żoni b'riskju għoli, b'riskju medju u b'riskju baxx, inklużi dawk iż-żoni fejn l-okkorrenzi ta' l-għargħar jitqiesu bħala avvenimenti estremi. Il-mapep ikollhom ukoll jinkludu dettalji bħall-fond ta' l-ilma mistenni, l-attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jintlaqtu, l-għadd ta' abitanti mhedda u l-ħsara ambjentali potenzjali.

Fl-aħħar stadju, l-Istati Membri huma meħtieġa jipproduċu pjanijiet għall-immaniġġjar tar-riskji ta' l-għargħar sa l-2015. Dawn il-pjanijiet għandhom jinkludu miżuri biex titnaqqas il-probabbiltà ta' l-għargħar u l-konsegwenzi tiegħu. Dawn il-miżuri għandhom jiffokaw fuq prassi ta' użu insostenibbli ta' l-art billi jiskoraġixxu, pereżempju, il-bini f'żoni suxxettibbli għall-għargħar. Dawn il-pjanijiet jeħtieġ li jkopru wkoll il-protezzjoni ta' żoni suxxettibbli għall-għargħar mill-probabilità ta' l-għargħar u t-tnaqqis ta' l-impatt potenzjali permezz tar-restawr tal-pjanuri ta' l-għargħar u ż-żoni mistagħdra. Aspett importanti ieħor tal-pjanijiet tal-ġestjoni ta' l-għargħar huwa l-ħtieġa tat-tħejjija tal-pubbliku fil-każ ta' l-għargħar.

Valutazzjonijiet tar-riskju ta' l-għargħar naturalment għandhom jiġu riveduti u adattati fid-dawl ta' l-effetti tat-tibdil tal-klima u l-intensità u l-frekwenza ta' l-għargħar fil-medda t-twila.

It-trasparenza u l-involviment taċ-ċittadini huma aspetti importanti tad-direttiva l-ġdida. L-Istati Membri huma obbligati jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku il-valutazzjonijiet preliminari tar-riskji, il-mapep u l-pjanijiet ta' ġestjoni. It-tħejjijiet għall-pjanijiet ta' l-immaniġġjar tar-riskji għandhom jitwettqu f'koordinazzjoni mal-parteċipazzjoni pubblika fil-pjanijiet ta' l-immaniġġjar tal-baċili tax-xmajjar fi ħdan id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma.

Skond id-Direttiva, l-Istati Membri f'baċiri tax-xmajjar komuni huma obbligati jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ma' Stati Membri oħra jew pajjiżi li mhumiex ta' l-UE u huma meħtieġa li ma jwettqux attivitajiet li x'aktarx iżidu r-riskji ta' għargħar aktar 'il fuq jew aktar 'l isfel mix-xmara sakemm ma jkunx intlaħaq qbil dwar dan ma' l-Istat Membru affettwat.
Aktar tagħrif dwar il-ġestjoni tar-riskji mill-għargħar u dwar il-politika ta' l-ilma ta' l-UE jinsab fuq:
http://ec.europa.eu/environment/water/flood_risk/index.htm


[1] Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/60/KE tal-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji ta’ l-għargħar (Ġurnal Uffiċjali L 288, 6.11.2007, p.27)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website