Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/07/1750

Brussell, it-22 ta' Novembru 2007

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi pjan biex taċċelera t-teknoloġiji ta' l-enerġija għal ġejjieni b'emissonjonijiet baxxi tal-karbonju

It-teknoloġiji ta' l-enerġija se jkunu essenzjali sew biex jirnexxielna niġġieldu kontra t-tibdil fil-klima kif ukoll biex niżguraw provvista ta' l-enerġija għad-dinja u għall-Ewropa. L-ilħiq tal-miri Ewropej għall-2020 u l-2050 rigward l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija se jirrikjedi azzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija, standards, mekkaniżmi ta' appoġġ u l-ipprezzar ta' l-emissjonijiet tal-karbonju. Se jirrikjedi wkoll l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji ġodda u aktar effiċjenti. Għaldaqstant hemm bżonn sforz sinifikanti ta' riċerka. Il-potenzjal ta' l-Ewropa biex tiżviluppa ġenerazzjoni ġdida ta' teknoloġiji dekarbonizzati ta' l-enerġija, bħalma huma dawk tar-riħ 'il barra mix-xtut, dik solari jew inkella dawk tal-bijomassa tat-tieni ġenerazzjoni, huwa enormi. Madankollu, ir-riċerka dwar l-enerġija fl-UE spiss tbati minn nuqqas ta' finanzjament, tkun imferrxa wisq u ma tkunx koordinata tajjeb. Jekk l-UE għandha taħtaf l-opportunità li għandha quddiemha, jeħtieġ li jiġu organizzati aħjar u jitwettqu b'effiċjenza akbar azzjonijiet biex niżviluppaw teknoloġiji ġodda ta' l-enerġija, inbaxxulhom l-ispejjeż u nwassluhom fis-suq. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi l-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija, pjan komprensiv biex tistabbilixxi aġenda ġdida għar-riċerka dwar l-enerġija fl-Ewropa. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Ewropa jeħtiġilha tbaxxi l-ispejjeż ta' l-enerġija nadifa u tpoġġi l-industrija ta' l-UE fuq quddiem nett fis-settur, li qed jikber bil-ħeffa, tat-teknoloġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Id f'id mal-Pjan għandu jkun hemm żieda u użu aħjar tar-riżorsi,sew finanzjarji kif ukoll umani, biex jingħataw spinta l-iżvilupp u l-implinetazzjoni tat-teknoloġiji tal-ġejjieni b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju.

"Il-Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa titlob rivoluzzjoni industrijali ġdida. Bħal kull rivoluzzjoni indutsrijali, din sejra tmexxiha 'l quddiem it-teknoloġija, u wasal il-waqt li l-viżjoni politika tagħna nsarrfuha f'azzjonijiet konkreti. Deċiżjonijiet li sejrin jittieħdu matul l-10-15-il sena li ġejjin sejrin ikollhom konsegwenzi profondi għas-sigurtà ta' l-enerġija, għat-tibdil fil-klima, u għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa. Jekk naqgħu lura fit-tellieqa dinjija, li qed tintensifika ruħha, biex jintrebħu s-swieq tat-teknoloġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, nissugraw li jkollna niddependu minn teknoloġiji importati biex nilħqu l-miri tagħna," qal il-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija, Andris Piebalgs.

Janez Potočnik, il-Kummissarju għax-Xjenza u r-Riċerka, qal: "Għandna l-opportunità li nkunu fuq quddiem nett fid-dinja fit-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, imma jekk l-Ewropa ma taħdimx magħquda b'aktar effikaċja, din l-opportunità sejrin naħluha u l-benefiċċji ekonomiċi tat-tranżizzjoni għal ekonomija b'anqas emissjonijiet tal-karbonju jgawdihom ħaddieħor. L-ideat li l-Kummissjoni qed tipproponi llum lill-Ewropa se jħalluha tiżviluppa portafoll ta' kwalità dinjija ta' teknoloġiji ta' l-enerġija bi prezz tajjeb, nodfa, effiċjenti u b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju."

L-Ewropa qed tiffaċċa sfidi reali marbuta mal-provvista ta' l-enerġija u t-tibdil fil-klima. Bix-xejriet u t-teknoloġiji attwali, l-UE u d-dinja mhumiex se jilħqu l-miri tagħhom dwar it-tibdil fil-klima bi spiża ekonomikament sostenibbli. Ir-riċerka u l-innovazzjoni fit-teknoloġija ta' l-enerġija għaldaqstant huma essenzjali biex tintlaħaq l-ambizzjoni ta' l-UE li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tnaqqashom b'60-80% sa l-2050. Iżda jekk ma sseħħx bidla kbira fl-approċċ ta' l-UE lejn teknoloġiji bħal dawn, hemm riskju serju li dawn il-miri ma nilħquhomx, jew li t-teknoloġija biex nilħquhom tiġi minn barra l-UE. Il-proċess ta' l-innovazzjoni fl-enerġija, mill-kunċett inizjali għall-penetrazzjoni tas-suq, ibati minn dgħjufijiet strutturali. La hemm aptit naturali fis-suq u lanqas benefiċċju kummerċjali immedjat perċettibbli għal dawn it-teknoloġiji. Barra minn hekk, il-baġits pubbliċi tar-riċerka fl-Istati Membri ta' l-UE ġeneralment naqsu sostanzjalment mit-Tmeninijiet 'l hawn. Huwa ċar li bosta mill-isfidi teknoloġiċi li qed taffronta l-politika ta' l-enerġija ta' l-UE ma jistgħux jingħelbu bl-istrumenti jew mudelli ta' kooperazzjoni li jintużaw illum. Neħtieġu mentalità ġdida.

Il-Kummisjsoni Ewropea għaldaqstant qed tipproponi approċċ ġdid, li jiffoka fuq aktar ippjanar konġunt, użu aħjar tal-potenzjal taż-Żona Ewropea ta' Riċerka u Innovazzjoni u sfruttament sħiħ tal-possibbiltajiet li jiftaħ is-Suq Intern. B'mod partikolari, il-Pjan jinkludi l-impenn li nistabbilixxu sensiela ta' Inizjattivi Industrijali Ewropej ġodda ta' prijorità li jiffukaw fuq l-iżvilupp ta' teknoloġiji li għalihom tkun il-ħidma fil-livell Komunitarju li l-aktar li żżid il-valur. Il-Pjan jipproponi t-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni industrijali, billi jiġbdu ħabel wieħed l-attivitajiet Ewropej, nazzjonali u industrijali: jipproponi wkoll il-ħolqien ta' Alleanza Ewropea għar-Riċerka fl-Enerġija biex tiżgura ħafna aktar kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet ta' riċerka fl-enerġija, kif ukoll ippjanar u tbassir aħjar fil-livell Ewropew għall-infrastrutturi u s-sistemi ta' l-enerġija. Il-Kummissjoni qed tagħti sinjal ċar dwar il-ħtieġa għal aktar finanzjament f'dan il-qasam, u matul l-2008 sejra tippreżenta l-ideat tagħha dwar il-finanzjament ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Sejra twaqqaf sistema ta' l-informazzjoni biex tiżgura li jkun hemm stampa ċara dwar it-teknoloġiji ta' l-enerġija fl-Ewropa kollha kemm hi, u tistabbilixxi proċess ma' l-Istati Membri b'tali mod li r-riċerka dwar it-teknoloġiji ta' l-enerġija tiġi ppjanata b'mod konġunt. Fl-2009 sejra titlaqqa' Samit Ewropea dwar l-Enerġija biex teżamina l-progress li jkun sar.
Dettalji dwar dan kollu ta' hawn fuq huma disponibbli f'MEMO/07/493 u d-dokument dwar is-SET-plan, li jinsab:
http://ec.europa.eu/energy/res/setplan/communication_2007_en.htm

MEMO/07/494 jagħti t-tweġibiet għal xi mistoqsijiet li spiss isiru.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site