IP/07/169
Brussell, it-12 ta' Frar 2007
"It-teknoloġiji diġitali qed jibdlu sostanzjalment il-mod kif taħdem l-industrija tal-films. "Li nħaddnu d-diġitalizzazzjoni billi nħarrġu l-professjonisti tagħna, nimmodernizzaw iċ-ċinema tagħna u niżviluppaw mezzi oħra ta' distribuzzjoni, huma ċ-ċwievet għas-suċċess," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju ta' l-UE għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u l-Midja. "MEDIA 2007 jipprovdi l-għodod ġusti biex jgħin lill-industrija Ewropea tal-films f'din id-direzzjoni."
Il-finanzjament ta' €755 miljun mill-MEDIA 2007 huwa ffukat fuq il-fażijiet ta' qabel u wara l-produzzjoni tal-films, b'baġit mifrux fuq ħames linji ta' azzjoni:
• Taħriġ (it-tekniki ta' kitba ta' l-iskritt; il-ġestjoni ekonomika, finanzjarja; it-teknoloġiji diġitali) (7%);
• L-iżvilupp (il-proġetti individwali, il-katalogi, it-talent ġdid, il-koproduzzjonijiet, finanzjament ieħor) (20%);
• Id-distribuzzjoni (id-distributuri, l-aġenti tal-bejgħ, ix-xandara, l-esibuturi taċ-ċinema, ix-xogħlijiet ta' diġitalizzazzjoni) (55%);
• Il-promozzjoni (l-aċċess tas-suq, il-festivals, l-avvenimenti komuni, il-patrimonju) (9%);
• L-azzjonijiet orizzontali (biex jagħmluha aktar faċli għall-SMEs biex ikollhom aċċess għal fondi, u biex jinkoraġġixxu l-preżenza ta' films Ewropej fuq il-pjattaformi diġitali) (5%), u l-proġetti piloti (li jħaddnu teknoloġiji ġodda, bħal teknoloġiji diġitali għall-iżvilupp tal-films, il-produzzjoni u d-distrubuzzjoni) (4%).
Bit-tqegħid tad-distribuzzjoni tax-xogħlijiet Ewropej fuq quddiemnett tal-prijoritajiet tal-programm il-ġdid, MEDIA qed jipprova jtejjeb is-sehem tas-suq tal-films Ewropej li jintwerew fl-Istati Membri oħra minbarra dak li fih kienu prodotti. Il-programm se jżid sostanzjalment il-viżibiltà tal-kulturi diversi tagħna fuq il-palk dinji u jipprova jżid il-kompetittività ta' l-industrija awdjoviżiva tagħna.
Tali appoġġ finanzjarju lejn l-industrija tal-films għandu effett indirett b'saħħtu f'termini ta' investiment fis-settur. Matul il-programmi ta' qabel MEDIA 2007 (jiġifieri MEDIA Plus u Taħriġ) kull €1 ta' finanzjament Komunitarju ġġenera madwar €6 f'investiment privat mill-industrija.
Total ta' 17-il film appoġġjat mill-MEDIA qed jintwerew fis-57 Festival Internazzjonali tal-Films f'Berlin ta' din is-sena (ara IP/07/170).
Tagħrif dwar il-programm MEDIA
MEDIA, il-programm awdjoviżiv ta' appoġġ ta' l-Unjoni Ewropea, ilu 16-il sena jiżviluppa u jsaħħaħ l-industrija tal-films Ewropea. Fl-1 ta' Jannar 2007, ir-Rumanija saret il-31 membru tal-programm MEDIA (UE27 + l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u dalwaqt l-Iżvizzera). Permezz ta' MEDIA I, II, Plus u Taħriġ, il-programmi preċedenti appoġġjaw l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' eluf ta' films; kif ukoll attivitajiet ta' taħriġ, festivals u proġetti ta' promozzjoni fil-kontinent kollu. MEDIA Plus u l-MEDIA Taħriġ (2001-2006) waħidhom ippermettew biex aktar minn nofs biljun euro jkunu injettati fi 8000 proġett.
Kull sena 300 proġett ġdid ta' films Ewropej jiġu ffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea, u nofs il-films Ewropej li jintwerew fiċ-ċinema jintwerew bl-appoġġ tal-Kummissjoni.
Għal aktar tagħrif:
http://ec.europa.eu/avpolicy/media
Ara wkoll (li tinkludi eżempji ta' films u proġetti appoġġjati minn MEDIA):
MEDIA factsheet - http://ec.europa.eu/information_society/factsheets/month/