IP/07/1666
Brussell, id-9 ta' Novembru 2007
"Huwa ċar li fix-xefaq is-sema mtela' bis-sħab bit-taqlib ta' dan is-sajf fis-swieq finanzjarji, it-tnaqqis fir-rata ta' tkabbir fl-Istati Uniti ta' l-Amerika, u l-prezzijiet dejjem jiżdiedu taż-żejt. B'riżultat ta' dan, it-tkabbir ekonomiku qed isir aktar moderat, u huwa ċar li r-riskji ta' tnaqqis żdiedu. Imma bis-saħħa ta' tkabbir dinji qawwi u sisien ekonomiċi sodi, l-impatt negattiv għandu jkun limitat. Fuq il-front tal-prezzijiet, l-inflazzjoni għandha tibqa' moderata, imma r-riskji qegħdin jikbru," qal Joaquín Almunia, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.
Prospetti sodi ta' tkabbir ekonomiku, minkejja rata aktar batuta fl-Istati Uniti
It-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni, ippubblikat illum, jipproġetta tkabbir ekonomiku li mistenni jimmodera matul il-perjodu tat-tbassir, u jnaqqas ir-rata minn 2.9% fl-2007 għal 2.4% sew fl-2008 u fl-2009 (u, fiż-żona ta' l-ewro, minn 2.6% fl-2007 għal 2.2% fl-2008 u 2.1% fl-2009). It-tbassir ta' tkabbir għall-2008 għaż-żewġ żoni issa huwa 0.3 pp. anqas minn sitt xhur ilu.
Wara perjodu sod fl-ewwel sitt xhur ta' l-2007, il-moderament lejn il-ġejjieni jispjega ruħu parzjalment mill-impatt tat-taqlib fis-swieq finanzjarji – minkejja li l-eqqel taċ-ċiklu jista' jkun li diġà konna għaddejnih qabel it-taqlib ta' dan is-sajf.
It-tbassir ċentrali tal-Kummissjoni jassumi li d-diffikultajiet finanzjarji gradwalment sejrin jiġu għax-xejn. Sadanittant, huwa ċar li dawn id-diffiklutajiet lill-investituri naqqsulhom l-aptit għar-riskju, u rrestrinġew il-kundizzjonijiet ekonomiċi. L-investiment sallum irriżulta dinamiku, imma għandu jkun moderat f'dan l-istadju taċ-ċiklu, mhux l-anqas minħabba t-tnaqqis f'salt ta' l-investiment fil-kostruzzjoni f'xi Stati Membri. Il-konsum privat irkupra u qed isir il-forza ewlenija li tmexxi t-tkabbir, imsejjes fuq prospetti tajbin ta' l-impjiegi, sakemm il-kunfidenza tal-konsumaturi tibqa' tajba.
Mil-lat estern, it-tkabbir ekonomiku fl-UE qed ikompli jintrifed minn prospetti pożittivi fl-ekonomija dinjija, speċjalment l-ekonomiji emerġenti, li fil-parti l-kbira jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis fl-Istati Uniti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-ekonomija ta' l-UE sejra tikber madwar il-potenzjal tagħha matul is-sentejn tat-tbassir. Madankollu, l-inflazzjoni mistennija taċċelera għal 2.4% fiż-żona ta' l-ewro matul it-trimestri li ġejjin, mirfuda minn prezzijiet ogħla tal-kommoditajiet, imma mistennija terġa' taqa' għal madwar 2% is-sajf i ġej.
Il-qgħad għadu nieżel; il-konsolidament fiskali jasal fi tmiemu
Tkabbir dinamiku ta' l-impjiegi ta' 1.5% sew fl-UE kif ukoll fiż-żona ta' l-ewro mistenni li jwassal għal 3.6 miljun impjieg ġdid fl-UE din is-sena (2.3 miljun fiż-żona ta' l-ewro). It-titjib jinfirex fil-wisa' fuq diversi setturi, tipi ta' arranġamenti tax-xogħol u Stati Membri. Għall-ġejjieni, iż-żieda fl-impjiegi għandha tnaqqas ir-rata għal madwar medja ta' 1% fl-2008-2009, sew fl-Ue kif ukol fiż-żona ta' l-ewro, hekk kif jimmatura ċ-ċiklu kummerċjali. Madankollu, xorta sejrin jinħolqu 4.5 miljun impjieg fl-UE fl-2008-2009 (3.2 miljun fiż-żona ta' l-ewro), biex b'hekk ir-rata kompresiva ta' l-impjiegi titla' għal aktar minn 66% sa l-2009. Ir-rata tal-qgħad sa l-2009 mistennija tilħaq 6.6% fl-UE u 7.1% fiż-żona ta' l-ewro, livelli li ma rajniex bħalhom fi ħmistax-il sena.
L-iskarsezzi ta' ħaddiema qed isiru aktar komuni, u għalhekk il-pagi mistennija li jiżdiedu xi ftit aktar malajr matul il-perjodu ta' tbassir, partikolarment fl-2008, meta l-iżviluppi sejrin parzjalment jirriflettu ċirkostanzi u tranżazzjonijiet ta' darba, u jpattu għas-snin preċedenti ta' pagi ristretti. Iżda t-tkabbir sostnut tal-produttività tax-xogħol mistenni jillimita ż-żieda fil-kosts ta' unità tax-xogħol, u b'hekk jgħin jilqa' għal pressjonijiet ta' inflazzjoni.
B'konsegwenza sew ta' dħul bla mistenni kif ukoll ta' sforzi ta' konsolidament, l-iżbilanċ tal-gvern sejjer jinżel minn 1.6% tal-PGD fl-2006 għal 1.1% fl-2007 fl-UE (minn 1.5% għal 0.8% fiż-żona ta' l-ewro). Madankollu, xi pajjiżi mistennija li jmorru għall agħar fl-2008, minħabba maderament fl-attività ekonomika u l-użu ta' dħul bla mistenni għal infiq addizzjonali. L-iżbilanċ globali għall-2008 mistenni li jiżdied għal 1.2% tal-PGD fl-UE u 0.9% fiż-żona ta' l-ewro. Għall-2009 għandu jistabbilizza, abbażi ta' preżunzjoni ta' l-ebda titbdil fil-politika. F'termini strutturali, il-konsolidament fiskali wkoll mistenni jasal fi tmiemu fl-2008 u l-2009.
Id-dejn ġenerali tal-gvern qiegħed fit-triq tan-niżla, u mistenni jilħaq 63.4% tal-PGD fiż-żona ta' l-ewro sa l-2009, kif ukoll li, diġà fl-2007, jaqa' taħt is-60% fl-UE.
Riskji negattivi ċari
Ir-riskji negattivi ewlenin għall-prospetti ta' tkabbir jorbtu
mal-ġrajjiet fis-swieq finanzjarji u l-possibbiltà ta' tnaqqis
eknomiku aktar qawwi jew fit-tul fl-Istati Uniti ta' l-Amerika. Xi setturi
tas-swieq finanzjarji għadhom jaħdmu ħażin, u mhux possibbli
neliminaw il-possibbiltà ta' perjodu itwal ta' inċertezza, li jkollu
effetti aktar akuti fuq il-kundizzjonijiet tal-kreditu, u b'hekk, fuq is-swieq
tad-djar, lil hinn minn dawk mistennija. MiIl-lat l-ieħor, is-suq
tax-xogħol jista' jkun li jerġà jissorprendi billi jirranka 'l
fuq, u b'hekk jagħti spinta lid-dħul mill-impjiegi u lill-kunifdenza
tal-konsumaturi. F'dak li jirrgwarda l-inflazzjoni, żidiet ulterjuri
fil-prezzijiet taż-żejt, ta' l-ikel u tal-kommoditajiet
jippreżentaw riskji għax-xenarju ta' bażi.
It-tbassir komplut
tal-Kummissjoni għall-ħarifa huwa disponibbli fl-Internet fis-sit:
http://ec.europa.eu/economy_finance/index_en.htm
[
]
[ ]
[ ]
[ ]
[ ]