Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/1649

Brussell, is-6 ta' Novembru 2007

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu: it-titjib tal-kapaċità ta' l-Ewropa għall-protezzjoni taċ-ċittadini kontra t-theddida tat-terroriżmu

Illum, il-Kummissjoni adottat pakkett ġdid ta' proposti intiżi sabiex itejbu l-kapaċitajiet ta' l-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-pakkett jinkludi serje ta' proposti li jittrattaw il-kriminalizzazzjoni tat-taħriġ u r-reklutaġġ ta' terroristi u l-provokazzjoni pubblika għat-twettiq ta' reati terroristiċi, il-prevenzjoni ta' l-użu ta' esplożivi minn terroristi u l-użu ta' informazzjoni dwar il-passiġġieri ta' l-ajru f'investigazzjonijiet ta' l-infurzar tal-liġi. Jinkludi wkoll rapport dwar l-implimentazzjoni ta' wieħed mill-istrumenti legali ewlenin ta' l-artillerija ta' l-UE kontra t-terroriżmu.

Fit-tħabbir tallum ta' l-adozzjoni tal-miżuri ġodda, il-Viċi President Franco Frattini, qal li, “t-terroriżmu baqa' theddida għas-sisien politiċi ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-ħajja u l-benesseri taċ-ċittadini tagħna”. It-territorju ta' l-Unjoni ġie attakkat b'mod vjolenti f'Madrid (Marzu 2004) u f'Londra (Lulju 2005). Diversi pjanijiet oħra ġew skoperti reċentement, fl-Awstrija, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit. Huwa żied jgħid li “ebda wieħed miċ-ċittadini tagħna m'huwa liberu minn din it-theddida u t-terroriżmu jista' jaħbat ukoll għaċ-ċittadini u interessi Ewropej lilhinn mill-Ewropa. It-terroristi jaġixxu kull meta, kull fejn u bi kwalunkwe mezz sabiex jagħmlu l-akbar impatt”. Huwa żied jgħid li “ma nistgħux inkunu passivi, għandna nkomplu nżommu bilanċ tajjeb bejn li jkollna kuxjenza dwar it-theddida u t-teħid ta' miżuri adegwati u proporzjonati, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali, għall-prevenzjoni. Il-mira tagħna tibqa' li nżommu l-bilanċ tajjeb bejn id-dritt fundamentali tas-sigurtà taċ-ċittadini, id-dritt għall-ħajja u d-drittijiet fundamentali l-oħra ta' l-individwi, inkluż id-drittijiet għall-privatezza u d-drittijiet proċedurali.”

It-trattament ta' dawk li jappoġġjaw it-terroriżmu

Il-Kummissjoni tipproponi li temenda d-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu billi tagħmel il-provokazzjoni pubblika għat-twettiq ta' reat terroristiku, ir-reklutaġġ u t-taħriġ għat-terroriżmu bħala mġiba punibbli, anke meta magħmula permezz ta' l-internet. Il-proposta hija intiża sabiex tforni lis-sitemi legali tagħna madwar l-UE bl-għodda adegwata sabiex il-kriminali li jferrxu propaganda vjolenti billi jipprovdu tattiċi u struzzjonjiet terroristiċi dwar il-manifattura u l-użu ta' bombi jew esplożivi sabiex jipprovokaw oħrajn biex jagħmlu atti terroristiċi jitressqu quddiem il-ġustizzja. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha tagħmilha aktar faċli lill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi sabiex jiksbu kooperazzjoni minn min jipprovdi s-servizz ta' l-internet, għal finijiet ta' prevenzjoni ta' reati u l-identifikazzjoni ta' kriminali filwaqt li, fl-istess ħin, jiġi żgurat li d-data personali tibqa' protetta sewwa u d-drittijiet fundamentali jibqgħu salvagwardati.

Azzjoni prattika għat-titjib tas-sigurtà ta' l-esplożivi

Attakki bħall-isplużjonijiet ta' Madrid saru bl-użu ta' esplożivi kummerċjalment disponibbli. Jista' jsir aktar għall-prevenzjoni ta' l-użu ta' dawn l-esplożivi, prekursuri kimiċi u detonaturi mit-terroristi. Bl-appoġġ tal-Kummissjoni, grupp ta' esperti – li jinvolvi l-persuni kollha rilevanti tas-soċjetà ċivili li għandhom interess – investiga l-kwistjoni u rrakkomanda lista ta' 47 punt ta' azzjoni li hija aċċettata mill-Kummissjoni fl-għamla ta' pjan ta' azzjoni li jittratta l-angoli differenti tal-kwistjoni. Il-pjan ta' azzjoni għandu l-mira ta' titjib tas-sigurtà ta' l-esplożivi, li jitlob, fost oħrajn, għall-istabbiliment ta' sistemi ta' twissija rapida dwar esplożivi mitlufa u misruqa u tranżazzjonijiet suspettużi, netwerk ta' esperti Ewropej tat-tneħħija ta' bombi, l-iżvilupp ta' kapaċità forensika ta' l-isplużjoni fil-Europol, ir-riċerka dwar is-sigurtà ta' l-esplożivi u d-detonaturi kif ukoll skemi għall-eżami ta' persunal involut fl-industrija.

L-istabbiliment ta' sistema madwar l-UE għall-iskambju tar-Rekords ta' l-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR - Passenger Name Records)

Il-Kummissjoni tipproponi li l-linji ta' l-ajru jagħmlu disponibbli d-data PNR għat-titjiriet li jaslu jew jitilqu mill-UE (in u outbound flights ta' l-UE) lil unitajiet speċjalizzati li jagħmlu evalwazzjonijiet tar-riskju u nfurzar tal-liġi u missjonijiet kontra t-terroriżmu. Il-konċepiment u l-ippjanar ta' attakki terroristiċi jinvolvu l-ivvjaġġar bl-ajru. Membri ta' gruppi radikali jtiru sabiex jiltaqgħu u jieħdu kemm gwida kif ukoll taħriġ f'pajjiżi oħra. Il-provvista lill-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi fl-UE bil-possibbiltà li jiksbu informazzjoni tal-passiġġieri minn qabel u l-analiżi tagħha hija għodda importanti għall-identifikazzjoni ta' l-ivvjaġġar tat-terroristi u l-prevenzjoni ta' pjanijiet futuri. L-użu ta' din l-għodda jista', madankollu, ikun effettiv biss jekk ikun konformi bis-sħiħ mad-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-data u ċ-ċittadin jingħata d-debiti garanziji kollha.

It-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Huwa ppreżentat ukoll rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-istrument ewlieni ta' l-artillerija ta' l-UE ta' leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu. Dan ir-rapport jinkludi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni fl-2004 u fl-2007. Minkejja li kien hemm progress mill-ewwel rapport, in-nuqqas ta' traspożizzjoni tajba tan-normi ta' l-UE għadu diżappuntanti.

Komunikazzjoni li taġġorna l-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-qasam ta' Kontra t-Terroriżmu

Il-pakkett tlesta b'komunikazzjoni li tipprovdi x-xena għall-azzjoni mill-UE f'dan il-qasam u tpoġġi l-proposti ppreżentati fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' l-UE Kontra t-Terroriżmu. It-terroriżmu jibqa' theddida ta' żmien twil, multidimensjonali u kumplessa li jitlob azzjoni mill-UE li tindirizza l-aspetti kollha tiegħu – il-prevenzjoni, il-protezzjoni, il-prosekuzzjoni u r-reazzjoni jekk isir attakk. L-azzjoni ta' l-UE iżżid il-valur billi tipprovdi għodda adegwati lill-Istati Membri u tindirizza kwistjonijiet transkonfinali u interessi komuni madwar l-UE. L-azzjoni Ewropea għandha kemm tipproteġi ċ-ċittadini ta' l-UE kif ukoll timxi id f'id mar-rispett tad-drittijiet fundamentali.
Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Viċi President Frattini, jekk jogħġbok ara l-websajt tiegħu fl-indirizz:

http://www.ec.europa.eu/commission_barroso/frattini/index_en.htm
Għal aktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta' finanzjament fl-oqsma tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà:

http://www.ec.europa.eu/justice_home/funding/intro/funding_intro_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website