Sélecteur de langues
Chemin de navigation
IP/07/1550
Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2007
"L-Ewropa għandha bżonn alternattivi ta' trasport effikaċi u integrati, li fl-istess ħin jirrispettaw l-ambjent u jaqdu l-ħtiġijiet ta' l-utenti. Il-miżuri li ressaqt illum għaldaqstant il-ferroviji u t-trasport marittimi u fuq ix-xmajjar sejrin jagħmluhom aktar attraenti u aktar kompetittivi, fil-kuntest tal-komodalità", qal Jacques Barrot, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għat-trasport. "L-integrazzjoni ta' dawn il-modi ta' trasport fi ktajjen loġistiċi li jħallu riżultati tajbin hija indispensabbli biex nibbilanċjaw l-effikaċja ekonomika tat-trasport u l-iżvilupp tiegħu fit-tul."
Abbażi tar-riżultati ta' konsultazzjoni wiesgħa li nbdiet fis-Sajf ta' l-2006, il-pjan ta' azzjoni dwar il-loġistika jipproponi mat-tletin miżura biex it-trasport tal-merkanzija fl-Unjoni Ewropea jagħmluh aktar effikaċi u sostenibbli, filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż u jiffrankaw il-ħin u l-enerġija. Il-pjan ta' azzjoni għandu l-għan li jtejjeb il-fluss ta' l-informazzjoni li jakkumpanja t-trasport fiżiku tal-merkanzija, jissimplifika l-proċeduri amministrattivi, jagħmel lis-settur tal-loġistika aktar attraenti u jsaħħaħ fih il-kompetenza, u jinkoraġġixxi servizzi ta' kwalità. Min-naħa l-oħra, jirrakkomanda l-innovazzjoni tal-loġistika fl-ambjent urban u tat-trasport fit-tul ikkonċentrat f'"kuriduri ekoloġiċi"[1].
F'dak li jirrigwarda t-trasport marittimu, il-Kummissjoni qed tippromwovi dan il-mod ta' trasport li għadu l-iktar effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija u l-iktar li jirrispetta l-ambjent f'dawk li huma l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Is-simplifika tal-proċeduri amministrattivi għat-trasport marittimu ġewwa l-Unjoni Ewropea hija essenzjali biex dan il-mezz ta' trasport isir aktar attraenti. Id-dokumenti dwar l-spazju Ewropew tat-trasport marittimu bla konfini u dwar l-awtostradi tal-baħar[2] juru l-progress li sar fit-tħejjija ta' dawn iż-żewġ inizjattivi, u jistiednu lill partijiet interessati kollha biex jagħtu l-opinjoni tagħhom. Il-Komuikazzjoni dwar il-politika portwarja Ewropea għandha l-għan li tiffaċilita l-iżvilupp ta' sistema portwarja effikaċi fl-Ewropa, li tkun tista' taqdi l-ħtiġijiet tat-trasport sew attwali kif ukoll tal-ġejjieni. Tfassal pjan ta' azzjoni biex il-Kummissjoni tgħin il-portijiet Ewropej jilqgħu l-isfidi, bħalma huma t-tkabbir tad-domanda għat-trasport, il-bidliet teknoloġiċi u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet.
Fid-dawl tat-titjib kostanti ta' l-effikaċja tat-trasport bit-triq, il-trasport ferrovjarju għandu jsir aktar kompetittiv huwa wkoll. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li tippromwovi l-ħolqien ta' netwerk ferrovjarju Ewropew li fih it-trasport tal-merkanzija jkun jista' joffri kwalità aħjar ta' servizz f'termini ta' ħinijiet tal-vjaġġi, l-affidabilità u l-kapaċità. Filwaqt li tikkompleta l-miżuri li diġà ttieħdu (bħall-implimentazzjoni ta' l-ERTMS[3] fuq ir-rotot li tqiesu prijoritarji, jew il-kostruzzjoni ta' infrastrutturi importanti tax-xibka transewropea tat-trasport), il-Kummissjoni tipproponi inizjattivi ġodda biex jinħoloq netwerk Ewropew orjentat lejn il-merkanzija li s-servizz matulu jkun aktar affidabbli u effikaċi mil-lum.
It-trasport tal-merkanzija huwa essenzjali għall-kompetittività ekonomika Ewropea u għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini ta' l-Unjoni. Huwa stmat li l-volum tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa għandu jikber b'50% fil-perjodu mill-2000 sa l-2020. Fis-snin li ġejjin, it-trasport tal-merkanzija jeħtieġlu jilqa' sfidi ta' effikaċja, kwalità u sostenibbiltà. Għaldaqstant, jeħtieġlu jsib risposti adegwati għall-problemi tal-konġestjoni, tat-tibdil fil-klima (it-trasport tal-merkanzija huwa responsabbli għal terz ta' l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport[4]), tal-forniment ta' l-enerġija u tas-sikurezza. Fl-istess waqt, sew it-teknoloġiji l-ġodda ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni kif ukoll l-influwenza tat-trasport tal-merkanzija Ewropew fuq is-suq dinji joffru opportunitajiet kbar għall-ġejjieni.
Għal aktar tagħrif dwar it-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa:
http://ec.europa.eu/transport/logistics/index_en.htm
Info
Clip:
http://ec.europa.eu/avservices/annonce/template_en.cfm?prodid=2468
[1] Il-kuriduri ekoloġiċi jutilizzaw diversi modi ta' trasport ikkombinati flimkien, għal servizz tal-merkanzija "minn indirizz għall-ieħor", integrat, li jirrispetta l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja ta' l-Ewropej, u effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija.
[2] Dawn ir-rotot marittimi kbar bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea joffru servizzi skedati ta' kwalità għolja, li flimkien ma' modi oħra ta' trasport, jiggarantixxu aċċess iqsar u aktar bil-ħeffa għal ċerti reġjuni mtarrfin ta' l-Ewropa, u jippermettu li ostakli naturali bħall-Alpi u l-Pirenej jiġu evitati. L-awtostradi tal-baħar għandhom rwol importanti fir-ristrutturar tat-trasport tal-merkanzija fit-tul fl-Ewropa, kif ukoll fit-titjib tas-sostenibbiltà ta' dan it-trasport.
[3] Is-sistema Ewropea tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju ERTMS (European Rail Traffic Management System), għandha l-għan li ssewwi l-frammentazzjoni tas-sistemi ta' kontroll tat-traffiku ferrovjarju fl-Ewropa, u li tiżviluppa traffiku ferrovjarju fluwidu u sikur.
[4] Is-sehem tat-trasport fl-emissjonijiet tas-CO2 jirrappreżenta kwart ta' l-emissjonijiet totali.