Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tniġġis ta' l-arja: Il-Kummissjoni tieħu azzjoni dwar il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit u l-PM10 fl-Istati Membri

European Commission - IP/07/1537   17/10/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/07/1537

Brussell, is-17 ta' Ottubru 2007

It-tniġġis ta' l-arja: Il-Kummissjoni tieħu azzjoni dwar il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit u l-PM10 fl-Istati Membri

Il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu azzjoni dwar il-livelli dannużi tat-tniġġis ta' l-arja fl-Istati Membri ta' l-UE. Bdiet proċedimenti ta' ksur kontra Franza, l-Italja, Spanja, is-Slovenja u r-Renju Unit minħabba li qabżu l-limiti ta' l-UE dwar konċentrazzjonijiet ambjentali ta' dijossidu tal-kubrit (SO2), inkwinant ta' l-arja prodott minn stallazzjonijiet industrijali li jista' jikkawża problemi respiratorji u jiggrava l-mard kardjovaskulari. Il-Kummissjoni qed titlob ukoll lil 23 Stat Membru biex jipprovdu tagħrif dwar il-miżuri li qegħdin jieħdu biex inaqqsu l-livell ta' partiċelli fl-arja magħrufin bħala PM10 biex jilħqu l-istandards ta' l-UE. Dawn il-partiċelli ħoxnin prodotti mill-industrija u t-traffiku jistgħu jikkawżaw l-ażżma, problemi kardjovaskulari, kanċer fil-pulmun u l-mewt qabel il-waqt. Madwar 70 % tal-bliet Ewropej b'250 000 abitant jew aktar irrappurtaw qbiż tal-limitu tal-PM10 f'talanqas parti waħda miż-żona tagħhom. Valuri ta' limitu ta' l-UE għad-dijossidu tal-kubrit, għall PM10 u għal bosta inkwinanti oħra ġew maqbula f'direttiva ta' l-1999[1].

Stavros Dimas, il-Kummissarju għall-ambjent, qal: "Bis-saħħa tal-liġi ta' l-UE, id-dijossidu tal-kubrit m'għadux iniġġes l-għadajjar tagħna u joqtol is-siġar tagħna, izda f'ċerti żoni s-saħħa għadha mhedda minn konċentrazzjonijiet eċċessivi. L-Istati Membri għandhom jallinjaw il-livell tagħhom ma' l-istandards ta' l-UE sabiex iċ-ċittadini jiġu protetti kif jixraq. Il-PM10 jirrappreżentaw riskju akbar għas-saħħa u huma problema wisq aktar estensiva. Għalhekk irridu nkunu żguri li l-Istati Membri qegħdin jieħdu miżuri serji biex jevitaw aktar qbiż tal-limitu. "

Ksur tal-valuri ta' limitu tad-dijossidu tal-kubrit

Valuri ta' limitu tal-konċentrazzjonijiet tad-SO għal kull siegħa u kull ġurnata[2] daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2005. Il-ħames Stati Membri li jiffaċċaw proċedimenti ta' ksur kollha rrappurtaw li nqabżu l-valuri fit-territorji tagħhom matul s-sena 2005.

Qbiż tal-limitu tad-SO s-soltu jseħħ madwar stallazzjonijiet industrijali. Il-valur ta' limitu ta' kull ġurnata nqabeż l-iktar fis-Slovenja, waqt li Franza, l-Italja u Spanja wkoll irrappurtaw konċentrazzjonijiet għal kull siegħa ta' aktar minn 1 000 g/m - livelli ta' kważi tliet darbiet aktar mil-limitu ta' l-UE. Dawn l-Istati Membri rrappurtaw qbiż f'bosta postijiet, waqt li r-Renju Unit irrapporta każ wieħed.

Azzjoni fuq il-PM10

Valuri ta' limitu vinkolanti annwali u ta' kuljum[3] għall-PM10 ilhom li daħlu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2005. Madankollu, fil-proposta tagħha għar-reviżjoni tad-direttiva ta' qafas ta' l-UE dwar il-kwalita' ta' l-arja ambjentali[4] (IP/05/1170) il-Kummissjoni pproponiet li l-Istati Membri jingħataw estensjonijiet limitati ta' żmien iex jilħqu l-istandards għall-PM10 f'postijiet fejn dan huwa partikolarment diffiċli, u fejn il-miżuri kollha disponibbli diġa' qegħdin jittieħdu. Innovazzjoni importanti fid-direttiva l-ġdida hija l-introduzzjoni ta' standards għal partiċelli fini, magħrufin bħala PM2.5, li huma aktar perikolużi minħabba li jippenetraw il-pulmun aktar fil-fond.

Waqt li taħdidiet dwar id-direttiva l-ġdida għadhom għaddejjin fi ħdan il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, il-Kumissjoni temmen illi ma jkunx xieraq li azzjoni ta' ksur tittieħed dwar il-qbiż tal-limitu tal-PM10 bħalissa. Għalhekk hija bagħtet talbiet għal tagħrif lit-23 Stat Membru li rrapurtaw qbiż tal-valuri tal-PM10 għas-sena 2005. L-ittri jobbligaw lill-Istati Membri jipprovdu tagħrif dwar il-miżuri li qegħdin jieħdu biex jeliminaw jew inaqqsu l-qbiż tal-limitu. Dan it-tagħrif jippermetti lill-Kummissjoni biex tevalwa aħjar id-daqs tal-problema u biex tipprepara r-risposti.

Ma ntbagħtitx ittra lill-Irlanda, li ma rrapurtatx qbiż tal-limitu; lil-Lussemburgu, li naqas milli jipprovdi kwalunkwe rapport (każ ta' ksur infetaħ dwar dan); u lill-Bulgarija u r-Rumanija, li huma obbligati jirrappurtaw mis-sena 2007 'l quddiem.

Il-Proċediment Legali

L-Artikolu 226 tat-Trattat jagħti s-setgħat lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni bil-liġi kontra Stat Membru li ma jkunx qed jaqdi l-obbligi tiegħu.

Jekk il-Kummissjoni tqis li jista' jkun hemm ksur tal-liġi ta' l-UE li jirrikjedi l-ftuħ tal-proċediment ta' ksur, tindirizza "Ittra ta' tqegħid fil-mora" (l-ewwel twissija bil-miktub) lill-Istat Membru kkonċernat, li fiha titolbu jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu sa data speċifika, ġeneralment sa xahrejn wara.

Fid-dawl tar-risposta jew tan-nuqqas ta' risposta mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tindirizzalu "Opinjoni Motivata" (l-aħħar twissija bil-miktub). Din tesponi b'mod ċar u definittiv ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tqis li kien hemm ksur tal-liġi ta' l-UE, u titlob lill-Istat Membru jġib ruħu f'konformità fi żmien speċifiku, is-soltu xahrejn.

Jekk l-Istat Membru jonqos milli jimxi skond l-Opinjoni Motivata, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tistitwixxi kawża quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżultalha li jkun seħħ ksur tat-Trattat, l-Istat Membru responsabbli jkun obbligat jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma.

L-Artikolu 228 tat-Trattat lill-Kummissjoni jagħtiha s-setgħa li tieħu passi kontra Stat Membru li ma jikkonformax ma' ġudizzju preċedenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. L-Artikolu jippermetti ukoll lill-Kummissjoni titlob lill-Qorti sabiex timponi penalità finanzjarja fuq l-Istat Membru kkonċernat.

Għal sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ara:

http://curia.europa.eu/mt/content/juris/index.htm


[1] Id-Direttiva 1999/30/KE dwar il-valuri ta' limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f'partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali.

[2] Valur ta' limitu għal kull siegħa tad-dijossidu tal-kubrit: 350 g/m, li m'għandhux jinqabeż aktar minn 24 darba f'kull sena kalendarja. Valur ta' limitu għal kull ġurnata: 125 g/m, li m'għandhux jinqabeż aktar minn 3 darbiet f'kull sena kalendarja

[3] Valur ta' limitu fuq 24 siegħa għall-PM10: 50 g/m, li m'għandhux jinqabeż aktar minn 35 darba kull sena. Valur ta' limitu annwali ta' 40 g/m

[4] Id-Direttiva 96/62/KE dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website