IP/07/1526
Brussell, is-17 ta' Ottubru 2007
"Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija juru l-impenn ta' l-Istati Membri favur l-aktar forom ta' enerġija nodfa, irħas u żguri – dawk il-forom li ma nużawx. Tassew diżappuntat nara li 12-il Stat Membru għadhom sallum ma nnotifikawx il-Pjan tagħhom", qal il-Kummissarju Piebalgs.
L-għan tad-Direttiva huwa li twettaq titjib fl-użu finali ta' l-enerġija fl-Istati Membri, b'effikaċja għall-infiq. L-implimentazzjoni tajba tad-Direttiva għandha toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' suq tas-servizzi fl-enerġija u biex lill-konsumaturi jitwasslulhom miżuri oħra dwar l-effiċjenza fl-enerġija. Sejra tagħti wkoll kontribut importanti għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija, għall-kompetittività u għall-iżvilupp sostenibbli.
Minkejja li l-Kummissjoni għandha indikazzjonijiet li bosta Stati Membri mxew sewwa 'l quddiem fit-tfassil tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, hija obbligata tieħu passi legali minħabba li dawn l-Istati ma rrispettawx l-iskadenza tat-30 ta' Ġunju.
L-Unjoni Ewropea llum bħal qatt qabel qed tiffaċċa sfidi fl-enerġija, b'konsegwenza tat-tibdil fil-klima, aktar dipendenza fuq l-importazzjoni u tħassib dwar il-provvista dinjija tal-karburanti fossili. Minn stimi jirriżulta li l-konsum ta' l-enerġija ta' l-Unjoni huwa madwar 20% ogħla mil-livell li jista' jkun iġġustifikat b'raġunijiet ekonomiċi. F'Marzu 2007, il-Kapijiet ta' Stat Ewropej saħqu fuq l-importanza tal-mira ta' 20% tfaddil fl-enerġija sa l-2020, f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija.
[1] Id-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali ta' l-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija, Ġurnal Uffiċjali L 144, 27/04/2006, p. 64 – 84.