Navigation path

Left navigation

Additional tools

Baħar ta' opportunitajiet: Il-Kumissjoni tipproponi Politika Marittima integrata għall-UE

European Commission - IP/07/1463   10/10/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/07/1463

Brussell, l-10 ta' Ottubru 2007

Baħar ta' opportunitajiet: Il-Kumissjoni tipproponi Politika Marittima integrata għall-UE

Illum il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li fiha tesponi l-viżjoni tagħha għal Politika Marittima integrata għall-UE, flimkien ma' pjan ta' azzjoni dettaljat li jfassal programm ta' ħidma ambizzjuż għas-snin li ġejjin. L-iskoperti xjentifiċi, il-passi enormi fl-iżvilupp teknoloġiku, il-globalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima u t-tniġġis ta' l-ibħra lkoll qegħdin jibdlu bil-ħeffa r-relazzjoni ta' l-Ewropa ma' l-ibħra u l-oċeani, bl-opportunitajiet u l-isfidi kollha li dan iġib miegħu. Politika marittima integrata lill-Unjoni sejra tħalliha tilqa' l-isfidi b'wiċċha minn quddiem.Din il-proposta hija msejsa fuq konsultazzjoni pubblika estensiva li ntemmet f’Ġunju li għadda, u tirrappreżenta x-xogħol ta' Grupp ta' Tmexxija kompost minn 10 Kummissarji, taħt il-presidenza ta' Joe Borg. Flimkien mal-Komunikazzjni u l-Pjan ta' Azzjoni, hemm rapport dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni, li wriet li hemm appoġġ qawwi għall-inizjattiva tal-Kummissjoni fost il-partijiet interessati.

Il-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso, li ta bidu għall-approċċ il-ġdid lejn il-politika marittima, qal, "jiena konvint li parti kbira mill-ġejjieni tagħna jinsab fil-potenzjal mhux sfruttat ta' l-oċeani. Il-proposta tagħna għal politika marittima integrata hija maħsuba biex jiġu ġġenerati t-tkabbir, l-impjiegi u s-sostenibbiltà. Fassalniha biex nippromwovu l-interess Ewropew komuni u sabiex nieħdu l-opportunitajiet kollha li joffru l-oċeani, filwaqt li naġixxu b'mod sostenibbli. Hija parti integrali mill-istrateġija tagħna biex nimmodernizzaw lill-Ewropa u nħejjuha għad-dinja globalizzata".

Il-Kummissarju għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, Joe Borg, żied jgħid: "Il-partijiet interessati tkellmu, u aħna smajnihom. Dan huwa pass kruċjali tal-bidu għall-ibħra u l-oċeani ta' l-Ewropa – l-għan komuni tagħna se jkun li nilliberaw il-potenzjal ta' Ewropa Marittima u niffaċċaw l-isfidi tagħha. Dan se jħallina nieħdu l-akbar vantaġġi mill-assi marittimi tagħna, u se jgħin lill-Ewropa tiffaċċa wħud mill-akbar sfidi li għandha quddiemha."

Sallum, id-dversi attivitajiet u politiki relatati ma' l-ibħra tmexxew l-aktar fuq linji settorjali. Politika marittima integrata sejra tibdel il-mod kif titfassal il-politika u kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fis-setturi marittimi, bil-ħarsien sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Sejra tħalli lill-awtoritajiet rilevanti janalizzaw l-interazzjonijiet bejn is-setturi u l-oqsma tal-politika differenti, kif ukoll li jikkunsidrawhom f'kull livell ħalli jiżviluppaw għodod komuni biex jisfruttaw is-sinerġiji u jevitaw il-kunflitti.

Il-politika l-ġdida sejra tibni fuq il-vantaġġi ta' l-Ewropa fir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni marittima. Sejra tkun ankrata fl-aġenda ta' Liżbona għal tkattir u titjib fl-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku, kif ukoll fl-impenn komprensiv ta' l-UE biex tiżgura li l-iżvilupp ekonomiku ma jseħħx għad-dannu tas-sostenibbiltà ambjentali.

Il-Komunikazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni li jakkumpanjaha jelenkaw firxa ta' azzjonijiet konkreti li għandhom jiġu varati matul il-mandat ta' din il-Kummissjoni. Dawn l-azzjonijiet ikopru firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet mit-trasport marittimu għall-kompetittività ta' l-azjendi marittimi, l-impjiegi, ir-riċerka xjentifika, is-sajd u l-protezzjoni ta' l-ambjent marittimu. Jinkludu:

  • Żona Ewropea tat-Trasport Marittimu mingħajr konfini
  • Strateġija Ewropea għar-Riċerka dwar l-Ibħra
  • Politiki marittimi nazzjonali integrati li għandhom jiżviluppawhom l-Istati Membri
  • Xibka integrata għas-sorveljanza marittima
  • Pjanta tar-rotta lejn pjanifikazzjoni ta' l-ispazju marittimu min-naħa ta' l-Istati Membri
  • Eliminazzjoni tas-sajd illegali u t-tkarkir distruttiv tal-qiegħ fl-ibħra internazzjonali
  • Promozzojni ta' netwerk Ewropew ta' raggruppamenti marittimi
  • Eżami mill-ġdid ta' l-eżenzjonijiet mil-liġijiet ta' l-UE dwar ix-xogħol għas-setturi tat-tbaħħir u tas-sajd
  • Netwerk Ewropew ta' l-Osservazzjoni u d-Dejta dwar l-Ibħra
  • Strateġija biex jittaffew l-effetti tat-Tibdil fil-Klima fuq ir-reġjuni tal-kosta.

It-twassil prattiku tal-Pjan ta' Azzjoni diġà nbeda mil-lum, bil-Kummissarju Spidla jressaq eżami mill-ġdid ta' l-eżenzjonijiet mil-liġijiet ta' l-UE dwar ix-xogħol fis-setturi marittimi u l-Kummissarju Piebalgs jippubblika rapport dwar l-irbit bejn il-politika ta' l-UE dwar l-enerġija u l-politika marittima integrata l-ġdida.

Politika marittima integrata tista' tirnexxi biss bl-impenn u l-appoġġ ta' l-atturi u l-partijiet interessati kollha kkonċernati. Il-Kummissjoni sejra tkompli taħdem mal-partijiet interessati u ma' l-awtoritajiet fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali, biex din il-viżjoni twettaqha fir-realtà.

Aktar inizjattivi sejrin isegwu fil-ġimgħat li ġejjin fil-politika dwar il-portijiet, is-sajd u l-protezzjoni ta' l-ambjent ta' l-ibħra.
Il-pakkett kollu, kif ukoll aktar tagħrif dwar l-affarijiet marittimi, jinsab (bl-Ingliż) fis-sit:

http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/index_en.html
Ara wkoll

MEMO/07/403.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website