IP/07/1411
Brussell, il-27 ta' Settembru 2007
Fl-20 ta' Lulju 2005, il-Kummissjoni diġà adottat Deċiżjoni dwar il-ħatra ta' sitt koordinaturi Ewropej sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni, b'koordinament bejn l-Istati Membri, ta' ċerti proġetti prijoritarji. il-koordinaturi Ewropej saru persuni ta' referenza. L-azzjoni tagħhom kellha impatt pożittiv fuq dawn il-proġetti.
Imqawwi minn din l-esperjenza konklużiva, il-Viċi President Barrot ppropona li l-Kummissjoni taħtar żewġ koordinaturi ġodda: is-Sinjura Karla Peijs għall-passaġġi fl-ilmijiet interni u s-Sur Luis Valente de Oliveira għall-awtostradi tal-baħar.
Bejn l-2003 u l-2006, is-Sinjura Karla Peijs kellha l-kariga ta' Ministru tat-Trasport ta' l-Olanda. Qabel, bejn l-1989 u l-2003, kienet Membru tal-Parlament Ewropew. B'mod aktar partikolari, sejra tkun responsabbli għall-proġetti prijoritarji Nri 18 ("Renu/Meuse-Main-Danubju") u 30 ("Kanal Seine Escaut"). Dawn iż-żewġ proġetti huma essenzjali biex isaħħu l-koerenza tan-netwerk transewropew tal-passaġġi fl-ilmijiet interni u jqawwu l-kompetittività ta' dan il-mezz ta' trasport. L-ewwel proġett jirrigwarda t-tneħħija ta' diversi mgħalaq li jirrestrinġu bil-qawwi r-rendiment ta' l-assi Renu-Main-Danubju, imma li jinsabu wkoll f'ambjenti naturali sensittivi. It-tieni proġett għandu l-għan li jwettaq ħolqa kruċjali nieqsa fin-netwerk biex jgħaqqad il-portijiet tal-baħar tat-Tramuntana mal-baċin Pariġin, b'mod partikolari.
Matul dawn l-aħħar snin, is-Sur Luis Valente de Oliveira
qeda diversi funzjonijiet fi ħdan il-gvern Portugiż, partikolarment
billi mill-1985 sa l-1995 kien il-Ministru tal-pjanifikazzjoni u l-użu ta'
l-artijiet, u mill-2002 sa l-2003 l-Ministru tax-xogħlijiet pubbliċi,
it-trasport u l-bini residenzjali. L-iżvilupp ta' l-awtostradi
tal-baħar, li għalihom huwa responsabbli, għandu jikkontribwixxi
biex jiffaċilita li l-merkanzija li llum tiġi ttrasportata fit-toroq
tgħaddi għall-mezzi marittimi. Jikkonsistu fl-implimentazzjoni ta'
rotot marittimi regolari u ta' kwalità li jgħaqqdu portijiet
differenti ta' l-Unjoni, f'loġika ta' katina multimodali perfettament
integrata, b'tali mod li mhux biss tevita l-imgħalaq tat-toroq, imma
tintegra aħjar ir-reġjuni periferiċi u l-gżejjer ta'
l-Unjoni.
Għal aktar tagħrif dwar in-netwerks transewropej
tat-trasport: