Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-operaturi tal-mowbajls jaqblu dwar kif jistgħu jħarsu t-tfal li jużaw il-mowbajls

European Commission - IP/07/139   06/02/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/07/139

Brussell, is-6 ta' Frar 2007

L-operaturi tal-mowbajls jaqblu dwar kif jistgħu jħarsu t-tfal li jużaw il-mowbajls

Operaturi tal-mowbajls prinċipali Ewropej illum fi Brussell iffirmaw ftehim dwar kif jistgħu jitħarsu l-minuri li jużaw il-mowbajls. Dan il-ftehim, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, jirrispondi għas-sejbiet tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar is-sikurezza tat-tfal u l-mowbajls li kienu ippubblikati llum. Fil-ftehim, l-operaturi tal-mowbajls jobbligaw ruħhom li sa Frar 2008 jiżviluppaw kodiċi awto-regolamentarji.

"Dan il-ftehim huwa pass importanti 'l quddiem għas-sikurezza tat-tfal," qalet Vivianne Reding, il-Kummissarju responsabbli mis-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u l-Midja. "Nifraħ lill-industrija tal-mowbajls talli ħadet pass lejn il-ħarsien tal-minuri. Dan juri li l-awto-regolamentazzjoni responsabbli tista' taħdem fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni se tanalizza mill-qrib ħafna l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehim tal-lum, li jrid jitwettaq sa Frar 2008."

Wara l-inizjattiva tas-Sinjura Reding, operaturi tal-mowbajls prinċipali se jħarsu lit-tfal billi jingħaqdu f'Qafas Ewropew dwar l-Użu Aktar Sikur tal-Mowbajls minn Żgħażagħ Minuri u Tfal. F'dan it-test il-ġdid, l-operaturi jaqblu li jappoġġjaw:

  • il-kontroll ta' l-aċċess għal materjal adult;

• il-kampanji għat-tqajjim tal-kuxjenza għall-ġenituri u t-tfal;

• il-klassifikazzjoni tal-kontenut kummerċjali skond standards nazzjonali tad-diċenza u l-adegwatezza;

• il-ġlieda kontra l-kontenut illegali fuq il-mowbajls.

Il-firmatarji fil-Qafas Ewropew dwar l-Użu Aktar Sikur tal-Mowbajls minn Żgħażagħ Minuri u Tfal huma Telecom, Cosmote, Debitel AG, Deutsche Telekom Group, Go Mobile, Hutchison 3G Europe, Jamba! GmbH, Mobile Entertainment Forum, Orange Group, Royal KPN N.V., SFR, Telecom Italia S.p.A, Telefónica Móviles, S.A., Telenor, TeliaSonera u Vodafone Limited.

Biex jimplimentaw il-Qafas Ewropew, sa Frar 2008 l-operaturi firmatarji u l-fornituri tal-kontenut se jiżviluppaw kodiċi nazzjonali awto-regolamentarji. Wara 12-il xahar, il-Kummissjoni se tanalizza u tevalwa l-effiċjenza tiegħu.

Il-ftehim ta' l-industrija tal-lum huwa riżultat ta' diskussjonijiet li saru fi Grupp ta' Livell Għoli mwaqqaf mill-Kummissarju Reding f'Settembru 2006. Dan il-grupp, li jirrappreżenta l-operaturi tal-mowbajls, il-fornituri tas-servizz, l-organizzazzjonijiet għall-ħarsien tat-tfal u tal-konsumaturi, u r-regolaturi, huwa eżempju tajjeb ta' awto-regolamentazzjoni, l-istrateġija preferuta mill-Kummissjoni jekk tkun implimentata b'mod effiċjenti.

Il-ftehim ta' l-industrija tal-lum jirrispondi għal ħafna tħassib espress fi tweġibiet lill-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar l-użu aktar sikur tal-mowbajls li saret mill-25 ta' Lulju sas-16 ta' Ottubru 2006 (ara IP/06/1059). F'din il-konsultazzjoni, flimkien mal-benefiċji tal-mowbajls, kienu identifikati riskji partikolari għal persuni żgħar fl-età bħal: l-ibbuljar, it-trawwim sesswali li jwassal għall-abbuż, ir-riskji għall-privatezza permezz ta' aċċess għal kontenut pornografiku u vjolenti illegali jew ta' ħsara, speċjalment minħabba l-użu mhux xieraq ta' telefowns bil-kamera u servizzi dwar il-lokalizzazzjoni. Il-konsultazzjoni għamlitha ċara wkoll li r-responsabbiltà għall-użu sikur tal-mowbajls għandha tkun maqsuma bejn il-ġenituri u l-persuni li jieħdu ħsieb it-tfal, l-operaturi tal-mowbajls u l-fornituri tas-servizz, kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi.

L-awto-regolamentazzjoni bħalissa hija meqjusa bħala metodu potenzjalment xieraq biex jiżgura l-ħarsien tat-tfal fuq il-mowbajls. Madankollu, għad trid tkun imnedija jew implimentata fl-Istati Membri kollha ta' l-UE. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livell nazzjonali u ta' l-UE se jkollhom janalizzaw l-iżviluppi bir-reqqa u jevalwaw regolarment l-effiċjenza ta' l-awto-regolamentazzjoni biex jiġġudikaw jekk l-intervent pubbliku jkunx sar meħtieġ.

L-iffirmar tal-Qafas Ewropew dwar l-Użu aktar Sikur tal-Mowbajls minn Żgħażagħ Minuri u Tfal li sar illum fi Brussell huwa okkażjoni ta' l-ikbar importanza, fost il-ħafna oħrajn li qed isiru llum madwar id-dinja kollha, biex jimmarkaw ir-raba' "Jum għal Internet Aktar Sikur”.

Aktar informazzjoni

Internet Aktar Sikur u l-ftehim ta' qafas dwar "L-Użu Aktar Sikur tal-Mowbajls minn Żgħażagħ Minuri u Tfal": http://europa.eu.int/saferinternet

Is-sejbiet mill-konsultazzjoni pubblika dwar l-użu aktar sikur tal-mowbajl: http://europa.eu.int/information_society/activities/sip/public_consultation/

Pakkett għall-ġurnalisti

MEMO/07/44


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website