IP/07/1389
Brussell, il-25 ta' Settembru 2007
"Il-bliet Ewropej huma differenti iżda jiffaċċaw sfidi simili: il-konġestjoni, il-bidla fil-klima, it-tniġġis, is-sikurezza. Il-Green Paper għandha tiffoka l-attenzjoni Ewropea fuq id-dimensjoni urbana tal-politika tat-trasport u tenfasizza fuq politiki innovattivi li bliet pijunieri,"madwar l-Ewropa kollha qegħdin jistabbilixxu", qal il-Viċi-President Jacques Barrot, il-Kummissarju tat-Trasport. "L-għan tiegħi huwa li nsir naf x'tista' tagħmel l-Ewropa bħal appoġġ għal dawn il-politiki."
Il-Green Paper tippreżenta serje ta' kwistjonijiet ta' politika għall-mobilità urbana u tinkludi ħamsa u għoxrin mistoqsija miftuħa li jindirizzaw dawn l-għażliet. Il-mistoqsijiet jindirizzaw, pereżempju, kif il-kwalità tat-trasport kollettiv tista tiġi mtejba, kif jista' jiġi promoss l-użu ta' teknoloġiji nodfa u li huma effiċjenti fl-enerġija kif ukoll il-mixi u r-rota u kif jistgħu jiġu mħarsa d-drittijiet tal-passiġġieri tat-trasport kollettiv. Mistoqsijiet oħra jindirizzaw l-idea ta' skema ta' "tikettjar" għall-ibliet pijunieri, l-iżvilupp ta' gwida għal Green Zones b'miżuri ta' restrizzjoni, u l-promozzjoni ta' l-użu tat-tariffi għall-utent tat-toroq urbani.
Il-Green Paper tistabbilixxi aġenda Ewropea għall-mobilità urbana, filwaqt li tirrispetta r-responsabbiltajiet ta' l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni tixtieq tniedi diskussjoni dwar kif tkun tista' tiffaċilita l-iżvilupp ta' kultura ġdida għall-mobilità urbana fl-Ewropa.
Bħala appoġġ għat-tħejjijiet tal-Green Paper, bejn Jannar u Ġunju 2007 il-Kummissjoni Ewropea organizzat konsultazzjoni intensiva għall-partijiet interessati. Din kienet tinkludi żewġ konferenzi tal-partijiet interessati, erba' workshops tekniċi u konsultazzjoni fuq l-Internet. "It-tagħrif utli li ġbarna jgħinna biex nifhmu aħjar ir-realtà tal-bliet Ewropej u x'jistennew iċ-ċittadini u l-partijiet interessati. Nemmen li issa qegħdin nippreżentaw dokument ibbilanċjat tajjeb", stqarr il-Kummissarju Barrot.
Il-Green Paper timmarka l-bidu ta' fażi ġdida ta' konsultazzjoni u ser tiġi diskussa mill-istituzzjonijiet Ewropej. Iċ-ċittadini u l-partijiet interessati huma mistiedna biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom mal-Kummissjoni sal-15 ta' Marzu 2008. Fil-bidu tal-ħarifa 2008 dan għandu jiġi segwit minn pjan ta' Azzjoni dwar il-mobilità urbana. Għal kull azzjoni proposta li jkun jinkludi, il-Pjan ta' Azzjoni se jindika limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni u jidentifika r-responsabbiltajiet tad-diversi atturi, b'rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà.
Il-publikazzjoni tal-Green Paper tħabbret waqt ir-reviżjoni
ta' nofs il-perjodu tal-White Paper dwar it-Trasport. Hija fost
il-wieħed u għoxrin prijorità strateġika tal-Kummissjoni
għas-sena 2007.
Aktar tagħrif dwar il-Green Paper u dwar
il-proċess ta' konsultazzjoni jinsab fuq:
http://ec.europa.eu/transport/clean/green_paper_urban_transport/index_en.htm