Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/1389

Brussell, il-25 ta' Settembru 2007

Mobilità Urbana: naħdmu flimkien għal bliet li jiffavorixxu aktar l-ambjent

Il-Green Paper "Lejn kultura ġdida ta' mobilità urbana”, ġiet adottata llum mill-Kummissjoni biex jinfetaħ dibattitu dwar il-kwistjonijiet ċentrali tal-mobilità urbana: bliet u rħula mingħajr traffiku żejjed u li jiffavorixxu l-ambjent, mobilità urbana aktar intelliġenti u trasport urban aċċessibbli u sikur għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Permezz ta' din il-Green Paper il-Kummissjoni tixtieq tidentifika, flimkien mal-partijiet kollha, liema huma l-ostakoli li jeżistu għal mobilità urbana ta' suċċess u kif dawn jistgħu jitneħħew.

"Il-bliet Ewropej huma differenti iżda jiffaċċaw sfidi simili: il-konġestjoni, il-bidla fil-klima, it-tniġġis, is-sikurezza. Il-Green Paper għandha tiffoka l-attenzjoni Ewropea fuq id-dimensjoni urbana tal-politika tat-trasport u tenfasizza fuq politiki innovattivi li bliet pijunieri,"madwar l-Ewropa kollha qegħdin jistabbilixxu", qal il-Viċi-President Jacques Barrot, il-Kummissarju tat-Trasport. "L-għan tiegħi huwa li nsir naf x'tista' tagħmel l-Ewropa bħal appoġġ għal dawn il-politiki."

Il-Green Paper tippreżenta serje ta' kwistjonijiet ta' politika għall-mobilità urbana u tinkludi ħamsa u għoxrin mistoqsija miftuħa li jindirizzaw dawn l-għażliet. Il-mistoqsijiet jindirizzaw, pereżempju, kif il-kwalità tat-trasport kollettiv tista tiġi mtejba, kif jista' jiġi promoss l-użu ta' teknoloġiji nodfa u li huma effiċjenti fl-enerġija kif ukoll il-mixi u r-rota u kif jistgħu jiġu mħarsa d-drittijiet tal-passiġġieri tat-trasport kollettiv. Mistoqsijiet oħra jindirizzaw l-idea ta' skema ta' "tikettjar" għall-ibliet pijunieri, l-iżvilupp ta' gwida għal Green Zones b'miżuri ta' restrizzjoni, u l-promozzjoni ta' l-użu tat-tariffi għall-utent tat-toroq urbani.

Il-Green Paper tistabbilixxi aġenda Ewropea għall-mobilità urbana, filwaqt li tirrispetta r-responsabbiltajiet ta' l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni tixtieq tniedi diskussjoni dwar kif tkun tista' tiffaċilita l-iżvilupp ta' kultura ġdida għall-mobilità urbana fl-Ewropa.

Bħala appoġġ għat-tħejjijiet tal-Green Paper, bejn Jannar u Ġunju 2007 il-Kummissjoni Ewropea organizzat konsultazzjoni intensiva għall-partijiet interessati. Din kienet tinkludi żewġ konferenzi tal-partijiet interessati, erba' workshops tekniċi u konsultazzjoni fuq l-Internet. "It-tagħrif utli li ġbarna jgħinna biex nifhmu aħjar ir-realtà tal-bliet Ewropej u x'jistennew iċ-ċittadini u l-partijiet interessati. Nemmen li issa qegħdin nippreżentaw dokument ibbilanċjat tajjeb", stqarr il-Kummissarju Barrot.

Il-Green Paper timmarka l-bidu ta' fażi ġdida ta' konsultazzjoni u ser tiġi diskussa mill-istituzzjonijiet Ewropej. Iċ-ċittadini u l-partijiet interessati huma mistiedna biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom mal-Kummissjoni sal-15 ta' Marzu 2008. Fil-bidu tal-ħarifa 2008 dan għandu jiġi segwit minn pjan ta' Azzjoni dwar il-mobilità urbana. Għal kull azzjoni proposta li jkun jinkludi, il-Pjan ta' Azzjoni se jindika limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni u jidentifika r-responsabbiltajiet tad-diversi atturi, b'rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-publikazzjoni tal-Green Paper tħabbret waqt ir-reviżjoni ta' nofs il-perjodu tal-White Paper dwar it-Trasport. Hija fost il-wieħed u għoxrin prijorità strateġika tal-Kummissjoni għas-sena 2007.
Aktar tagħrif dwar il-Green Paper u dwar il-proċess ta' konsultazzjoni jinsab fuq:
http://ec.europa.eu/transport/clean/green_paper_urban_transport/index_en.htm

Memo/07/379


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website