IP/07/1361
Brussell, id-19 ta' Settembru 2007
Il-pakkett jippromwovi s-sostenibbiltà billi jistimola l-effiċjenza enerġetika u jiggarantixxi li anki kumpaniji żgħar, pereżempju dawk li jinvestu fl-enerġija li tiġġedded, ikollhom aċċess għas-suq ta' l-enerġija. Suq kompetittiv sejjer jiżgura wkoll aktar sigurtà tal-provvista, billi jtejjeb il-kundizzjonijiet għall-investimenti fl-impjanti ta' l-enerġija u n-netwerks tat-trażmissjoni, u b'hekk jgħin biex ma jkunx hemm qtugħ fil-provvista ta' l-enerġija u l-gass. Jissaħħu wkoll il-garanzija tal-kompetizzjoni ġusta ma' kumpaniji minn pajjiżi terzi
"Suq intern ta' l-enerġija miftuħ u ġust huwa essenzjali biex niżguraw li l-UE tkun tista' tilqa' l-isfidi tat-tibdil fil-klima, aktar dipendenza fuq l-importazzjoni u l-kompetittività globali. Qed nitkellmu dwar li l-konsumaturi u n-negozji jmorru minn fuq u l-iżgurar li l-kumpaniji tal-pajjiżi terzi jirrispettaw ir-regoli tagħna", spjega José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea.
"F'dawn l-aħħar 10 snin, għamilna passi kbar lejn suq intern ta' l-enerġija fl-UE. Issa wasal il-waqt li dan il-proċess nikkompletawh u niżguraw li l-benefiċċji ta' dan is-suq ikunu reali, effikaċi u disponibbli għal kulħadd u kull kumpanija. L-UE issa jeħtiġilha tieħu l-passi kollha neċessarji biex tiżgura li ċ-ċittadini tagħha jkunu jistgħu jagħżlu l-fornitur tagħhom fiċ-ċertezza li qed jiksbu l-akbar vantaġġ possibbli", qal Andris Piebalgs, il-Kummissarju ta' l-Enerġija.
"Wasal il-waqt li l-konsumaturi u l-azjendi jgawdu l-benefiċċji ta' suq kompetittiv ta' l-enerġija, f'termini ta' l-għażla ta' fornituri u prezzijiet aktar ġusti. Dawn il-benefiċċji l-proposti ta' llum iġibuhom tassew", ikkumentat Neelie Kroes, il-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni.
Biex is-suq intern ta' l-enerġija jaħdem sew għall-konsumaturi kollha, kbar u żgħar, u biex tgħin lill-UE tilħaq enerġija aktar żgura, kompetittiva u sostenibbli, il-Kummissjoni qed tipproponi għadd ta' miżuri biex tissupplimenta r-regoli eżistenti.
Il-klijenti sejrin jibbenefikaw ukoll minn Karta tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija, li għandha tiġi varata fl-2008. Din sejra tinkludi miżuri biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku, informazzjoni għall-konsumaturi biex jagħżlu bejn fornituri u alternattivi ta' provvista, azzjonijiet biex jitnaqqsu l-formalitajiet meta dak li jkun jeqleb minn fornitur għall-ieħor, u biex iħarsu ċ-ċittadini minn-prattiċi kummerċjali inġusti. Kampanja separata ta' tagħrif sejra tgħarraf lill-konsumaturi bi drittijiethom.
Il-pakkett ta' miżuri propost antiċipatu l-Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa[2] tal-Kummisjsoni, li l-Kunsill Ewropew approvaha f'Marzu 2007. Din esponiet il-ħtieġa li, fl-enerġija, l-UE tippjana rotta lejn ekonomija żgura, sostenibbli u ta' ftit karbonju, għall-ġid taċ-ċittadini kolha tagħha. Swieq tassew kompetittivi bis-sħiħ huma prerekwiżit essenzjali biex dan il-għan jintlaħaq. Mill-1 ta' Lulju 2007, iċ-ċittadini fi ħdan l-UE kollha kemm hi diġà għandhom id-dritt li jagħżlu l-fornitur tagħhom. Il-pakkett il-ġdid għandu l-għan li l-fornituri kollha jissodisfaw standards għolja ta' servizz, sostenibbiltà u sigurtà.
Il-proposti tal-Kummissjoni għas-suq intern ta' l-enerġija huma
parti integrali ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, u l-sitrateġija
enerġetika ta' l-UE sejra tiġi diskussa bejn il-Kapijiet ta' l-Istati
u l-Gvernijiet fis-samits regolari tagħhom.
It-testi kollha sejrin ikunu
disponibbli fis-sit:
http://ec.europa.eu/energy/electricity/package_2007/index_en.htm
[1] • Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija ta' l-UE għall-kooperazzjoni tar-Regolaturi Nazzjonali ta' l-Enerġija
• Direttiva dwar l-Elettriku li temenda u tikkompleta d-Direttiva dwar l-Elettriku eżistenti 2003/54
• Direttiva dwar il-Gass li temenda u tikkompleta d-Direttiva dwar il-Gass eżistenti 2003/55
• Regolament dwar l-Elettriku li jemenda u jikkompleta r-Regolament dwar l-Elettriku eżistenti 1228/03
• Regolament dwar il-Gass li jemenda u jikkompleta r-Regolament dwar il-Gass eżistenti 1775/55
[2] (COM (2007) 1 finali)