Navigation path

Left navigation

Additional tools

Karozzi intelliġenti: Il-Kummissjoni twitti t-triq għal karozzi aktar sikuri, aktar ekoloġiċi u aktar intelliġenti

European Commission - IP/07/1342   17/09/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/07/1342

[Graphic in PDF & Word format]

Brussell, is-17 ta' Settembru 2007

Karozzi intelliġenti: Il-Kummissjoni twitti t-triq għal karozzi aktar sikuri, aktar ekoloġiċi u aktar intelliġenti

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat pjanijiet ġodda biex taċċelera l-introduzzjoni ta' karozzi aktar sikuri, aktar ekoloġiċi u aktar intelliġenti. Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tibda n-negozjati ma' l-assoċjazzjonijiet Ewropej u Ażjatiċi fis-settur ta' l-industrija tal-karozzi biex tasal għal ftehim biex toffri s-sistema ta' telefonata ta' emerġenza installata fil-vettura (eCall) bħala opzjoni standard fil-karozzi ġodda kollha mill-2010. Hija se tkompli tippromwovi l-adozzjoni ta' teknoloġiji oħra li jsalvaw il-ħajja u tinvestiga kif it-teknoloġija tista' tgħin biex il-karozzi jsiru aktar ekoloġiċi u aktar intelliġenti.

"It-teknoloġija tista' ssalva il-ħajja tan-nies, ittejjeb it-trasport bit-triq u tħares l-ambjent. L-UE għandha xxerred din l-aħbar tajba fost il-konsumaturi u tkompli tagħmel pressjoni fuq il-partijiet interessati biex jiggarantixxu li l-Ewropej jibbenefikaw minn dawn it-teknoloġiji ta' suċċess mill-aktar fis possibbli," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju ta' l-UE responsabbli mis-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u l-Midja. "Jekk tassew irridu nsalvaw ħajjet in-nies fuq it-toroq Ewropej, is-27 Stat Membru kollha għandhom jistabbilixxu skadenza biex l-eCall u l-Kontroll Elettroniku ta' l-Istabbiltà (ESC) isiru tagħmir standard fil-karozzi l-ġodda kollha. Fl-istess ħin neħtieġu nneħħu l-ostakli amministrattivi għall-innovazzjonijiet li se jagħmlu l-karozzi aktar sikuri u aktar ekoloġiċi. Pereżemplju, irridu niggarantixxu li l-frekwenzi tar-radju jkunu disponibbli għal sistemi ta' sewqan kooperattiv li se jnaqqas l-inċidenti, inrażżnu l-konġestjoni u nbaxxu l-emissjonijiet tas-CO2. F'każ li progress mgħaġġel ma jistax isir b'mod volontarju, lesta li nintervjeni."

Jacques Barrot, il-Kummissarju għat-Trasport, qal: "Fil-ġlieda tagħna biex innaqqsu bin-nofs l-inċidenti tat-triq sa l-2010, qegħdin nieħdu azzjoni f'kull qasam – sewwieqa aktar sikuri, infrastruttura aktar sikura u vetturi aktar sikuri. Permezz ta' din l-azzjoni dwar il-karozzi sikuri, il-Kummissjoni qed tinsisti biex ikun garantit li l-aktar teknoloġija avvanzata ssib ruħha fil-karozzi tagħna kemm jista' jkun malajr fejn se tgħin biex issalva ħajjet in-nies u tnaqqas l-impatt ambjentali fuq it-trasport.

Il-Viċi President Günter Verheugen, il-Kummissarju għall-Impriża u l-Industrija, żied: "Għandna nisfruttaw bis-sħiħ it-teknoloġiji u l-għarfien tagħna għall-ġid tas-soċjetajiet tagħna. Għad-dispożizzjoni tagħna, għandna teknoloġiji biex jgħinu b'mod aħjar lis-sewwieqa u b'hekk se ngħinu fil-prevenzjoni ta' traġedji umani. Għaldaqstant, ipproponejt biex il-Kontroll Elettroniku ta' l-Istabbiltà (ESC) isir obbligatorju għall-karozzi l-ġodda mill-2011 u issa qiegħed nistenna r-reazzjoni mill-pubbliku."

Il-Komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni dwar l-inizjattiva "Karozza Intelliġenti" adottata llum tippreżenta tliet prijoritajiet ewlenin: karozzi aktar sikuri, aktar ekoloġiċi u aktar intelliġenti.

Bil-għan li titjieb is-sikurezza, il-dokument politiku jħeġġeġ l-adozzjoni ta' teknoloġiji li jipprevjenu l-inċidenti. Pereżempju:

  • Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx il-Memorandum ta' Ftehim dwar l-eCall tal-Kummissjoni biex jagħmlu dan sa l-aħħar ta' l-2007, (ara IP/07/760). Sa 2,500 ħajja tista' tiġi salvata fl-Ewropa jekk il-karozzi kollha jkunu mgħammra bl-eCall. Hija tipprevedi azzjonijiet regolatorji possibbli fl-2008, jekk sa dan iż-żmien, l-għadd ta' firmatarji jkun għadu baxx.
  • Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tibda il-konsultazzjonijiet dwar il-mod kif id-disponibilità tal-Kontroll Elettroniku ta' l-Istabbiltà titħaffef għall-karozzi ta' daqs medju u żgħir. 4000 ħajja tista' tiġi salvata fis-sena u 100,000 ħabta evitata, jekk il-karozzi kollha jkunu mgħammra bl-ESC (ara IP/07/621), bħalma enfasizzat l-inizjattiva ta' sensibilizzazzjoni ChooseESC! (www.chooseesc.eu/) ta' dan l-aħħar.
  • Il-Kummissjoni se torganizza konsultazzjoni aktar tard din is-sena dwar jekk l-installazzjoni ta' sistemi ta' assistenza fl-ibbrejkjar u għall-prevenzjoni ta' inċidenti għandhiex tkun obbligatorja għall-karozzi kollha. Is-sensuri li jagħtu lis-sewwieqa twissija ta' nofs sekonda qabel il-ħabta jistgħu jnaqqsu l-kolliżjonijiet minn wara b'60%.

Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll linji gwida dwar inċentivi, bħalma huma skemi tat-taxxa ta' l-Istati Membri, għal sistemi tal-karozzi intelliġenti sa nofs l-2008.

Biex it-trasport bit-triq isir aktar ekoloġiku, fl-2008, il-Kummissjoni sejra tipproponi pjan biex tiżviluppa t-teknoloġiji l-aktar effikaċi b'emissjonijiet baxxi ta' CO2, kemm għall-vetturi kif ukoll għall-infrastruttura. Dan il-pjan se jiġi ppreżentat wara li joħorġu r-riżultati ta' l-istudju biex jiġi kkwantifikat il-kontribut ta' l-ICTs biex jitnaqqas is-CO2 fit-trasport bit-triq li dwaru, attwalment, għad ma hemmx data affidabbli.

Għal trasport bit-triq aktar intelliġenti, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-partijiet interessati rilevanti kollha biex jiżviluppaw interface standard biex, pereżempju, jiġi kkollegat l-apparat mobbli tan-navigazzjoni ma' sistemi integrati oħra fil-vettura. Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-fornituri tat-tagħmir u l-produtturi tal-karozzi biex jimplimentaw r-rakkomandazzjoni tagħha ta' Diċembru 2006 ta' l-Interfaces bejn il-bniedem u l-magna dwar il-prinċiplji ġenerali għall-installazzjoni u l-użu sikur ta' sistemi mobbli ta' informazzjoni u komunikazzjoni abbord il-karozzi. Hija se tkompli tiffinanzja wkoll ir-riċerka fil-komunikazzjonijiet intelliġenti għal trasport aktar sikur u effiċjenti.

Kuntest:

L-inizjattiva "Karozza Intelliġenti", parti mill-istrateġija i2010 ta' l-UE (ara IP/05/643), tnediet fi Frar 2006. Dan kien l-ewwel qafas strateġiku għat-trasport bit-triq aktar intelliġenti, aktar sikur u aktar ekoloġiku bbażat fuq l-ICTs (ara IP/06/191).

Din il-Komunikazzjoni se tiġi ppreżentata għada fil-Manifestazzjoni Annwali tal-Karozza Intelliġenti ta' l-2007 f'Versailles, Franza. Fid-19-20 ta' Settembru, se jiġu ppreżentati r-riżultati finali ta' proġett ta' riċerka ffinanzjat mill-UE li eżamina l-applikazzjonijiet u t-teknoloġiji preventivi għas-sikurezza tat-toroq. Barra minn hekk, il-ġurnalisti se jkunu jistgħu jaraw aktar mill-qrib 24 prototip ta' vetturi u sitt simulaturi.

Fit-22 ta' Settembru 2007, f'Versailles, se jkun hemm dimostrazzjoni li fiha l-pubbliku se jkun jista' jara karozzi prototipi u jsir jaf dwar il-karozza tal-ġejjieni.

S'issa, aktar minn 50 parti interessata (bħalma huma l-industrija tal-karozzi, il-fornituri tal-karozzi, l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet, l-operaturi tat-toroq, l-organizzazzjonijiet ta' emerġenza, il-klabbs tal-karozzi, eċċ.) kif ukoll dawn il-pajjiżi ffirmaw il-Memorandum ta' Ftehim dwar l-eCall: l-Awstrija, Ċipru, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Iżlanda, il-Litwanja, in-Norveġja, is-Slovenja, l-Iżvezja, u l-Iżvizzera. Għal-lista kompluta ara:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/esafety/doc/esafety_library/mou/list_of_signatures_mou.pdf

Għall-mistoqsijiet l-aktar frekwenti, siti ta' l-internet relatati, materjal awdjoviżiv u r-rakkomandazzjoni ta' l-Interfaces bejn il-bniedem u l-magna, ara l-pakkett għall-istampa:

http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/itemlongdetail.cfm?item_id=3602

MEMO/07/358


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website