Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/1281

Brussell, 5 ta' Settembru 2007

Il-Kummissjoni trid tinvolvi liż-żgħażagħ fis-soċjetà b'mod aħjar

Hekk kif il-popolazzjoni ta’ l-Ewropa qed tixjieħ malajr u l-għadd ta’ ħaddiema żgħażagħ qed jiċkien, l-UE se tiddependi dejjem aktar fuq il-ġenerazzjoni żgħażugħa. Skond analiżi tal-Kummissjoni ppreżentata llum, iż-żgħażagħ ta' sikwit mhumiex imħejja biżżejjed biex jieħdu din ir-responsabbiltà fuq spallithom. Wieħed/waħda minn kull sitta taż-żgħażagħ Ewropej jitlaq/titlaq mill-iskola qabel il-waqt u 4.6 miljun żagħżugħ/żagħżugħa ta’ bejn il-15 u l-24 sena jinsabu bla xogħol. Id-dokument jenfasizza l-bżonn, fil-livell ta’ l-UE u fil-livell nazzjonali, li jsir aktar investiment fl-edukazzjoni u s-saħħa taż-żgħażagħ u dan għandu jsir fi żmien aktar bikri u biex jittejbu t-tranżizzjonijiet mill-edukazzjoni għad-dinja tax-xogħol. Jenfasizza wkoll l-importazzjoni li ż-żgħażagħ jiġu involuti aktar fil-ħajja ċivika, kif ukoll fis-soċjetà b’mod ġenerali.

“Hekk kif miljuni ta’ żgħażagħ Ewropej imorru lura l-iskola fil-bidu tas-sena akkademika l-ġdida, għandna nirduppjaw l-isforzi tagħna biex noħolqu kondizzjonijiet aħjar għaż-żgħażagħ biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jieħdu sehem b'mod aktar attiv fis-soċjetà. Iż-żgħażagħ iridu jħossu li hu fl-interess tagħhom li jimpenjaw ruħhom fis-soċjetà” qal Ján Figel’, il-Kummissarju ta’ l-UE għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, il-Kultura u ż-Żgħażagħ.

Vladimír Špidla, Il-Kummissarju ta' l-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs, qal: “Għandna nindirizzaw il-qagħda paradossali fejn l-UE għandha nuqqas ta' ħaddiema minn naħa u wisq żgħażagħ qiegħda min-naħa l-oħra – id-doppju tar-rata globali ta' qgħad ta' l-UE." Huwa żiedied, "għandna nagħtu aktar attenzjoni għall-ħolqien ta’ soċjetà inklussiva fejn l-ebda tifel/tifla jew żagħżugħ/a ma jitħalla/titħalla barra."

L-isfidi li ż-żgħażagħ għandhom iħabbtu wiċċhom magħhom, huma hu jikbru, saru aktar kumplessi minn dawk li kellhom il-ġenerazzjoni tal-ġenituri tagħhom. It-tranżizzjonijiet mill-iskola għad-dinja tax-xogħol huma kkumplikati. Nofs ix-xogħlijiet tal-lum jeħtieġu kwalifiki ta’ livell għoli u oħrajn jitolbu ħafna aktar ħiliet varjati milli fl-imgħoddi. Madwar kwart miż-żgħażagħ Ewropej m’għandhomx il-ħiliet u l-kapaċitajiet meħtieġa biex jagħmlu parti mis-suq tax-xogħol. F’bosta Stati Membri, żagħżugħ(a) minn kull tlieta jibqa'/tibqa' mingħajr xogħol sa sena wara li jieqaf/tieqaf mill-istudju.

Il-prospetti ta’ edukazzjoni u ta' impjiegi għandhom jitjiebu. Fl-istess ħin, l-attivitajiet ta’ volontarjat huma importanti sabiex jinvolvu liż-żgħażagħ biex ikollhom parti attiva fis-soċjetà. Kooperazzjoni aħjar u l-iskambju ta’ prassi tajba jistgħu jgħinu jiżviluppaw attivitajiet bħal dawn. Sħarriġ riċenti ta’ l-Ewrobarometru wera li 74% taż-żgħażagħ jemmnu li l-programmi ta’ volontarjat huma mezz tajjeb biex iżidu s-sehem tagħhom fis-soċjetà.

Illum il-Kummissjoni enfasizzat, b’mod partikolari, il-bżonn li tinvesti aktar, u fi żmien bikri kemm jista’ jkun, fiż-żgħażagħ – mhux biss f’termini finanzjarji iżda wkoll f’termini politiċi u soċjali, permezz ta’ familji, NGOs, għalliema u min jimpjega. L-iżvilupp ta’ strateġiji trasversali taż-żgħażagħ iridu jkunu prijorità – kemm fil-livell ta’ l-UE kif ukoll f'dak nazzjonali – li jkopri firxa wiesgħa ta’ żoni politiċi bħall-edukazzjoni, l-impjieg, is-saħħa, l-impriża, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isports. Il-Kummissjoni sejħet ukoll lill-Istati Membri sabiex iżidu l-isforzi tagħhom billi:

• naqqsu t-tluq bikri mill-iskola u jipprovdu aktar edukazzjoni skolastika bikrija – jibdew mit-tfal f’żoni żvantaġġati u jiżviluppaw il-miżuri ta’ sostenn biex jiġi evitat tluq bikri mill-iskola;

• Jindirizzaw il-kwistjonijiet taż-żgħażagħ fl-istrateġija tat-Tkabbir u ta’ l-Impjiegi ta’ l-UE permezz ta’ strateġiji ta’ “flessigurtà” li jiffokaw fuq iż-żgħażagħ u jtejbu l-prospetti tan-nies il-ġodda fis-suq tax-xogħol;

• Joħolqu rabtiet aħjar bejn in-negozju u l-edukazzjoni u jtejbu l-mobbiltà. F’dan l-ispirtu, it-tnedija ta’ l-inizjattiva pilota tal-Kummissjoni “L-Ewwel xogħol tiegħek barra minn pajjiżek” biex tippromwovi l-mobbiltà tal-ħaddiema fl-UE se tkun parti mill-Ġranet tax-Xogħol ta’ l-UE ta’ l-2007;

• Jinvolvu ż-żgħażagħ stess fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-valutazzjoni ta’ politiki orjentati lejn iż-żgħażagħ billi jsaħħu s-sħubija eżistenti fost iż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet tagħhom u l-istituti ta' l-UE. Dan jista’ jkun artikolat u kkonfermat fis-sura ta’ dikjarazzjoni mill-UE u l-Istati Membri biex jiżviluppaw opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ b’impenn miż-żgħażagħ li jieħdu sehem attiv.

Il-Komunikazzjoni fiha bosta proposti konkreti oħrajn:’

• Rapport ta’ l-UE dwar iż-żgħażagħ li għandu jitħejja kull tliet snin bis-sehem taż-żgħażagħ. Dan għandu jiddeskrivi u janalizza l-qagħda taż-żgħażagħ fl-Ewropa, jiżviluppa fehma akbar tal-kwistjonijiet, u jżid il-kooperazzjoni trasversali.

• Inizjattiva għal karta tal-kwalità Ewropea dwar taħriġ intern fl-2008, biex tippromwovi t-taħriġ intern u tiġġieled kontra l-abbuż.

• Strateġija ġdida għas-Saħħa li ssostni azzjonijiet imfassla apposta għaż-żgħażagħ, li bħalissa għadha fi stadju ta' tħejjija.

• Konsultazzjoni u stima ta’ l-impatt fuq attivitajiet ta’ volontarjat, biex iħejju aktar inizjattivi maħsuba biex jegħlbu x-xkiel u maħsuba sabiex jingħarfu aħjar il-ħiliet li nkisbu permezz tal-volontarjat.

• Analiżi ta’ prassi nazzjonali rigward l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura, bi ħsieb li dan l-aċċess isir wieħed aktar faċli.

Il-Komunikazzjoni tal-lum hi akkumpanjata minn żewġ dokumenti mill-Kummissjoni dwar l-impjiegi taż-żgħażagħ u l-attivitajiet ta’ volontarjat għaż-żgħażagħ. Id-dokument dwar l-impjiegi jipprovdi, għall-ewwel darba, analiżi dwar il-qagħda ta’ l-impjiegi għaż-żgħażagħ bejn il-15 u t-30 sena fl-UE-27 u jinkludi anness statistiku dettaljat. It-tieni rapport jagħti dehra globali analitika tal-politiki nazzjonali dwar l-attivitajiet ta’ volontarjat għaż-żgħażagħ imsejjes fuq rapporti mill-Istati Membri.

Il-Komunikazzjoni tissejjes fuq konsultazzjoni mal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ li twettaq mill-Kummissjoni u se jservi ta’ bażi għall-iżvilupp fil-ġejjieni tal-koordinazzjoni tal-politika taż-żgħażagħ fl-UE. Il-Kummissarji Figel' u Špidla se jippreżentaw id-dokument liż-żgħażagħ fis-16 ta’ Settembru f’attività taż-żgħażagħ f’Liżbona ddedikata fil-biċċa l-kbira għal din l-inizjattiva.
Għal aktar tagħrif ara:

http://ec.europa.eu/youth/
L-isfond:


http://ec.europa.eu/employment_social/employment_strategyStudju tematiku fuq il-Miżuri tal-Politika rigward iż-żgħażagħ żvantaġġati:

http://ec.europa.eu/employment_social/emplweb/publications/publication_en.cfm?id=68
Valutazzjoni ta’ l-Osservatorju Ewropew ta' l-Impjiegi tal-Ħarifa ta’ l-2005 dwar l-impjiegi taż-żgħażagħ:

http://www.eu-employment-observatory.net/resources/reviews/EN-EEOAutumnRvw2005.pdf


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website