Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ewrobarometru: It-tfal Ewropej għandhom wisq kunfidenza ma' kif jindirizzaw ir-riskji li jeżistu online?

European Commission - IP/07/1227   10/08/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/07/1227

Brussell, l-10 ta' Awwissu 2007

Ewrobarometru: It-tfal Ewropej għandhom wisq kunfidenza ma' kif jindirizzaw ir-riskji li jeżistu online?

Il-ġenituri ta' tifla ta' tlettax-il sena jistgħu jafdawha waqt li tkun qed tisserfja l-internet? Jafu fiċ-ċert li l-konversazzjoni ta' binhom ta' ħdax-il sena fuq il-mowbajl mhix ta' periklu għalih? Il-Kummissjoni għamlet stħarriġ ma' tfal mill-Ewropa kollha li indaga kif jużaw il-midja ġdida. Dan l-istħarriġ juri li l-użu ta' l-internet u tal-mowbajl fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa Ewropea sar evidenti ħafna. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, iż-żgħażagħ jafu bil-perikli li jeżistu meta wieħed juża l-internet jew il-mowbajl. Madankollu, meta jiltaqgħu ma' xi problemi waqt li jkunu online, l-aħħar ma jistaqsu għall-għajnuna huwa lill-ġenituri.

"Din hija l-ewwel darba li t-tfal Ewropej ġew mistoqsija direttament dwar kif jużaw it-teknoloġiji online, kemm idumu jfittxu online għal xogħol relatat ma' l-iskola u kemm għall-gost, u dwar kif jindirizzaw ir-riskji li jiltaqgħu magħhom," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju Ewropew għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u l-Midja. "Huwa inkoraġġanti l-fatt li ż-żgħażagħ Ewropej qegħdin iħaddnu t-teknoloġiji diġitali b'tant kunfidenza. Il-kapaċità li l-bniedem juża l-midja ġdida b'mod attiv hija element fundamentali għall-iżvilupp ta' soċjetà Ewropea bbażata fuq l-għarfien. Fl-istess ħin, ir-riżultati li ħarġu minn dan l-istħarriġ jenfasizzaw il-ħtieġa li l-Ewropa trid tkun proattiva f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-edukazzjoni tal-midja online. Għandna nkomplu nżidu l-għarfien dwar l-opportunitajiet u r-riskji tal-midja ġdida, speċjalment fost il-ġenituri. Fejn tidħol is-sigurtà ta' uliedna, qatt ma għandna nkunu moħna mistrieħ biżżejjed."

Fl-istħarriġ kwalitattiv ta' l-Ewrobarometru pparteċipaw tfal ta' bejn disgħa u għaxar snin u bejn tnax u erbatax-il sena minn fost is-27 Stat Membru u minn Norveġja u l-Iżlanda. Sarulhom ħafna mistoqsijiet fil-fond dwar kif huma jużaw it-teknoloġiji online, u dwar kif jindirizzaw il-problemi u r-riskji li jiltaqgħu magħhom fuq l-internet u l-mowbajl.

L-istħarriġ juri li, madwar l-Ewropa kollha, it-tfal jużaw dawn it-teknoloġiji b'mod simili ħafna. Il-logħob, is-surfing u l-komunikazzjoni online huma meqjusa bħala l-aktar attivitajiet komuni fuq l-internet, filwaqt li ż-żgħażagħ, l-aktar li jużaw il-mowbajl huwa għall-messaġġi qosra u konversazzjonijiet mal-ġenituri u mal-ħbieb.

Il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ jużaw l-internet diversi drabi matul il-jum, u għandhom mowbajl personali. Sa ċertu punt, l-użu ta' l-internet huwa kkontrollat mill-ġenituri, filwaqt li l-użu tal-mowbajl huwa kkontrollat ferm anqas.

Kif qal wieħed mit-tfal: "Il-ġenituri jgħiduli biex ma ndumx aktar minn siegħa jew tnejn għax jagħmilli l-ħsara f'għajnejja. Inkun nixtieq nibqa' aktar, imma għandhom raġun" (Tifel Rumen ta' 9-10 snin)

Ir-riżultati ta' l-istħarriġ juru li ġeneralment, it-tfal jafu bir-riskji li jistgħu jeżistu online, bħal riskji ta' sigurtà, viruses, l-aċċess għal kontenut li ma jkunx mixtieq, is-serq ta' l-identità u l-possibbiltà ta' kuntatti perikolużi ma' nies li ma jkunux jafuhom.

"Il-hackers huma perikolużi għax jistgħu jxerrdu viruses li jiddistruġġu l-hard disk jew jikkupjaw dak kollu li jkollna fuq il-kompjuter, il-passwords, id-dokumenti, eċċ." (Tifel Portugiż ta' 9-10 snin)

Barra minn hekk, ħafna minn dawn it-tfal jafu sew dwar il-prekawzjonijiet neċessarji li jridu jieħdu.

"Ma għandekx tagħti d-dejta personali tiegħek fuq l-internet, u lanqas in-numru tal-mowbajl tiegħek lil nies li ma tafx" (Tifla Lussemburgiża ta' 12-14-il sena)

Madankollu, xi tfal ammettew li laħqu ħadu riskji, u xi wħud irrikonoxxew li ġew vittimizzati minn bullies u li kellhom kuntatt ma' nies li ma kinux jafuhom.

"Iltqajt miegħu fi stazzjon, biex sibt li kien raġel xiħ u diżgustanti ta' 44 sena. Imbagħad tlaqt 'l hemm!" (Tifel Daniż ta' 12-14-il sena)

Għalkemm iż-żgħażagħ jafu b'dawn ir-riskji u prekawzjonijiet, ħafna minnhom jippreferu jsolvu l-problema weħidhom jew mal-ħbieb, u l-aħħar li jitkellmu hu mal-ġenituri, u fl-aktar każijiet serji biss.

"Kieku, ngħid 'il kulħadd barra lil ġenituri, għax nibża' li ommi tikkonferma l-biża' tagħha u ma tħallinix immur f'chat rooms aktar". (Tifla Ġermaniża ta' 9-10 snin).

Ir-riżultati ta' l-Ewrobarometru għandhom jgħinu lill-Kummissjoni biex tkompli tirfina l-programm "Internet Aktar Sikur" ta' l-UE biex dan jikkontribwixxi aħjar għas-sikurezza fl-użu ta' l-internet u l-mowbajl mit-tfal Ewropej. Dan isegwi l-ftehim ta' l-operaturi tal-mowbajls Ewropej, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa ta' l-2007, biex jirregolaw l-isforzi tagħhom biex iħarsu l-minuri li jużaw il-mowbajls (ara IP/07/139).

Il-Jum għal Internet Aktar Sikur li jmiss għandu jkun it-12 ta' Frar 2008.

Tagħrif ġenerali:

Il-programm "Internet Aktar Sikur" li ilu li beda mill-1999, jippromwovi l-użu aktar sikur tat-teknoloġiji online, b'mod partikolari mit-tfal, u jagħti sehem fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali u ta' ħsara li jvarja minn stampi ta' abbuż tat-tfal sa razziżmu. Il-fażi attwali (Internet Aktar Sikur u aktar) għandha tkompli sa l-2008 (ara IP/06/1512, MEMO/07/44).

Il-Jum għal Internet Aktar Sikur annwali jenfasizza dawn l-inizjattivi b'mod globali u jgħin sabiex jitrawwem l-għarfien dwar il-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-użu aktar sikur ta' l-internet u tat-teknoloġiji ġodda (ara IP/07/140, IP/06/126, IP/05/148, IP/04/171).

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/saferinternet

Konklużjonijiet ta' l-istħarriġ Ewrobarometru dwar l-użu tat-teknoloġiji online mit-tfal:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/eurobarometer/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website