IP/07/114
Brussell, il-31 ta' Jannar 2007
Kompetizzjoni: l-inkjesta settorjali
tal-Kummissjoni issib li hemm ostakli sinifikanti għall-kompetizzjoni
fis-settur bankarju għall-klijenti ġenerali
Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-rapport finali
tagħha ta' l-inkjesta dwar il-kompetizzjoni fis-settur bankarju fejn
jidħlu l-klijenti ġenerali. L-inkjesta identifikat xi tħassib
dwar il-kompetizzjoni fis-swieq għal karti ta' pagament, is-sistemi ta'
pagament u l-prodotti bankarji. Indikaturi partikolari huma l-varjazzjonijiet
kbar fil-ħlas ta' merkanzija u ta' skambju għal karti ta' pagament,
l-ostakli għad-dħul fis-swieq għas-sistemi ta' pagament u
r-reġistri ta' kreditu, l-ostakli għal mobilità tal-konsumatur u
għar-rabta ta' prodott ma' ieħor. Uħud mill-parteċipanti
fis-suq diġà offrew li jagħmlu riformi volontarji wara
l-pubblikazzjoni tas-sejbiet preliminari dwar il-karti ta' pagament fl-2006 (ara
IP/06/496
u MEMO/06/164).
Il-Kummissjoni se tuża l-poteri tagħha skond ir-regoli
tal-kompetizzjoni sabiex tindirizza kull abbuż serju, b'ħidma
mill-qrib ma' l-awtoritajiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Ir-riżultat
ta' l-inkjesta għandha tħeġġeġ il-kompetizzjoni
bankarja fost il-klijenti ġenerali fil-mixja lejn il-ħolqien ta'
Żona Unika ta' Pagament bl-Euro (SEPA).
Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet: "L-inkjesta sabet
firxa ta' ostakli għal kompetizzjoni li bla ħtieġa jgħollu
l-ispejjeż tas-servizzi bankarji għall-kumpaniji Ewropej u
għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni se tuża l-poteri kollha tagħha
skond il-liġi dwar il-kompetizzjoni sabiex tindirizza dawn l-ostakli,
fis-suq tal-karti ta' pagament u bnadi oħra meta jirriżultaw minn
imġieba li ttellef il-kompetizzjoni."
Karti ta' pagament u sistemi ta' pagament
L-industrija Ewropea tal-karti ta' pagament hija kbira u tipprovdi l-mezzi
biex isiru pagamenti mill-konsumaturi b'valur globali ta' 1,350 biljun €
kull sena. Pagamenti bħal dawn jiġġeneraw madwar €25 biljun
fi ħlas annwali għal banek minn kumpaniji fl-UE. L-inkjesta
tal-Kummissjoni sabet indikazzjonijiet ta' diversi tħassib:
- swieq ikkonċentrati ħafna f'bosta Stati Membri, b'mod
partikolari sabiex tinkiseb karta ta' pagament, din tista' tippermetti
lill-banek li huma bħalissa fis-suq sabiex itellfu milli jidħlu
kompetituri ġodda u biex jitolbu ħlas għoli fuq il-karti.
- varjazzjonijiet kbar fil-ħlas ta' merkanzija madwar l-UE. Per
eżempju, kumpaniji fi Stati Membri bi ħlas għoli għandhom
iħallsu lill-banek tliet jew erba' darbiet aktar mid-dħul tagħhom
minn bejgħ bil-karti minn kumpaniji fi Stati Membri bi ħlas baxx.
- varjazzjonijiet kbar fil-ħlas ta' skambju bejn banek madwar
l-UE, li ma jistgħux jinbidlu b'mod sħiħ fi spejjeż aktar
baxxi għal proprjetarju tal-karta. Il-Kummissjoni mhix targumenta li
l-ħlas ta' skambju għandu jkun ekwivalenti għal zero; iżda,
l-operat tagħhom f'xi netwerks ta' ħlas tqajjem tħassib
- profittabilità għolja u sostnuta – b'mod partikolari
fil-ħruġ ta' karti – jindika li xi banek f'ċerti Stati
Membri jgawdu minn poter sinifikanti fis-suq u jistgħu jimponu ħlas
għoli fuq il-karti għal kumpaniji u għall-konsumaturi
- regoli u prassi li jdgħajfu l-kompetizzjoni fuq il-livell
tan-negozjant; per eżempju tal-ħlas ta' merkanzija u l-projbizzjoni
ta' ħlas aktar minn normal u
- stadards tekniċi diverġenti madwar l-UE ma jħallux lil
ħafna fornituri tas-servizzi joperaw b'mod effiċjenti fuq skala
pan-Ewropea.
Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport proviżjoru dwar
il-karti u s-sistemi ta' pagament, il-Kummissjoni iltaqgħet ma' banek
f'numru ta' Stati Membri sabiex tiddiskuti magħhom fejn
l-awto-regolamentazzjoni tista' tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni.
Din l-istrateġija qed tagħti riżultati promettenti. Eżempji
tajbin ta' parteċipanti fis-suq li ħadu l-passi inizjali sabiex
jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni huma; l-Awstrija, il-Finlandja u
l-Portugall.
L-industrija bankarja Ewropea – bl-appoġġ sħiħ
tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew – qed taħdem biex
toħloq Żona Unika ta' Pagament bl-Euro (SEPA) sabiex titjieb
l-effiċjenza u jitnaqqsu l-ispejjes tal-pagamenti fil-qasam tal-bejgħ
bl-imnut. L-inkjesta tas-settur enfasizzat bosta ostakli tas-suq li
għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest tas-SEPA.
Swieq ta' prodotti bankarji
L-industrija bankarja ta' l-UE tipproduċi 250-275 biljun € kull
sena fi dħul gross, ekwivalenti għal 2% tal-PGD ta' l-UE.
Ġeneralment is-swieq huma frammentati bejn il-pajjiżi, maqsuma minn
fatturi li jinkludu l-ostakli ta' kompetizzjoni jew regolatorji, id-differenzi
legali u kulturali. L-inkjesta tas-settur sabet indikazzjonijiet ta' problemi
dwar il-kompetizzjoni f'diversi oqsma:
- f'xi Stati Membri, il-konġunzjoni ta' profittabilità għolja
sostnuta, il-konċentrazzjoni għolja tas-suq u l-evidenza ta' ostakli
għad-dħul tqajjem tħassib dwar il-ħila tal-bank sabiex
jinfluwenza l-livell tal-prezzijiet għall-konsumaturi u l-kumpaniji
zgħar
- xi reġistri ta' kreditu, li jżommu informazzjoni
kunfidenzjali li tintuża minn dawk li jisilfu sabiex jistabilixxu r-rati
ta' tislif, jistgħu jintużaw biex jeskludu operaturi ġodda
fis-suq bankarju
- xi aspetti ta' kooperazzjoni fost il-banek, jinkludu banek
tat-tfaddil u kooperattivi, jistgħu jnaqqsu l-kompetizzjoni u jfixklu
d-dħul fis-suq
- ir-rabta tal-prodott, p.e. fejn konsumatur tat-tislif jiġi
mġiegħel sabiex jixtri assigurazzjoni zejda jew kont kurrenti, huwa
mifrux f'bosta Stati Membri. Dan jista' jnaqqas l-għażla
tal-konsumatur u jżid il-poter tal-bank fis-suq sabiex jinfluwenza
il-prezzijiet u
- l-ostakli għall-mobilità tal-konsumatur fil-banek –
notevolment fl-inkonvenjenza tat-tibdil ta' kont kurrenti – huma
ħafna. L-analiżi ta' l-inkjesta tipproponi li l-marġini ta'
profitt huma anqas fejn ikun hemm l-aktar ċaqliq
tal-konsumatur.
L-inkjesta tas-settur infetħet f'Ġunju
2005 (ara IP/05/719).
Rapporti proviżjori dwar karti ta' pagament ġew ippubblikati f'April
2006 (ara IP/06/496)
u kontijiet kurrenti u servizzi relatati f'Lulju 2006 (ara IP/06/999).
Ir-rapport
finali dwar l-inkjesta tas-settur tal-Kummissjoni u dokumenti relatati huma
disponibbli fuq:
http://ec.europa.eu/comm/competition/antitrust/others/sector_inquiries/financial_services/
Għal aktar informazzjoni, ara wkoll: MEMO/07/40.