Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/07/1118

Brussell, it-18 ta' Lulju 2007

Il-Kummissjoni tiftaħ is-Suq Waħdieni ta' l-Ewropa għas-servizzi tat-TV Ċellulari

Illum, il-Kummissjoni adottat strateġija li tiffavorixxi l-aċċettazzjoni tat-TV ċellulari madwar is-27 Stat Membru ta’ l-UE. Il-Kummissjoni tħeġġeġ l-Istati Membri u l-industrija biex jiffaċilitaw u jaċċeleraw it-tixrid tat-TV ċellulari madwar l-Ewropa u biex jinkoraġġixxu l-użu tad-DVB-H bħala l-uniku standard Ewropew għat-TV ċellulari.

Ix-xandir ċellulari huwa opportunità tremenda biex l-Ewropa żżomm u tespandi r-rwol ta' tmexxija tagħha fit-teknoloġija ċellulari u s-servizzi awdjoviżivi", qalet Viviane Reding, il-Kummissarju ta' l-UE għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni u tal-Mezzi tax-Xandir. “L-Ewropa llum qiegħda f’salib it-toroq. Nistgħu jew nieħdu r-riedni globalment – kif għamilna għat-telefonija ċellulari bbażata fuq l-istandard tal-GSM żviluppata mill-industrija Ewropea – jew inħallu reġjuni oħra jieħdu l-biċċa l-kbira tas-suq promettenti tat-TV ċellulari. Li 'nistennew u naraw’ mhijiex alternattiva. Wasal iż-żmien biex l-industrija u l-gvernijiet ta’ l-Ewropa jixegħlu t-TV ċellulari.”

S’issa, l-introduzzjoni u l-aċċettazzjoni tat-TV ċellulari fl-UE mxew bil-mod, filwaqt li l-kompetituri Ewropej għamlu progress sinifikanti. Jekk l-Ewropa ma tiħux azzjoni konkreta immedjatament, tista’ titlef il-vantaġġ kompetittiv tagħha. Pereżempju, ir-rata ta' penetrazzjoni tat-TV ċellulari tal-Korea t'Isfel, is-suq Ażjatiku tat-TV ċellulari l-iktar żviluppat, hija qrib l-10%. Iżda l-penetrazzjoni fl-Italja, is-suq Ewropew l-iktar avvanzat, għadha inqas minn 1%.

Il-Kummissjoni hija impenjata sew għas-suċċess tat-TV ċellulari (ara IP/07/340) li jista’ jikkostitwixxi suq sa €20 biljun sa’ l-2011, li jilħaq xi 500 miljun klijent madwar id-dinja. Il-Kummissjoni tara il-Kommunikazzjoni Dwar it-Tisħiħ tas-Suq Intern għat-TV Ċellulari tal-lum bħala kruċjali biex toħloq impjiegi u opportunitajiet ta’ negozju għal dawk li joħolqu l-kontenut, dawk li jipprovdu s-servizzi u l-manifatturi tal-hardware, u biex tagħti servizzi ġodda ta’ iktar valur liċ-ċittadini.

Il-Kummissjoni identifikat tliet fatturi ewlenin ta' suċċess għall-aċċettazzjoni tat-TV ċellulari:

  • L-istandards/l-interoperabbiltà: Il-Kummissjoni se tippromwovi kunsens għall-istandard komuni, biex tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq ikkawżata minn għażliet tekniċi multipli għat-trażmissjoni tat-TV ċellulari. Is-suċċess universali ta’ l-istandard tal-GSM - li ġie appoġġjat sew mill-Kummissjoni u l-Istati Membri sa l-aħħar tas-snin tmenin - juri l-benefiċċju ta' standard komuni. Bħalissa, it-teknoloġija DVB-H (Digital Video Broadcasting for Handhelds) hija l-aqwa konkorrent għat-TV ċellulari fil-futur bi tnedijiet kummerċjali u provi b'suċċess fi 18-il pajjiż Ewropew, u kulma jmur dejjem aktar pajjiżi madwar id-dinja. Għalhekk il-Kummissjoni fil-ġimgħat li ġejjin se tħejji l-inklużjoni tad-DVB-H fil-lista uffiċjali ta’ l-istandards ta’ l-UE (ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE) u b’hekk tħeġġeġ ġuridikament l-użu tagħha fis-27 Stat Membru. Se tħares mill-qrib lejn l-iżviluppi tas-suq matul ix-xhur li ġejjin u tressaq xi proposti fl-2008 fosthom, jekk meħtieġ u xieraq, li l-użu tad-DVB-H isir obbligatorju.
  • Spektrum: Il-Komunikazzjoni tal-lum tiddeskrivi l-ħtieġa ta' strateġija ta' l-UE għad-"dividend diġitali", l-ispektrum primjum li se jiġi lliberat bil-qlib mix-xandir analogu tradizzjonali tat-TV għal dak tat-TV diġitali. Il-Kummissjoni titlob l-Istati Membri biex jagħmlu spektrum disponibbli għax-xandir ċellulari malajr kemm jista’ jkun, inkluża l-medda UHF (470-862 MHz) meta din issir disponibbli. Dan jitqies bħala l-ispektrum l-iktar adattat għas-servizzi ċellulari multimidja minħabba l-karatteristiċi tekniċi tiegħu. Il-Kummissjoni tat bidu wkoll għall-ftuħ tas-servizzi tat-TV ċellulari ta' medda oħra ta’ frekwenza, l-hekk imsejħa medda L (470-862 MHz) bħala soluzzjoni alternattiva.
  • Ambjent regolatorju favorevoli: Bħalissa l-istrateġiji nazzjonali għar-regolamentazzjoni tat-TV ċellulari ivarjaw konsiderevolment. Dan jiġġenera inċertezza regolatorja madwar l-UE. Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-TV ċellulari huwa servizz għadu jitwieled, u bħala tali għandu jibbenefika minn regolamentazzjoni "ħafifa". Sejra torganizza skambju ta’ l-aħjar prassi u tipprovdi gwida għal qafas koerenti għal sistemi ta' l-awtoritazzazzjoni tat-TV ċellulari.

Il-Kummissjoni tqis is-sena 2008 bħala waħda kruċjali għall-aċċettazzjoni tat-TV ċellulari fl-UE minħabba avvenimenti sportivi importanti, bħall-Kampjonat tal-Futbol Ewropew u l-Logħob Olimpiku tas-Sajf, li sejrin jipprovdu opportunità unika biex itejbu l-għarfien tal-konsumaturi u għall-adozzjoni ta’ servizzi ġodda.

L-isfond:

F’Marzu 2006, il-Kummissjoni ħeġġet it-twaqqif ta’ Kunsill Ewropew ta’ Xandir Ċellulari (EBMC) li jippromwovi t-TV ċellulari fl-Ewropa. Laqqa' flimkien atturi mit-telekomunikazzjonijiet, il-manifatturi u l-industriji tas-software, ix-xandir u l-kontenut. Madankollu, l-EMBC ma rnexxilhiex taqbel fuq soluzzjonijiet immexxija mill-industrija. Kien għalhekk li l-Kummissjoni issa ddeċidiet li tintervjeni u tappoġġa attivament l-aċċettazzjoni tat-TV ċellulari fl-Ewropa.
Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/itemlongdetail.cfm?item_id=3535

Ara wkoll MEMO/07/298


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site