Navigation path

Left navigation

Additional tools

Erasmus Mundus II — ir-referenza għal kooperazzjoni internazzjonali fl-edukazzjoni ogħla

European Commission - IP/07/1081   12/07/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/07/1081

Brussell, 12 ta' Lulju 2007

Erasmus Mundus II — ir-referenza għal kooperazzjoni internazzjonali fl-edukazzjoni ogħla

Il-Kummisjoni Ewropea llum adottat proposta għat-tnedija ta' ġenerazzjoni ġdida tal-programm Erasmus Mundus għall-perjodu 2009-13. Il-programm Erasmus Mundus beda fl-2004 sabiex jippromwovi l-edukazzjoni ogħla Ewropea bħala ċentru ta' eċċellenza fid-dinja. Fl-ewwel tliet snin akademiċi (2004-2006), aktar minn 2,300 student ħadu sehem fil-programm u 'l fuq minn 1,800 għadhom kemm intagħżlu sabiex jibdew l-istudji tagħhom fl-Ewropa f'Settembru ta' din is-sena. Il-programm il-ġdid Erasmus Mundus II jibni fuq dan billi jimmira li jsir il-programm ta' referenza ta' l-UE għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi f'dan il-qasam. F'perjodu ta' ħames snin, ftit aktar minn 950 miljun ewro għandhom ikunu disponibbli għall-universitajiet Ewroprj u dawk ta' pajjiżi terzi sabiex ilaqqgħu l-ħiliet tagħhom fi programmi konġunti jew fi sħubiji kollaborattivi, u sabiex jagħtu boroż ta' studju lil studenti Ewropej u dawk ta' pajjiżi terzi għal esperjenza internazzjonali ta' studju.

" Il-programm Erasmus Mundus attwali ilu jaħdem b'suċċess minn mindu saret it-tnedija tiegħu fl-2004, u ilu dan iż-żmien kollu jħeġġeġ il-ħolqien ta' korsijiet ta' kwalità għolja fil-livell ta' Masters fl-Ewropa u attira studenti ta' kalibru għoli minn universitajiet ta' pajjiżi terzi u minn dawk Ewropej," qal il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Edukazzjoni, it-Taħriġ, il-Kultura u ż-Żgħażagħ, Ján Figel. "Il-programm Erasmus Mundus kien kontributur importanti għall-modernizzazzjoni ta' l-universitajiet Ewropej fil-kuntest ta' globalizzazzjoni ta' kwistjonijiet ta' l-edukazzjoni ogħla, li jirrelata mal-Proċess ta' Bologna. Filwaqt li rridu nikkonsolidaw il-kisbiet inkuraġġanti tal-programm attwali, inħossu wkoll li jeħtieġ li nagħmlu pass ieħor u nwessgħu l-ambitu tal-programm sabiex Erasmus Mundus isir il-marka għall-kooperazzjoni ta' l-UE mal-pajjiżi terzi fil-qasam ta' l-edukazzjoni ogħla".

Din l-istrateġija ġdida ssarraf f'medda sħiħa ta' attivitajiet ġodda tal-programm li tkopri programmi konġunti tad-dottorat, appoġġ finanzjarju miżjud għall-istudenti Ewropej, kif ukoll sħubiji kollaborativi ma' reġjuni speċifiċi tad-dinja għall-benefiċċju ta' l-imsieħba kollha involuti.

Benita Ferrero-Waldner, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mir-Relazzjonijiet Esterni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, qalet: "Fis-snin imgħoddija Erasmus Mundus ta prova tal-potenzjal tiegħu bħala strument qawwi fil-qasam ta' l-edukazzjoni ogħla, b'mod partikolari fil-programmi tal-Masters. Permezz ta' Erasmus Mundus II issa rridu nutilizzaw il-potenzjal sħiħ ta' kooperazzjoni bejn universitajiet Ewropej u dawk minn pajjiżi terzi madwar id-dinja kollha: Il-programm il-ġdid għandu jestendi l-ambitu tiegħu ta' attivitajiet min-naħa ta' parteċipanti, programmi ta' edukazzjoni ogħla disponibbli u boroż ta' studju. Għandu jsaħħaħ il-kwalità ta' l-edukazzjoni Ewropea ogħla, jippromwovi l-għanijiet tal-politika esterna ta' l-UE, jappoġġja l-iżvilupp sostenibbli ta' pajjiżi terzi fil-qasam ta' l-edukazzjoni ogħla kif ukoll ikattar id-djalogu u l-fehma fost il-popli u l-kulturi."

Il-proposta ta' llum tibni fuq il-konklużjoniet ta' valutazzjoni esterna interim tal-programm attwali, valutazzjoni ex-ante ta' l-impatt tal-programm il-ġdid propost, u konsultazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati ewlenin, inklużi l-universitajiet, l-għalliema u l-istudenti. Il-valutazzjoni tindika li l-programm attwali kiseb il-miri tiegħu fil-wisa', u tirrakkomanda bil-qawwa li l-programm jitkompla. Fl-ewwel tliet snin akademiċi, 2,325 student ta' pajjiżi terzi minn 'il fuq minn 100 pajjiż u 323 università fl-Ewropa u lil hinn minnha pparteċipaw b'suċċess fil-programm u 1,826 student oħra għandhom jidħlu f'Settembru ta' din is-sena sabiex jibdew l-istudji tagħhom fl-Ewropa.

Għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonsolida l-attivitajiet attwali filwaqt li testendihom ukoll u żżid dimensjoni ġdida fil-programm. L-attivitajiet tal-programm il-ġdid se jkunu:

  • L-appoġġ ta' programmi konġunti ta' kwalità akkademika superjuri fil-livell tal-Masters u tad-Dottorat, inkluża skema ta' borża ta' l-istudju għal studenti u akkademiċi ta' kalibru għoli ta' l-UE u ta' pajjiżi terzi;
  • Il-promozzjoni ta' sħubiji bejn universitajiet Ewropej u dawk ta' pajjiżi terzi f'reġjunijiet speċifiċi tad-dinja bħala bażi għal kooperazzjoni strutturata, trasferiment ta' għarfien, skambju u mobilità fil-livelli kollha ta' l-edukazzjoni ogħla;
  • Il-miżuri ta' appoġġ li jgħinu għat-tisħiħ tal-ġibda lejn l-Ewropa mill-bqija tad-dinja bħala destinazzjoni edukazzjonali.

L-innovazzjonijiet ewlenin tal-proposta tal-programm huma:

  • Aktar opportunitajiet u varjetà fil-modalitajiet istituzzjonali ta' kooperazzjoni bejn universitajiet Ewropej u dawk ta' pajjiżi terzi u fl-iskema individwali ta' mobilità;
  • L-estensjoni ta' l-Erasmus Mundus għal studji fil-livell ta' dottorat u, parzjalment, għal-livell ta' qabel il-gradwazzjoni;
  • Appoġġ finanzjarju aqwa għall-istudenti Ewropej permezz ta' l-offerta ta' boroż ta' studju aktar attraenti.

Wara l-adozzjoni tal-lum, il-Kummissjoni għandha tinnegozja l-proposta mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Il-programm il-ġdid għandu jiġi adottat fl-2008 u jidħol fis-seħħ f'Jannar 2009 meta jiskadi l-programm attwali. Din l-iskeda għandha tevita kull tħarbit ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni matul it-tranżizzjoni mill-programm attwali għal dak tal-ġejjieni.

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/education/programmes/mundus/index_en.html


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website