Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/1044

Brussell, 10 ta' Lulju 2007

Ir-riforma ta' l-Ewropa għas-Seklu 21: Il-Kummissjoni tadotta l-opinjoni formali tagħha qabel il-Konferenza Intergovernattiva

Illum il-Kummissjoni Ewropea ħarġet l-opnijoni formali tagħha qabel il-ftuħ tal-Konferenza Intergovernattiva. Bl-isem ta' "Ir-riforma ta' l-Ewropa għas-seklu 21", l-opinjoni tal-Kummissjoni tagħti ħarsa lejn kif Trattat ta' Riforma li jirrispetta l-mandat, miftiehem fl-aħħar Kunsill Ewropew, ser jissodisfa l-ħtiġijiet politiċi strateġiċi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa llum. L-opinjoni tal-Kummissjoni telenka l-benefiċċji li t-Trattat ta' Riforma ser iġib għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni tilqa' s-sejħa tal-Konferenza Intergovernattiva u tenfasizza li l-Ewropa teħtieġ Trattat ta' Riforma li għandu jiġi miftiehem u ratifikat qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta' Ġunju 2009.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, qal: "Il-ftehim li ntlaħaq fl-aħħar Kunsill Ewropew jagħti mandat ċar u preċiż għall-ħidma tagħna. Iżda mandat mhuwiex Trattat. Issa jeħtieġ li nżommu l-momentum u niżguraw li jkollna Trattat ta' Riforma mill-aktar fis. Għandna nieħdu ċ-ċans biex inwettqu bidla. Huwa meħtieġ ukoll li noqogħdu attenti li l-innovazzjonijiet u l-kisbiet kollha li jinsabu fil-mandat ta' l-KIG jiġu tradotti fi trattat. Jeżisti kunsens politiku b'saħħtu li l-ambitu u l-kontenut tal-mandat tal-KIG għandhom jiġu rrispettati u ma jerġgħux jinfetħu mill-ġdid. Din hija l-fehma soda tal-Kummissjoni."

Margot Wallström, il-Viċi President għar-relazzjonijiet istituzzjonali u l-istrateġija tal-komunikazzjoni qalet, "L-innovazzjonijiet tat-Trattat ta' Riforma – fir-rigward ta' l-enerġija, l-immigrazzjoni, il-bilda klimatika u s-sigurtà - huma risponsi mistennija għall-aspettattivi li għandhom iċ-ċittadini mill-UE. It-Trattat il-ġdid ser itejjeb ukoll il-mod li bih jitħaddmu d-demokrazija u t-trasparenza fl-UE. Il-Kunsill ser jiddelibera fil-pubbliku: ir-rwol tal-Parlament Ewropew ser jissaħħaħ. Għall-ewwel darba l-inizjattiva taċ-ċittadinanza ser tippermetti demokrazija ta' parteċipazzjoni fuq il-livell ta' l-UE. L-involviment tal-parlamenti Nazzjonali jfisser aktar influwenza u aktar viżibbiltà fir-rigward ta' kwistjonijiet Ewropej fid-dibattiti politiċi nazzjonali."

L-opinjoni tal-Kummissjoni tistqarr li l-prova għall-Ewropa tikkonsisti fit-twettiq ta' politiki li jilħqu l-aspettattivi u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini: viżjoni ta' l-Ewropa li lesta taħdem f'għaqda sabiex tikseb ġejjieni komuni. Sabiex tilħaq il-potenzjal tagħha, l-Unjoni Ewropea teħtieġ immodernizzar u riforma.

Il-Kummissjoni temmen li l-mandat tal-KIG li ntlaħaq ftehim dwaru fil-Kunsill Ewropew tal-21-22 ta' Ġunju 2007 jilħaq bilanċ bejn ir-realiżmu politiku u l-ambizzjoni, u ser iħalli lill-Unjoni Ewropea bażi istituzzjonali u politika soda biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet taċ-ċittadini tagħha. Il-mandat tal-KIG jagħti bażi tajba għal Konferenza Intergovernattiva lventa u effiċjenti li hija kapaċi tilħaq ftehim dwar trattat għal ratifika bikrija.

L-opinjoni tal-Kummissjoni tenfasizza t-titjib li Trattat ta' Riforma, fis-segwitu ta' dan il-mandat, ser iġib lill-Unjoni Ewropea u liċ-ċittadini tagħha:

- Ewropa aktar demokratika u trasparenti bi rwol imsaħħaħ għall-Parlament Ewropew u għall-Parlamenti nazzjonali; aktar aċċessibbiltà fil-Kunsill; li jagħmilha possibbli li miljun ċittadin jappellaw lill-Kummissjoni biex tressaq inizjattiva li tinteressahom u sens aktar ċar ta' min jagħmel xiex fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livelli nazzjonali.

- Ewropa aktar effettiva b'istituzzjonijiet u metodi ta' ħidma li jkunu effettivi u ssimplifikati. L-opinjoni tal-Kummissjoni turi kif it-Trattat ta' Riforma ser jipprovdi istituzzjonijiet aktar moderni li joperaw f'Unjoni magħmula minn 27 pajjiż fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu aktar malajr. kapaċità mtejba sabiex jaġixxu fl-oqsma ta' prijorità ewlenija għall-Unjoni tal-lum: regoli simplifikati u aktar ġusti ta' votazzjoni u istituzzjonijiet organizzati b'mod aktar effiċjenti.

- Ewropa ta' drittijiet u valuri, solidarjetà u sigurtà b' careżża fir-rigward tal-valuri u l-għanijiet ta' l-Unjoni: Karta tad-Drittijiet Fundamentali li tgħaqqad id-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali li l-Unjoni għandha tirrispetta: solidarjetà u sigurtà msaħħa f'oqsma bħall-politika ta' l-enerġija: il-bidla klimatika, għajnuna umanitarja u ta' protezzjoni ċivili u saħħa pubblika u estensjoni tal-kapaċità ta' l-Unjoni sabiex taġixxi fil-libertà, s-sigurtà u l-ġustizzja.

- L-Ewropa bħala attur fuq ix-xena dinjija billi jinġabru flimkien l-istrumenti Ewropej tal-politika esterna, kemm fl-iżvilupp kif ukoll fit-twettiq tal-politika. It-trattat ta' Riforma ser jagħti vuċi ċara lill-Ewropa fir-relazzjonijiet ma' l-imsieħba madwar id-dinja; ser jagħti aktar koerenza bejn il-linji differenti tal-politika esterna ta' l-UE b'arkitettura istituzzjonali ġdida u s-setgħa ekonomika, politika u diplomatika ta' l-Ewropa tintuża għall-promozzjoni ta' l-interessi u valuri Ewropej madwar id-dinja.

L-opinjoni tal-Kummissjoni tikkonkludi li tali Trattat ta' Riforma ser jagħti l-kapaċità lill-Unjoni sabiex twettaq il-bidla, u jwassal biex l-Ewropej ikunu aktar siguri u prosperużi, u jiftħilhom il-bibien biex huma jsawru l-globalizzazzjoni. Il-Kummissjoni tappella lill-parteċipanti kollha tal-Konferenza Intergovernattiva sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet għall-ftehim u r-ratifikazzjoni tat-Trattat ta' Riforma qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta' Ġunju 2009.

Sfond

Fil-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007, il-Kapijiet ta' l-Istati u l-Gvernijiet qablu li jsejħu Konferenza Intergovernattiva. Ġie miftiehem mandat b'kompetenza ċara għat-tfassil tat-Trattat ta' Riforma li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Qabel il-ftuħ tal-Konferenza Intergovernattiva, il-Kummissjoni tagħti opinjoni formali skond l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Il-Presidenza Portugiża ħabbret li beħsiebha tiftaħ il-Konferenza Intergovernattiva waqt il-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni fit-23 u l-24 ta' Lulju 2007.

Il-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet dwar il-mandat tal-KIG għal Trattat ta' Riforma jinsabu fil-MEMO/07/283 u t-tagħrif dwar l-aspetti proċedurali ta' Konferenza Intergovernattiva jinsabu fil-MEMO/07/284.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website