IP/07/1040
Brussell, l-10 ta' Lulju 2007
"Jien kuntent li Ċipru u Malta sejrin jadottaw l-euro, biex b'hekk iġibu l-għadd ta' pajjiżi li adottaw il-munita għal 15, u għal kważi 320 miljun l-għadd ta' persuni li għandhom munita waħda, munita li msejħa tkun, xi darba, il-munita waħdanija ta' l-Unjoni Ewropea", qal Joaquin Almunia, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji. "Bis-saħħa ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, iż-żona ta' l-euro issa gawdiet minn perjodu li qatt qabel ma rajna bħalu ta' stabbiltà ta' prezzijiet u rati baxxi ta' l-imgħax. Iżda li tkun imsieħeb f'unjoni monetarja jfisser ukoll responsabbiltà addizzjonali fir-rigward ta' l-Istati Membri l-oħra: responsabbiltà li żżomm finanzi pubbliċi sodi u li tikkoordina l-politiki ekonomiċi biex jinkiseb aktar tkabbir ekonomiku u jkun hemm impjiegi aħjar għal kulħadd."
Il-ministri tal-finanzi ta' l-Unjoni Ewropea llum qablu fuq it-testi meħtieġa biex Ċipru u Malta jadottaw l-euro mill-1 ta' Jannar 2008. Abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni, ddeċidew ukoll li l-euro għandu jieħu post il-Lira Ċiprijotta bir-rata ta' 0.585274 l-euro, u post dik Maltija bir-rata ta' 0.429300 l-euro.
Il-ħtieġa li nsegwu politiki orjentati lejn l-istabbiltà
Ir-rati ta' l-inflazzjoni u l-imgħax qatt ma kienu daqstant baxxi, f'tant pajjiżi ta' l-UE u għal daqshekk tul ta' żmien, daqs ma ilhom mill-introduzzjoni ta' l-euro fl-1999. L-inflazzjoni medja taż-żona ta' l-euro baqgħet ankrata sew madwar 2% minn nofs id-Disgħinijiet, u r-rati tas-self ipotekarju kkonverġew minn livelli ta' żewġ ċifri f'xi pajjiżi fil-bidu tad-Disgħinijiet għal madwar 5%.
Ċipru u Malta sejrin igawdu dawn l-istess benefiċċji, sakemm ikomplu jsegwu finanzi pubbliċi sodi, politiki makroekonomiċi stabbli u politiki strutturali. Dan jgħodd l-ewwelnett għal riformi finanzjarji, tal-pagi, kif ukoll aktar riformi fl-oqsma tal-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa sabiex tittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi tagħhom, kif ukoll riformi strutturali biex jittejjeb il-funzjonament tas-swieq tal-prodotti u tax-xogħol.
Tħejjijiet prattiċi finali
Ċipru u Malta tajjeb li jiddedikaw attenzjoni kbira lit-tħejjijiet
prattiċi li jeħtieġ isiru fil-5½ xhur li ġejjin, sabiex
jiżguraw li l-bidla ssir bla skossi.
Wara sejħiet pubbliċi
għall-offerti, il-produzzjoni tal-muniti se tibda ftit wara
d-deċiżjoni ta' llum ta' l-ECOFIN; għall-muniti Ċiprijotti
fiz-Zekka tal-Finlandja, u għal dawk Maltin fiz-Zekka Franċiża.
Il-muniti ta' l-euro għandhom wiċċ komuni u ieħor
nazzjonali. Biex tara l-muniti ta' Ċipru u ta' Malta, ara:
http://www.centralbank.gov.cy/nqcontent.cfm?a_id=4704
http://www.centralbankmalta.com/site/coindesignlink.htm
Il-ġimgħa d-dieħa l-Kummissjoni mistennija taġġorna l-istat tat-tħejjijiet prattiċi għall-euro f'dawk il-pajjiżi ta' l-UE li għadhom ma adottawx il-munita, u li ma għandhomx "opt-out" (għażla li ma jdaħħlux il-munita) fil-liġi. Fid-dawl ta' kemm hija viċina d-data tal-bidla għal Ċipru u Malta, il-Ħames Rapport dwar l-istat tat-tħejjijiet prattiċi għat-tkabbir taż-żona ta' l-euro sejjer jiffoka fuq dawn iż-żewġ pajjiżi.
Fis-16 ta' Mejju 2007, il-Kummissjoni kienet waslet għall-konklużjoni li Ċipru u Malta kienu ssodisfaw il-kriterji tal-konverġenza għall-introduzzjoni ta' l-euro.
Għar-Rapport tal-Konverġenza, ara l-istqarrijiet għall-istampa IP/07/674 (dwar Ċipru) u IP/07/673 (Malta), kif ukoll it-testi sħaħ fis-sit:
http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/convergencereports_en.htm
Għall-pjanijiet nazzjonali tal-bidla u għal aktar tagħrif dwar it-tħejjijiet nazzjonali għall-bidla, ara:
Ċipru: http://www.euro.cy/euro/euro.nsf/dmlindex_en/dmlindex_en?opendocument