Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/07/1026

Brussell, il-5 ta' Lulju 2007

Lejn Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija

Illum tnediet inizjattiva ġdida dwar id-drittijiet tal-konsumaturi ta' l-enerġija fl-UE, hekk kif il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta għal Karta tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija. Huwa mistenni li l-Karta tesponi d-drittijiet tal-konsumaturi fl-oqsma tal-provvista ta' l-elettriku u l-gass, inklużi l-kuntratti, it-tagħrif, il-prezzijiet, is-soluzzjoni ta' tilwim u l-ħarsien kontra prattiċi kummerċjali inġusti. Din se tkun l-ewwel darba li dawn id-drittijiet jinġabru f'dokument wieħed. Il-Karta sejra tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati fl-għażla tal-fornituri huma u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fis-swieq ta' l-elettriku u l-gass miftuħa għall-kompetizzjoni - kif huwa l-każ fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri ta' l-UE mill-1 ta' Lulju 2007.

"Il-konsumaturi ta' l-UE jistennew minna li nfasslu risposta Ewropea komuni għall-isfidi ta' l-enerġija u tat-tibdil fil-klima", qal Andris Piebalgs, il-Kummissarju ta' l-UE għall-Enerġija. "Jistennew ukoll li nagħtuhom provvista sostenibbli, żgura u kompetittiva ta' l-enerġija, u jistennew li l-UE taħdem biex tipproteġi d-drittijiet tal-konsumaturi hekk kif is-swieq ta' l-enerġija jinfetħu għal għażla usa' tal-konsumatur. Hawnhekk tidħol il-proposta ta' Kartatal-Konsumaturi ta' l-Enerġija."

"Il-ftuħ ta' dawn is-swieq jirrappreżenta sew sfida kif ukoll opportunità għall-konsumaturi Ewropej", qalet Meglena Kuneva, il-Kummissarju ta' l-UE għall-Konsumaturi. "Inkunu nistgħu nikkonkludu li l-mira tagħna lħaqniha biss meta jkun irnexxielna noħolqu suq trasparenti u effiċjenti, li fih id-drittijiet tal-konsumaturi jkunu mħarsa għal kollox u l-konsumaturi jużaw l-għarfien tagħhom biex jirbħu vantaġġ mill-offerti disponibbli."

Il-Kummissoni stqarret l-impenn tagħha biex tipproteġi l-konsumaturi ta' l-enerġija fil-Komunikazzjni tagħha dwar il-politika ta' l-enerġija ta' l-10 ta' Jannar 2007. Il-Ministri ta' l-Enerġija u l-Kapijiet ta' l-Istati ta' l-UE wkoll talbu ħarsien imtejjeb tal-konsumaturi fid-dawl tal-ftuħ totali tas-swieq ta' l-enerġija ta' l-UE f'Lulju 2007, li lill-konsumaturi jagħtihom id-dritt li jagħżlu l-fornitur ta' l-enerġija li jippreferu[1].

Id-Direttivi ta' l-UE dwar l-Elettriku u l-Gass (2003/54/KE u 2003/55/KE) diġà stabbilixxew drittijiet tal-konsumaturi fil-qasam ta' l-enerġija flimkien ma' salvagwardji għaċ-ċittadini vulnerabbli, iżda jeħtieġ li dawn id-drittijiet jiġu ċċarati fid-dawl tal-ftuħ totali tas-swieq.

Il-konsumaturi għandhom bżonn ukoll tagħrif ċar biex ikunu jistgħu jagħżlu bejn il-fornituri, u jeħtieġu wkoll il-protezzjoni minn kwalunkwe prattika inġusta tal-bejgħ li tqegħidhom taħt pressjoni biex jaqilbu minn fornitur għal ieħor, jew li tagħmilhielhom diffiċli jagħmlu hekk. Il-proċeduri għall-qlib minn fornitur għal ieħor jeħtiġilhom ikunu effiċjenti. U hemm bżonn li jiġi indirizzat ir-riskju tal-"faqar enerġetiku" billi jitħarsu ċ-ċittadini li jkunu partikolarment vulnerabbli għal żidiet fil-prezzijiet ta' l-enerġija.

Lejn Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija

Il-Kummissjoni identifikat erba' miri ewlenin li l-Karta futura għandha tissejjes fuqhom:

  • ħarsien aktar effiċjenti ta' ċittadini vulnerabbli;
  • aktar tagħrif lill-konsumaturi;
  • anqas karti fil-qlib minn fornitur għal ieħor;
  • il-ħarsien tal-klijenti minn prattiċi inġusti tal-bejgħ.

Id-drittijiet tal-konsumaturi skond l-abbozz tal-Karta mistennija jinkludu:

  • Konnessjoni: id-dritt li, għal ħlas, tirċievi livelli regolari u prevedibbli ta' servizzi sikuri u żguri ta' l-elettriku u l-gass
  • Provvista: id-dritt li taqleb minn fornitur ta' l-elettriku u gass għal ieħor, mingħajr ħlas
  • Kuntratti: Il-Karta telenka l-elementi minimi li jeħtiġilhom ikunu fi kwalunkwe kuntratt ma' fornitur ta' l-enerġija
  • Tagħrif: dwar il-provvista ta' l-enerġija, il-kundizzjonijiet tal-kuntratti, il-prezzijiet u t-tariffi, il-miżuri dwar l-effiċjenza enerġetika, l-oriġini ta' l-elettriku u l-metodu li bih ġie ġġenerat.
  • Prezzijiet: l-enerġija jeħtiġilha tkun disponibbli bi prezzijiet raġonevoli, trasparenti, u li jkunu jistgħu jitqabblu faċilment u b'mod ċar
  • Miżuri soċjali li ċ-ċittadini vulnerabbli jingħataw livelli minimi ta' servizzi enerġetiċi (l-enerġija, is-sħana u d-dawl) sabiex jevitaw il-faqar enerġetiku
  • Riżoluzzjoni ta' tilwim: id-dritt għal proċeduri sempliċi u li ma jqumux ħafna flus għall-ilmenti, fil-każ ta' nuqqasijiet ta' qbil
  • Prattiċi kummerċjali inġusti: dawn huma pprojbiti skond id-Direttiva ta' l-UE dwar il-Prattiċi Kummerċjali[1].

Il-passi li jmiss

Il-partijiet interessati (inklużi rappreżentanti tal-konsumaturi, ir-regolaturi ta' l-enerġija, l-Istati Membri ta' l-UE u l-industrija tal-gass u ta' l-elettriku) sejrin jiġu kkonsultati dwar l-elementi proposti għall-Karta. Abbażi tal-kontributi tagħhom, il-Kumissjoni mbagħad sejra tabbozza d-dokument finali, li l-partijiet interessati sejrin jiffirmawh f'ċerimonja formali.

Din mistennija sseħħ fil-bidu ta' Diċembru 2007.

It-test tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea "Lejn Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-enerġija" flimkien ma' l-istedina għall-parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni pubblika jinkisbu mis-sit:
http://ec.europa.eu/energy/energy_policy/consumers/index_en.htm

Għad-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali ara:
http://ec.europa.eu/consumers/cons_int/safe_shop/fair_bus_pract/index_en.htm

Għal aktar tagħrif dwar il-politika ta' l-enerġija ta' l-UE, inkluż it-test tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Jannar 2007 dwar "Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa", ara:
http://ec.europa.eu/energy/energy_policy/documents_en.htm


[1] Iċ-Ċipru u l-Estonja għandhom deroga biex jiftħu s-swieq tagħhom ta' l-elettriku sa l-2013. Malta għandha deroga għal żmien indefinit. Il-Latvja u l-Portugall jeħtiġilhom jiftħu s-swieq tal-gass tagħhom sa l-2010. Il-Finlandja u l-Greċja jeħtiġilhom jagħmlu dan hekk kif ċerti kundizzjonijiet ikunu sodisfatti.

[1] Id-Direttiva 2005/29/KE dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali tal-11.05.2005 sejra tidħol fis-seħħ fit-12 ta' Diċembru 2007.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website