IP/07/1008
Brussell, l-4 ta' Lulju 2007
Kellna sena ta' djalogu intensiv dwar kif nistgħu nerġgħu intellgħu s-settur ta' l-inbid ta' l-UE, għall-pożizzjoni minn ta' fuqnett. Żort bosta reġjuni ta' l-inbid biex nisma' l-punti ta' tħassib tagħhom u naqsam il-fehmiet tiegħi Il-proposta tagħna llum tqis dan it-tħassib, notevolment permezz tat-titjib fil-promozzjoni ta' l-inbejjed fis-swieq ta' l-esportazzjoni, u billi jiġi limitat il-qlugħ tad-dwieli f'żoni ambjentalment sensittivi." qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. "Bħalissa qed naħlu wisq flus – aktar minn terz tal-baġit tagħna – biex neħilsu mill-inbid żejjed minflok ma ntejbu l-kompetittività u nippromwovu l-inbejjed tagħhna. Jiena konvinta li l-proposta tiegħi se terġa; tagħti l-ħajja lis-settur Ewropew ta' l-inbid u se tippermettilna nieħdu l-post li jistħoqqilna bħala l-akbar u l-aqwa fid-dinja. Mela ejja ninsew ir-retorika u nagħmlu dak li hu l-aħjar għall-koltivaturi u l-konsumaturi tagħna."
Id-dettalji tal-proposta
Ħlas Uniku għall-Farms: iż-żoni kollha kkoltivati bid-dwieli se jkunu eliġibbli għall-Ħlas Wieħed għal kull Farm, u dawk li jinqalgħu d-dwieli minnhom awtomatikament jikkwalifikaw għall-ħlas, biex b'hekk jiġi żgurat li jinżammu f'qagħda agrikola u ambjentali tajba
Tmiem għar-restrizzjonijiet fuq it-tħawwil: is-sistema tad-drittijiet tat-taħwil se tiġi estiża sa tmiem il-perjodu tranżitorju fl-2013 u mbagħad titneħħa mill-1 ta' Jannar 2014, biex produtturi kompetittivi ta' l-inbid ikunu jistgħu jespandu l-produzzjoni tagħhom. Id-deċiżjoni li tiżdied il-produzzjoni se tiddependi fuq il-kapaċità tal-produtturi li jbigħu dak li jipproduċu.
Pakketti finanzjarji nazzjonali: dawn jippermettu lill-Istati Membri jadattaw miżuri għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom. Il-baġit totali se jvarja minn €634 miljun fl-2009 sa €850 miljun fl-2015. L-ammont disponibbli għal kull pajjiż se jiġi kkalkulat skond iż-żona kkoltivata, il-produzzjoni u n-nefqa storika. Miżuri possibbli jinkludu: il-promozzjoni f'pajjiżi terzi, ir-ristrutturar/konverżjoni tal-vinji, appoġġ għall-ħsad ta' l-għeneb li ma jkunx għadu laħaq (green harvest), miżuri ġodda ta' għajnuna f'każijiet ta' kriżi, jiġifieri assigurazzjoni kontra diżastri naturali u l-ispejjeż amministrattivi għat-twaqqif ta' fond ta' għajnuna reċiproka skond is-setturi speċifiċi.
Miżuri ta' Żvilupp Rurali: Ħafna miżuri fir-regolament dwar l-Iżvilupp Rurali jistgħu jkunu ta' interess għas-settur ta' l-inbid, mhux l-anqas l-istabbiliment ta' bdiewa żgħażagħ, titjib fil-kummerċjalizzazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, appoġġ biex jiġu koperti l-ispejjeż addizzjonali u l-introjtu li jintielf biex jinżammu ambjenti kulturali u l-irtirar qabel iż-żmien. Biex dan ikun jista' jsir, il-flus jiġu trasferiti lill-baġit tar-riċerka u l-iżvilupp, minn €100 miljun fl-2009 għal €400 miljun mill-2014. Dawn il-fondi jiġu allokati għar-reġjuni li jipproduċu l-inbid.
Prattiki enoloġiċi: ir-responsabbiltà biex jiġu approvati prattikienoloġiċi ġodda jew li jiġu modifikati dawk eżistenti se jiġu ttrasferiti lill-Kummissjoni, li se tivvaluta l-prattiki enoloġiċi aċċettati mill-OIV u tinkorporahom fil-lista ta' prattiki aċċettati ta' l-UE. L-UE se tawtorizza prassi miftiehma internazzjonalment għall-produzzjoni ta' l-inbid għall-esportazzjoni lejn dawk id-destinazzjonijiet. Il-projbizzjonijiet ta' l-importazzjoni tal-most għall-produzzjoni ta' l-inbid u tat-taħlit bejn inbejjed ta' l-UE ma' l-inbejjed importati se jinżammu.
Regoli għal tikkettar aħjar: Il-kunċett ta' inbejjed ta' kwalità ta' l-UE se jkun ibbażat fuq l-oriġini ġeografiċi (inbid ta' kwalità prodott f'reġjun speċifiku). Inbejjed b'indikazzjonijiet Ġeografiċi se jinqasmu f'inbejjed ta' Indikazzjoni Ġeografika Protetta u dawk ta' Oriġini ta' Denominazzjoni Protetta. It-tikkettar se jindirizza l-ħtiġijiet tal-konsumaturi ta' l-UE billi jkun aktar sempliċi u, b'mod partikolari, għall-ewwel darba jippermetti lill-inbejjed ta' l-UE mingħajr GI jindikaw il-varjetà u l-annu fuq it-tikketta bi tweġiba għad-domanda tal-konsumaturi għal inbejjed ta' varjetà unika.
Promozzjoni u informazzjoni: il-Kummissjoni biħsieba ssegwi bir-reqqa l-kampanja responsabbli ta' promozzjoni u informazzjoni. Dan se jinkludi baġit ta' €120 miljun mill-allokazzjoni nazzjonali għal miżuri ta' promozzjoni barra l-UE, b'finanzjament parzjali ta' 50% mill-UE. Se jkun hemm kampanji ġodda ta' informazzjoni fi ħdan l-UE dwar inbejjed b'Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-konsum responsabbli/moderat ta' l-inbid, b'rata miżjuda ta' kofinanzjament ta' 60% għal din ta' l-aħħar.
Il-ħarsien ambjentali: L-eliġibbiltà taż-żoni tal-koltivazzjoni ta' l-inbid għall-Iskema tal-Ħlas Uniku tfisser li l-istandards ambjentali tal-Kundizzjonalità se jiġu applikati aktar fil-wisa'. Il-kundizzjonalità se tapplika għaż-żoni maħduma kollha. Se jkun hemm rekwiżiti ambjentali minimi għall-qlugħ tad-dwieli, ir-ristrutturar u l-ħsad aħdar, u aktar fondi għal skemi agri-ambjentali fil-programmi ta' Żvilupp Rurali.
Skema għall-qlugħ tad-dwieli: Il-koltivaturi li jixtiequ jitilqu mis-settur se jkunu offerti primjum volontarju għall-qlugħ tad-dwieli. Fl-ewwel sena, il-primjum se jkun 30% ogħla mil-livelli attwali u, bħala inċentiv biex jiġi adottat mill-ewwel sena, se jitnaqqas matul il-ħames snin ta' l-iskema. Sabiex jiġu evitati l-problemi soċjali jew ambjentali, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jillimitaw il-qlugħ tad-dwieli fil-muntanji u fl-għoljiet weqfin u f'żoni ambjentalment sensittivi biex jitwaqqaf il-qlugħ tad-dwieli jekk it-total jilħaq l-10% taż-żona ta' pajjiż ikkoltivata bid-dwieli. L-ammont totali ta' qlugħ tad-dwieli għandu jkun ta' madwar 200,000 ettaru. Il-baġit għal dan se jinżel minn €430 miljun fl-ewwel sena għal €59 miljun fil-ħames u l-aħħar sena, u l-primjum medju se jonqos minn €7.174/l-ettaru fl-ewwel sena għal €2.938/l-ettaru fil-ħames sena.
It-tneħħija tal-miżuri tal-ġestjoni tas-suq: mill-ewwel jum tad-dħul fis-seħħ tar-riforma, se jitneħħew il-miżuri li ġejjin: id-distilazzjoni fil-każ ta' kriżi, appoġġ għad-distillazzjoni tal-prodotti sekondarji, id-distillazzjoni ta' alkoħol tax-xorb u ta' għeneb b'użu doppju, għajnuna għall-ħżin privat, rifużjonijiet għall-esportazzjoni, għajnuna għall-most għall-arrikkiment ta' l-inbid.
Projbizzjoni fuq iz-zokkor għall-arrikkiment: l-użu taz-zokkor għall-arrikkiment ta' l-inbid se jkun ipprojbit mill-ewwel jum tad-dħul fis-seħħ tar-riforma. Dan il-proċess mhux konformi mad-definizzjonijiet ta' l-OIV jew ta' l-UE. It-tmiem taċ-chaptalisation u l-għajnuna għall-most se jippermetti li jinżamm il-bilanċ bejn it-tramuntana u n-nofsinhar. Il-prodotturi kollha imbagħad jagħmlu l-inbid purament mill-għeneb u most mhux sussidjat.
Is-settur ta' l-inbid ta' l-UE
L-UE għandha aktar minn 2.4 stabbiliment tal-produzzjoni ta' l-inbid, li jkopru 3.6 miljun ettaru, jew 2 fil-mija ta' l-art agrikola ta' l-UE. Il-produzzjoni ta' l-inbid fl-2006 tirrappreżenta 5% tal-valur tal-produzzjoni agrikola ta' l-UE. Il-konsum ta' l-inbid fl-UE qed jonqos, minkejja li l-bejgħ ta' l-inbid ta' kwalità qed jiżdied. Matul l-aħħar għaxar snin, l-importazzjoni żdiedet b'10% fis-sena, filwaqt li l-esportazzjoni qed tiżdied biss bil-mod. Bix-xejriet attwali, l-produzzjoni żejda ta' l-inbid se tilħaq 15% tal-produzzjoni annwali sa l-2010/11. L-UE tonfoq madwar nofs biljun euro kull sena biex teħles mill-inbid żejjed li m'hemmx bejgħ għalih.
Ara wkoll:
http://ec.europa.eu/agriculture/capreform/wine/index_en.htm
Referenza għall-vidjo mill-arkivji:
http://ec.europa.eu/avservices/video/video_search_en.cfm?witch=video&keyword=&ref=I&videoref=051269&LOGIN2=+Search