Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tieħu passi legali biex ittejjeb il-protezzjoni ta' l-għasafar u l-ħabitats u biex twaqqaf it-telf tal-bijodiversità fl-UE

European Commission - IP/06/907   03/07/2006

Other available languages: EN FR DE DA NL EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/06/907

Brussell, 3 Lulju 2006

Il-Kummissjoni tieħu passi legali biex ittejjeb il-protezzjoni ta' l-għasafar u l-ħabitats u biex twaqqaf it-telf tal-bijodiversità fl-UE

L-implimentazzjoni korretta tad-Direttivi ta' l-UE dwar l-Għasafar u l-Ħabitats hija fundamentali biex jintlaħaq l-għan ta' l-UE li twaqqaf it-telf ta' bijodiversità fl-Ewropa sa l-2010. Madankollu, skrining imwettaq mill-Kummissjoni Ewropea wera li għadd kbir ta' Stati Membri ma implimentawx korrettament dawn iż-żewġ liġijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta' ksur kontra tlettax-il Stat Membru għal vjolazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar, u kontra tmien Stati Membri oħra għall-implimentazzjoni tagħhom tad-Direttiva tal-Ħabitats. Dawn iż-żewġ Direttivi għandhom l-għan li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni għall-għasafar u għall-annimali, u l-ħabitats rispettivi tagħhom madwar l-UE. Sfortunatament, numru kbir ta' każijiet ta' ksur miftuħa mill-Kummissjoni Ewropea għall-implimentazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE fil-qasam ta' l-ambjent, għandhom x'jaqsmu ma' dawn id-Direttivi. Il-Kummissjoni, bl-azzjonijiet tagħha tittama li ttejjeb b’mod sinifikanti din is-sitwazzjoni.

"Id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats huma l-għodod ewlenin għall-konservazzjoni tal-bijodiversità ta' l-UE", qal il-Kummissjoni għall-Ambjent Stavros Dimas. "Implimentazzjoni korretta u rapida ta' dawn id-direttivi biss tista' twaqqaf it-telf tal-Bijodiversità sa l-2010: L-Istati Membri għandhom jaġixxu malajr sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni xierqa ta' għasafar u ħabitats fuq it-territorju tagħhom" qal il-Kummissarju Dimas.

Il-protezzjoni ta' l-għasafar: tlettax-il Stat Membru se jirċievu l-ewwel ittra ta’ twissija

Il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel ittri ta' twissija lill-Istati Membri li ġejjin: Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, ir-Renju Unit u l-Ungerija.

Id-Direttiva ta' l-1979 dwar l-Għasafar[1] tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta' l-ispeċijiet kollha ta' l-għasafar li jinsabu fin-natura. Din fiha wkoll regoli maħsuba biex tipproteġi l-ħabitats tagħhom. L-Istati Membri huma meħtieġa li jiddeżinjaw żoni speċjali għall-protezzjoni ta' 194 speċi mhedda u l-ispeċijiet kollha ta' għasafar li jpassu. Id-Direttiva tipprojbixxi wkoll attivitajiet li jheddu direttament l-għasafar, bħalma huma l-qtil u l-qabda intenzjonat ta' għasafar, il-qerda tal-bejtiet tagħhom u t-teħid tal-bajd tagħhom, u attivitajiet assoċjati bħalma hu l-kummerċ f'għasafar ħajjin jew mejtin (bi ftit eċċezzjonijiet ġustifikati).

In-nuqqasijiet fil-liġijiet nazzjonali tat-tlettax-il Stat Membru jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Pereżempju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiggarantix protezzjoni adegwata għall-bajd ta' l-għasafar jew għasafar li għadhom żgħar. Jew iċ-ċirkostanzi fejn il-kaċċa hija permessa ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fid-Direttiva; jew il-miżuri maħsuba biex jiżguraw il-protezzjoni tal-ħabitats mhumiex biżżejjed.

Il-protezzjoni tal-flora u l-fawna u l-ħabitats tagħhom: tmien Stati Membri se jirċievu l-ewwel ittra ta' twissija għan-nuqqas ta' konformità

Fir-rigward tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel ittri ta’ twissija lil tmien Stati Membri: Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, Malta, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovenja u s-Slovakkja.

Id-Direttiva dwar il-Ħabitats[2] ġiet adottata fl-1992. Din twessa' l-kopertura offruta mid-Direttiva dwar l-Għasafar għal firxa ferm usa' ta' speċijiet mhedda jew endemiċi, inklużi madwar 450 annimal u 500 pjanta. Madwar 200 tip rari u karatteristiku ta' ħabitat huma wkoll fil-mira għall-konservazzjoni. L-għan tagħha huwa l-promozzjoni taż-żamma tal-bijodiversità permezz tal-ħolqien ta' network ta’ żoni speċjali ta' konservazzjoni madwar l-Ewropa, in-Natura 2000, l-ewwel waħda ta' din ix-xejra fid-dinja, li tirrappreżenta l-kontribut ta' l-UE għan-network dinji previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika.

Għal darb'oħra, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' konformità ta' l-Istati Membri jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Pereżempju, mhumiex meħtieġa miżuri ta’ kumpens fil-każ ta' attività jew proġett li jkollhom impatt fuq żona speċjali ta' konservazzjoni; jew il-leġiżlazzjoni ma tistax toffri ħarsien strett għal ċerti speċijiet.

Każijiet ta' ħarsien tan-natura separati

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet għadd ta' deċiżjonijiet dwar każijiet li għadhom għaddejjin dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats fi Stati Membri speċifiċi.

Il-Kummissjoni għalqet il-każ dwar il-bini ta' l-ajruport ta' Ciudad Real fi Spanja, li tressaq fuq il-bażi li ma twettqitx valutazzjoni ta' l-impatt ambjentali (EIA) għall-proġett. Minn dak iż-żmien, tlestiet il-valutazzjoni ta' l-impatt ambjentali għall-proġett u ġew adottati sensiela ta' miżuri sostanzjali biex irażżnu jew jikkompensaw għall-effetti ta' l-ajruport fuq l-ambjent. Ir-rikonċiljazzjoni tal-konservazzjoni u l-iżvilupp hija fundamentali biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità.

Il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel ittra ta' twissija lill-Greċja wara sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tas-16 ta' Marzu 2006 li tikkundanna lill-Greċja għax naqset milli tistabbilixxi u timplimenta sistema ta' ħarsien strett għal-Lifgħa ta' Milos (każ C-518/04). Il-Lifgħa ta' Milos hija speċi fil-periklu endemika fil-Greċja. Il-Greċja kellha xahrejn biex tinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri adottati biex tikkonforma mas-sentenza. Iż-żmien skada u l-Kummissjoni ma waslitilha l-ebda tweġiba mill-awtoritajiet Griegi.

Il-Kummissjoni bagħtet l-aħħar twissija bil-miktub lill-Irlanda dwar in-nuqqas ta' konformità tagħha mad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Il-kwistjonijiet imqajma jinkludu n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet xierqa għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-użu ta' l-artijiet u pjanijiet oħra li jolqtu s-siti tan-network Natura 2000; dispożizzjonijiet dgħajfa dwar l-infurzar fejn tiġi kkawżata ħsara permezz ta' azzjonijiet illegali lill-ħabitats protetti; u nuqqas ta' dispożizzjonijiet xierqa li jiggarantixxu li l-clearfelling (il-proċess li fih kull siġra tittieħed f'operazzjoni ta' qtugħ) u t-tħawwil mill-ġdid ta' foresti koniferi kummerċjali ma jolqotx ħażin l-ispeċijiet sensittivi bħalma hu l-Freshwater Pearl Mussel ipperikolat.

Fil-każ kontra l-Awstrija, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat l-aħħar twissija minħabba li ma ġewx proposti biżżejjed siti naturali nazzjonali għan-network Natura 2000 ta' l-UE ta' siti protetti. Ħdax-il sena wara li l-Istati Membri kienu obbligati jipprovdu l-listi nazzjonali tagħhom ta' siti proposti għan-network Natura 2000, li ġie stabbilit mid-Direttiva dwar il-Ħabitats, in-network Awstrijak ta' siti proposti baqagħlu biex ikun komplut. B'kollox, ħmistax-il tip ta' ħabitat u għaxar speċijiet attwalment mhumiex koperti biżżejjed fil-lista proposta mressqa mill-Awstrija.

Dwar l-istess kwistjoni tad-deżinjazzjoni ta' siti, il-Kummissjoni tinnota li Franza rreaġiet għall-aħħar twissija bil-miktub mill-Kummissjoni f'Diċembru 2004 billi ddeżinjat 87 sit ġdid u estendiet 119 oħra fl-ambitu tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Franza ressqet ukoll proposti għal 177 żona ġdida u biex testendi 32 oħra fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Għasafar, wara li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet f'Novembru 2002 li Franza ma ddeżinjatx biżżejjed żoni speċjali għall-protezzjoni ta' l-għasafar. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni għadha qed teżamina il-proposti Franċiżi.

Proċedura Legali

L-Artikolu 226 tat-Trattat jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tieħu azzjoni legali kontra Stat Membru li mhux qed jirrispetta l-obbligi tiegħu.

Jekk il-Kummissjoni tqis li jista' jkun hemm ksur tal-liġi ta' l-UE li jirrikjedi l-ftuħ tal-proċedura ta' ksur, tindirizza "Ittra ta' Avviż Formali" (l-ewwel twissija bil-miktub) lill-Istat Membru kkonċernat, li fiha titolbu jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu sa data speċifika, is-soltu fi żmien xahrejn.

Fid-dawl tar-risposta jew tan-nuqqas ta' risposta mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi tindirizza "Opinjoni Motivata" (l-aħħar twissija bil-miktub) lill-Istat Membru. Din l-Opinjoni tesponi b'mod ċar u definittiv ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni jkun jidhrilha li jkun seħħ ksur tal-liġi ta' l-UE, u ssejjaħ lill-Istat Membru biex jikkonforma ruħu fi żmien speċifikat, is-soltu ta' xahrejn.

Jekk l-Istat Membru jonqos milli jikkonforma ma' l-Opinjoni, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżultalha li seħħ ksur tat-Trattat, l-Istat Membru fit-tort jeħtieġlu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma.

L-Artikolu 228 tat-Trattat jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li taġixxi kontra Stat Membru li ma jikkonformax ma' sentenza preċedenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. L-artikolu jippermetti wkoll lill-Kummissjoni titlob lill-Qorti sabiex timponi penali finanzjarja fuq l-Istat Membru kkonċernat.
Għal aktar tagħrif dwar il-politika ta' l-UE dwar il-ħarsien tan-natura:

http://ec.europa.eu/environment/nature/home.htm
Għall-istatistika attwali dwar il-ksur in ġenerali, ara:

http://ec.europa.eu/secretariat_general/sgb/droit_com/index_en.htm#infractions


[1] Id-Direttiva 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi;

[2] Id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website